×

Grazzi talli żort is-sit web il-ġdid tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ.  Bħalissa l-maġġoranza tal-paġni huma disponibbli bl-Ingliż.  Madankollu, bħalissa qiegħda ssir it-traduzzjoni tas-sit fit-23 lingwa l-oħra tal-UE.  Naġġornaw il-paġni jekk kif ikollna f’idejna t-traduzzjonijiet.

Il-politika tal-UE fil-qasam tat-tagħlim għall-adulti

It-tagħlim għall-adulti huwa firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali - kemm ġenerali u kif ukoll vokazzjonali - imwettqa mill-adulti wara li jkunu ħallew l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali.

X’inhu t-tagħlim għall-adulti?

It-tagħlim għall-adulti huwa firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali — kemm ġenerali u kif ukoll vokazzjonali — imwettqa mill-adulti wara li jkunu ħallew l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali. It-tagħlim għall-adulti jista’ jkun marbut mal-impjieg (għall-ħidma attwali jew futura), għall-iżvilupp personali, biex tikseb ħiliet tal-ħajja (eż. kif timla formola tat-taxxa, tidentifika l-aħbarijiet foloz jew għaliex huwa importanti li tieħu parti fl-elezzjoni), għad-divertiment, jew taħlita ta’ dawn ir-raġunijiet.

It-tagħlim għall-adulti huwa komponent vitali tal-politika tat-tagħlim tul il-ħajja tal-Kummissjoni Ewropea.

Hu essenzjali għall-impjegabbiltà u l-kompetittività, l-inklużjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva, u l-iżvilupp personali. L-isfida hija li nipprovdu opportunitajiet ta’ tagħlim għall-adulti kollha, matul ħajjithom kollha, speċjalment lill-gruppi żvantaġġati li l-iktar għandhom bżonnhom.

Għaliex hemm bżonn ta’ tagħlim għall-adulti?

Illum il-ġurnata, in-nies ma jistgħux sempliċement jiddependu fuq il-ħiliet li akkwistaw fl-iskola sat-tmiem il-ħajja (tax-xogħol) tagħhom. Aktar tagħlim tal-adulti jista’ jgħin lill-Ewropa tegħleb l-isfidi ekonomiċi, tissodisfa l-ħtieġa ta’ ħiliet ġodda, u żżomm il-forza tax-xogħol produttiva tagħha li dejjem qed tixjieħ. It-tagħlim huwa wkoll essenzjali għall-inklużjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva u biex wieħed jagħmel il-kompiti ta’ kuljum fil-kuntest ta’ diġitalizzazzjoni dejjem akbar.

Ir-rata ta’ parteċipazzjoni tal-adulti (ta’ età bejn il-25 u l-64 sena) fit-tagħlim (erba’ ġimgħat qabel stħarriġ) tvarja b’mod sinifikanti bejn il-pajjiżi tal-UE: minn 1.1% għal 30.4% (Eurostat, 2017), u t-tendenza ġenerali hi li n-numri qed jistaġnaw. Ir-rati ta’ parteċipazzjoni huma speċjalment diżappuntanti għal adulti b’ħiliet baxxi u għall-anzjani. L-azzjoni fil-livell Ewropew se żżid l-għarfien dwar politiki ta’ suċċess, tipprovdi appoġġ, u tippermetti skambju aħjar ta’ esperjenzi bejn il-pajjiżi.

Oqsma ta’ Prijorità tal-UE

1) Aġenda Ewropea għat-Tagħlim għall-Adulti

Il-Kummissjoni qiegħda taħdem ma' 32 pajjiż biex timplimenta l-Aġenda Ewropea għat-tagħlim tal-adulti (2011). Din tenfasizza l-ħtieġa li tiżdied b’mod sinifikanti l-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim ta’ kull tip (tagħlim formali, mhux formali u informali) kemm biex wieħed jikseb aktar ħiliet ta’ xogħol, kemm għal ċittadinanza attiva, u kemm għall-iżvilupp jew għas-sodisfazzjon personali.

L-Aġenda tiddeskrivi viżjoni dwar kif għandu jiġi żviluppat it-tagħlim għall-adulti fl-Ewropa sal-2020.

