Il-politika tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali
L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma element ewlieni tas-sistemi ta’ tagħlim tul il-ħajja li jgħammru lin-nies bl-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa f’okkupazzjonijiet partikolari jew fis-suq tax-xogħol.

X’inhuma l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali?

L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-ekonomija iżda jipprovdu wkoll lill-istudenti ħiliet importanti għall-iżvilupp personali u ċ-ċittadinanza attiva. Il-VET jistgħu jixprunaw il-prestazzjoni tal-intrapriża, il-kompetittività, ir-riċerka u l-innovazzjoni u huma aspett ċentrali għall-politika dwar l-impjiegi u dik soċjali.

Is-sistemi tal-VET fl-Ewropa jistgħu jiddependu fuq network żviluppat sew ta’ fornituri tal-VET. Dawn in-networks jitmexxew bl-involviment tas-sħab soċjali bħalma huma l-impjegaturi u t-trade unions, u f’korpi differenti, pereżempju kmamar, kumitati u kunsilli.

Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) jikkonsistu f’VET inizjali u kontinwi.

L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali (I-VET) normalment isiru fil-livell sekondarju għoli, qabel id-dħul fil-ħajja tax-xogħol tal-istudenti. Dawn iseħħu f’ambjent ibbażat fl-iskejjel (bil-maġġoranza tat-tagħlim isir fi klassi) jew f’ambjent ibbażat fuq post tax-xogħol, bħalma huma ċentri ta’ taħriġ jew kumpaniji. Dawn ivarjaw minn pajjiż għal ieħor u jiddependu fuq is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll mill-istrutturi ekonomiċi.

Il-VET kontinwi (C-VET) iseħħu wara l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali, jew wara l-bidu tal-ħajja tax-xogħol. Huma għandhom l-għan li jaġġornaw l-għarfien, jgħinu liċ-ċittadini jiksbu ħiliet ġodda, jerġgħu jipprovdu taħriġ jew ikompli jipprovdu l-iżvilupp personali u professjonali. Is-C-VET huma fil-biċċa l-kbira bbażati fuq il-post tax-xogħol bil-maġġoranza tat-tagħlim iseħħ f’post tax-xogħol.

Bħala medja, 50% taż-żgħażagħ bejn 15 u 19-il sena jipparteċipaw fil-VET fil-livell sekondarju għoli. Madankollu, il-medja tal-Unjoni Eworpea (UE) taħbi differenzi ġeografiċi sinifikanti fil-parteċipazzjoni li jvarjaw minn rati ta’ inqas minn15% għal aktar minn 70%.

Il-prijoritajiet tal-UE għall-VET

Il-kooperazzjoni Ewropea dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) ittejbet aktar bis-saħħa tal-Communiqué ta' Bruges u l-Konklużjonijiet ta’ Riga.

L-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati, il-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea, is-sħab soċjali tal-UE u l-fornituri tal-VET Ewropej qablu dwar sett ta’ riżultati tanġibbli għall-perjodu 2015-2020:

  • Biex jiġi promoss it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol fil-forom kollha tiegħu, b’attenzjoni speċjali għall-apprendistati, billi jiġu involuti s-sħab soċjali, il-kumpaniji, il-kmamar u l-fornituri tal-VET, kif ukoll bl-ixprunar tal-innovazzjoni u tal-imprenditorija.
  • Biex jiġu żviluppati aktar mekkaniżmi għall-iżgurar tal-kwalità fil-VET f’konformità mar-Rakkomandazzjoni dwar it-twaqqif ta’ Qafas ta’ Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET), u biex jitwaqqfu ċikli kontinwi ta’ informazzjoni u ta’ feedback għas-sistemi tal-I-VET u tas-C-VET abbażi tal-eżiti tat-tagħlim.
  • Biex jittejbu l-aċċess għall-VET u l-kwalifiki għal kulħadd permezz ta’ sistemi aktar flessibbli u permeabbli, b’mod partikolari billi jiġu offruti servizzi effiċjenti u integrati ta’ gwida u billi l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali ssir possibbli.
  • Biex jissaħħu l-kompetenzi ewlenin fil-kurrikuli tal-VET u jingħataw opportunitajiet aktar effettivi għall-ksib jew għall-iżvilupp ta’ dawk il-ħiliet permezz tal-VET-I u s-C-VE.
  • Biex jiġu introdotti approċċi sistematiċi u opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu tal-għalliema, tat-trainers u tal-mentors tal-VET kemm fl-ambjent tal-iskola kif ukoll dak tax-xogħol.

Il-Kumitat Konsultattiv għat-Taħriġ Vokazzjonali approva opinjoni dwar il-futur tal-VET li se tikkontribwixxi għax-xogħol politiku tal-Kummissjoni lil hinn mill-2020.

L-aħħar żviluppi

Fl-1 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni ressqet aġenda ambizzjuża biex tiggwida l-isforzi ta’ rkupru mrbuta mal-COVID-19 fl-oqsma tal-impjiegi u l-politika soċjali. L-enfasi hija fuq il-ħiliet u l-VET. 

