Edukazzjoni inklużiva

Il-bini ta’ soċjetajiet inklużivi u koeżivi permezz tal-edukazzjoni u l-kultura hu prijorità għall-Kummissjoni.

Pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali

F'Diċembru 2017, il-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea approvaw bi sħiħ l-adozzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali. Il-ftehim jenfasizza l-importanza tad-dimensjonijiet soċjali, edukazzjonali u kulturali tal-politiki tal-UE għall-bini ta’ futur komuni Ewropew.

L-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali jissottolinja li:

“Kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex iżomm u jakkwista ħiliet li jippermettulu jipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà u jimmaniġġja b’suċċess tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol.”

Il-promozzjoni tal-ugwaljanza, tal-koeżjoni soċjali u taċ-ċittadinanza attiva hi waħda mill-objettivi strateġiċi għal kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell tal-UE. Ir-rapport konġunt tal-2015 tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija ET 2020 stabbilixxa li “edukazzjoni inklużiva, ugwaljanza, ekwità, nondiskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-kompetenzi ċiviċi” huma oqsma prijoritarji għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

L-istrateġija Ewropa 2020 u l-ET 2020 stabbilixxew żewġ miri ewlenin li għandhom jitwettqu fl-Ewropa kollha sal-2020:

Fil-kontribuzzjoni tagħha għas-Summit Soċjali ta’ Gothenburg, il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet il-viżjoni tagħha għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Din l-inizjattiva tenfasizza l-valur ta’ edukazzjoni inklużiva u ta’ kwalità tajba mit-tfulija biex tinfirex is-sodda għall-koeżjoni soċjali, il-mobbiltà soċjali u soċjetà ekwa.

Din il-viżjoni kellha aktar appoġġ fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rwol tal-politika dwar iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-kultura fil-bini ta’ Ewropa aktar b’saħħitha, li ddikjarat li wieħed mill-objettivi taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni għandu jkun li jappoġġja lill-Istati Membri fit-titjib tan-natura inklużiva tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom.

Wara l-proposti mill-Kummissjoni, diġà ġew adottati diversi inizjattivi ta’ politika:

F'Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat proposta għal programm Erasmus+ ġdid, hi u tirdoppja l-baġit tal-programm. Il-programm il-ġdid hu mistenni li jippermetti aktar miljuni ta’ żgħażagħ Ewropej mill-isfondi soċjali kollha biex jistudjaw, jitħarrġu u jitgħallmu barra minn pajjiżhom u se jinkludi wkoll qafas Ewropew ta’ inklużjoni u strateġiji nazzjonali ta’ inklużjoni.

Ir-rwol tal-UE fil-kisba ta’ edukazzjoni inklużiva

Il-progress tal-Istati Membri lejn it-twettiq ta’ edukazzjoni inklużiva hu mmonitorjat permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew u tal-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ. Il-Monitoraġġ jipprovdi wkoll evidenza dwar ir-rwol tal-edukazzjoni fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali.

Il-Kummissjoni qed timplimenta wkoll firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet f’dan il-qasam, fosthom:

  • it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Ħidma ET 2020 dwar il-Promozzjoni ta’ Valuri Komuni u l-Edukazzjoni Inklużiva, li pproduċa kompendju konċiż online ta’ prattiki tajba f'dan il-qasam b’aċċess fuq Yammer;
  • inizjattiva li tinvolvi mudelli ta’ rwoli pożittivi biex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali, u biex ikunu impeduti l-esklużjoni u r-radikalizzazzjoni vjolenti fost iż-żgħażagħ
  • sett ta’ għodod għall-ħaddiema fost iż-żgħażagħ li jaħdmu ma’ żgħażagħ b’riskju ta’ marġinalizzazzjoni
  • il-Premju Ewropew għall-Inklużjoni Soċjali permezz tal-Isport

Barra minn hekk, il-programm Erasmus+ jappoġġja l-inizjattivi u l-attivitajiet biex jiġu żviluppati politiki u prattiki innovattivi fil-livell bażiku li jipprijoritizzaw l-inklużjoni soċjali.

Xi jmiss?

Il-Kummissjoni qed taħdem fuq l-iżviluppi li ġejjin:

  • l-espansjoni tal-Għodod Ewropej għall-Iskejjel, pjattaforma online għall-iskejjel u l-għalliema. Is-sett ta’ għodod joffri eżempji ta' prattiċi tajbin u riżorsi għall-introduzzjoni ta’ approċċi kollaborattivi fl-iskejjel biex titjieb l-inklużività u jiġu pprovduti opportunitajiet ugwali
  • l-espansjoni tal-pjattaforma online tal-eTwinning, li għandha l-għan li tlaqqa’ flimkien l-għalliema u l-klassijiet fl-Ewropa kollha u li tappoġġja korsijiet ta’ taħriġ għall-għalliema dwar l-edukazzjoni fil-qasma taċ-ċittadinanza
  • l-ipprovdir ta’ inċentivi għal istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja sabiex jagħtu credits għall-volontarjat u għall-iżvilupp tal-kurrikuli li jikkombinaw il-kontenut akkademiku mal-impenn ċiviku
  • l-implimentazzjoni tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, inizjattiva tal-UE li toħloq l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ sabiex jivvolontarjaw jew jaħdmu fuq proġetti, f’pajjiżhom jew barra pajjiżhom, li għandhom benefiċċju komunitarju jew reġjonali
  • it-tnedija ulterjuri tal-Iskambju Virtwali ta’ Erasmus+ li jippermetti liż-żgħażagħ fl-Ewropa u fin-Nofsinhar tal-Mediterran jinvolvu ruħhom f’esperjenzi interkulturali sinifikanti online, bħala parti mill-edukazzjoni formali jew mhux formali tagħhom