Il-prijoritajiet speċifiċi għall-perjodu 2015-2020 huma:

Daħħal l-istampa

2) Titjib tal-kompetenzi - Opportunitajiet ġodda għall-adulti

Il-qari, il-kitba, il-kalkoli sempliċi u l-użu ta’ kompjuter: dawn huma affarijiet li nagħmlu ta’ kuljum, inqiegħdu fil-prattika l-ħiliet bażiċi tagħna, l-aktar mingħajr ma lanqas biss nirrealizzaw.

Dawn l-operazzjonijiet sempliċi, li għal ħaddieħor mhuma xejn, għal kważi 70 miljun persuna fl-Ewropa huma kedda.

Sew jekk qegħdin f’impjieg, sew jekk huma qiegħda jew inattivi ekonomikament, l-inizjattiva Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet tipprovdi bidu ġdid lil dawn in-nies permezz ta’ mmappjar u rikonoxximent tal-għarfien u l-ħiliet li diġà għandhom, kif ukoll id-distakk fil-ħiliet bażiċi ta’ litteriżmu, numeriżmu u ħiliet diġitali tagħhom; billi jingħataw edukazzjoni u taħriġ ulterjuri li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal kwalifika ġdida.

L-inizjattiva Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet issegwi loġika sempliċi fi tliet stadji, dejjem adattata għas-sitwazzjoni speċifika ta’ kull individwu.

Daħħal l-istampa

Għodod biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet tagħna

1) Grupp ta' Ħidma dwar it-Tagħlim għall-Adulti ta' ET 2020 li huwa magħmul minn esperti nazzjonali, rappreżentanti tas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili Ewropej. Huma jiskambjaw, janalizzaw u jiżviluppaw gwida ta’ politika dwar it-tagħlim għall-adulti, li jkunu bbażati fuq l-aħjar prattika fl-Ewropa kollha.

2) Koordinaturi nazzjonali
Il-Kummissjoni tiffaċilita network ta' 36 koordinatur nazzjonali li jippromwovu t-tagħlim tal-adulti f'pajjiżhom, jipprovdu parir dwar il-politika u appoġġ, u jiġbru u jxerrdu l-prattiki tajbin. Huma jirċievu appoġġ finanzjarju mill-Kummissjoni Ewropea, permezz tal-programm Erasmus+. Ġiet ippubblikata ħarsa ġenerali għall-perjodu 2012–2016 u tista’ ssibha hawnhekk.

3) Ħidma mal-prattikanti u s-soċjetà ċivili
Il-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim għall-Adulti fl-Ewropa (EPALE) hija spazju mulitlingwi online għall-iskambju, il-wiri, u l-promozzjoni tal-metodi tal-aħjar prattika fl-edukazzjoni għall-adulti. L-individwi involuti fl-organizzazzjoni u l-għoti tal-edukazzjoni għall-adulti għandhom aċċess għall-pjattaforma biex jaqmsu l-aħħar żviluppi u t-tagħlim minn xulxin.

EPALE tinkludi wkol librerija ta' riżorsi, kalendarju ta' korsijiet u avvenimenti ta' interess għall-professjonisti tal-edukazzjoni għall-adulti, kif ukoll għodda għat-tiftix tal-imsieħba, li dalwaqt se titlesta minn gruppi kollaborattivi.

Il-Kummissjoni taħdem ukoll ma' għadd ta' assoċjazzjonijiet, networks, u organizzazzjonijiet tax-xogħol li jippromwovu t-tagħlim tal-adulti fl-Ewropa.

X’inhuma l-passi li jmiss?

  • Il-Grupp ta' Ħidma dwar it-Tagħlim għall-Adulti ta' ET 2020 qed jaħdem fuq gwida ta' politika dwar it-tagħlim għall-adulti fuq il-post tax-xogħol mill-2016 sal-2018.
  • L-implimentazzjoni tal-Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet
  • Punti ta’ referenza u indikaturi: Il-pajjiżi tal-UE stabbilixxew mira għat-tagħlim tal-adulti: sal-2020, 15% tal-adulti ta’ bejn il-25 u l-64 sena għandhom ikunu qed jipparteċipaw. Fl-2017, il-parteċipazzjoni medja kienet ta’ 10.9% u 8 pajjiżi biss fl-UE kienu laħqu r-rata mmirata.
  • Il-Kummissjoni tippubblika indikaturi u data dwar is-sitwazzjoni attwali fil-pajjiżi Membri, ir-rapporti dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-politiki u tipproponi politika ġdida.

Segwi l-proċess fuq il-midja soċjali bil-hashtags #EUAdultLearning u #UPSkillEU