Il-proposti huma kontribut importanti għall-Pjan ta’ Rkupru tal-President von der Leyen. Il-proposti jinkludu:

  • Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Aġenda Ewropea għall-Ħiliet għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza Il-Komunikazzjoni tressaq 12-il azzjoni tal-UE li għandhom l-għan li jappoġġjaw sħubijiet għall-ħiliet, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid fihom u l-għoti ta’ setgħa lit-tagħlim tul il-ħajja. 

    Riżultat importanti fi ħdan il-Komunikazzjoni se jkun Patt ġdid għall-Ħiliet li għandu jitnieda f’Novembru 2020 matul il-ġimgħa tal-ħiliet. Jistabbilixxi objettivi kwantitattivi ambizzjużi fil-livell tal-UE u tiddeskrivi kif l-UE se tappoġġja l-investimenti għall-ħiliet. 
     
  • Il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-Evalwazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim informali u mhux formali.
     
  • Il-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għal kompetittività sostenibbli, ġustizzja soċjali u reżiljenza tfittex li tiżgura li l-VET jgħammru lill-ħaddiema – żgħażagħ u anzjani – bil-ħiliet biex jappoġġaw l-irkupru tal-COVID-19, kif ukoll it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, b’mod soċjalment ekwu. 

    Il-proposta tippreżenta azzjonijiet fil-livell tal-UE biex tappoġġja r-riforma tal-VET b’objettivi kwantitattivi ċari. Il-proposta hija akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

Il-ħidma tal-Kummissjoni fuq il-VET hija appoġġjata minn żewġ aġenziji:

Kif l-UE qiegħda tippromwovi l-VET?

  • Is-sistema Ewropea ta’ Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET) tagħmilha aktar faċli għall-istudenti tal-VET biex jirċievu validazzjoni u rikonoxximent ta’ ħiliet u għarfien relatati max-xogħol miksuba f’sistemi u f’pajjiżi differenti. Tista' ssib aktar informazzjoni fis-sit web tal-ECVET.
  • Il-Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (EQAVET) huwa strument ta’ referenza mfassal biex jgħin lill-pajjiżi tal-UE jippromwovu u jimmonitorjaw it-titjib kontinwu tas-sistemi tagħhom tal-VET imsejjes fuq referenzi maqbula b’mod komuni. Tista' ssib aktar informazzjoni fis-sit web tal-EQAVET.
  • Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi tidentifika 14-il kriterju ewlieni li l-pajjiżi tal-UE u l-partijiet ikkonċernati għandhom jużaw biex jiżviluppaw apprendistati effettivi u ta’ kwalità għolja.
  • L-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, stabbilita fl-2013, immobilizzat b’mod effettiv Stati Membri tal-UE, pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u pajjiżi kandidati tal-UE u ’l fuq minn 230 parti kkonċernata biex jimpenjaw ruħhom fit-tisħiħ tal-forniment, il-kwalità u l-immaġni tal-apprendistati. Dan l-aħħar il-mobilità tal-apprendisti ġiet miżjuda wkoll mal-objettivi tal-Alleanza.
  • In-Network Ewropew tal-Apprendisti ġie stabbilit biex jiżgura li leħen iż-żgħażagħ apprendisti jinstema’ f’diskussjonijiet relatati mal-VET u l-apprendistati.
  • Il-Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali annwali li tnediet fl-2016, hija kampanja fl-Ewropa kollha bl-għan li titjieb l-attrattività u l-immaġni tal-VET.
  • Il-Grupp ta’ Ħidma ET2020 dwar il-VET għandu l-għan li jgħin lil dawk li jfasslu l-politika u partijiet ikkonċernati oħra fit-tfassil ta’ politiki u prattiki. Il-Grupp ta’ Ħidma attwali jiffoka fuq l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fil-VET u l-VET ogħla fil-livell tas-sistema. Il-Grupp bejn l-Aġenziji dwar Edukazzjoni u Taħriġ Tekniku u Vokazzjonali (IAG-TVET), immexxi mill-UNESCO, jiżgura l-koordinazzjoni tal-attivitajiet bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin – fost l-oħrajn il-Kummissjoni, involuti fil-politika, il-programmi u r-riċerka dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Tekniċi u Vokazzjonali (TVET).

Strumenti finanzjarji li jappoġġjaw il-politika dwar l-VET:

  • Il-Programm Erasmus+ għandu pakkett finanzjarju indikattiv ġenerali ta’ €14,774 biljun. Minn dan l-ammont kważi €3 biljun huma assenjati għall-VET matul il-perjodu 2014-2020. Kull sena, madwar 130,000 student tal-VET u 20,000 membru tal-istaff tal-VET jibbenefikaw minn opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-Erasmus+. Barra minn hekk kważi 500 proġett tal-VET fis-sena huma ffinanzjati taħt is-sħubijiet strateġiċi tal-Erasmus+. Il-programm jiffinanzja wkoll attivitajiet oħra bħall-Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali.
  • Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) huwa xprun finanzjarju importanti għall-VET. Mill-2014 sal-2020 il-FSE għandu objettiv tematiku li jassenja baġit sinifikanti lill-azzjonijiet li jappoġġjaw il-VET. Kważi €15-il biljun kienu ddedikati, fost l-oħrajn, għat-tisħiħ tal-aċċess ugwali għat-tagħlim tul il-ħajja u biex jiġu promossi mogħdijiet flessibbli u tittejjeb ir-rilevanza tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għas-suq tax-xogħol.