Skip to main content
Knowledge Centre on Interpretation

Interpretazzjoni tas-Servizz Pubbliku - Definizzjoni u kuntest

X’inhi l-interpretazzjoni tas-servizz pubbliku, u xi tfisser f’dan il-kuntest?

Definizzjoni

L-interpretazzjoni tas-servizz pubbliku (PSI) “hija t-tip ta’ interpretazzjoni li sseħħ bejn ir-residenti ta’ komunità. Titwettaq fil-kuntest tas-servizzi pubbliċi, fejn l-utenti tas-servizz ma jitkellmux il-lingwa tal-maġġoranza tal-pajjiż. Kien fl-1995 li d-dinja ngħaqdet flimkien biex taqsam l-esperjenzi, tiddibatti l-kunċetti, u tistabbilixxi network internazzjonali ibridu ta’ prattikanti, edukaturi u riċerkaturi tal-PSI. Jistgħu jinqalgħu l-kunflitti fil-PSI, minħabba li l-parteċipanti ta’ interazzjonijiet interpretati, inkluż l-interpretu, ma jkunux jafu l-ħtiġijiet, ir-rwoli, l-għanijiet u l-ideat ta’ xulxin. Ir-riċerka fil-qasam tal-PSI għadha qed tiżviluppa. Hemm bżonn urġenti ta’ taħriġ ta’ professjonisti fil-qasam tal-PSI. Huwa kruċjali wkoll li jkun hemm skambju reċiproku bejn ir-riċerka, it-taħriġ u l-prattika fejn kull aspett jinforma lill-ieħor.”

Sors: Hale, S., “Public service interpreting”, f’The Oxford Handbook of Translation Studies, edituri K. Malmkjaer u K. Windle. Oxford University Press, Oxford, UK, pp. 343-356.

 

L-interpretazzjoni tas-servizz pubbliku, għall-għan ta’ dan iċ-Ċentru ta’ Għarfien, hija t-tip ta’ interpretazzjoni li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jikkomunikaw ma’ persuni bi sfond ta’ migrazzjoni u/jew ma’ refuġjati li ma jitkellmux jew ma jifhmux (biżżejjed) il-lingwa(i) nazzjonali, biex jiġi eżaminat l-istatus tagħhom bħala persuni (potenzjali) li jfittxu l-ażil jew biex ikollhom aċċess għal servizzi pubbliċi bħall-kura tas-saħħa, servizzi muniċipali u tal-pulizija. Din tippermetti djalogu ċar bejn il-migranti u l-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti, billi toffri komunikazzjoni fiż-żewġ direzzjonijiet permezz ta’ interpretu wieħed.

Kuntest

Matul dawn l-aħħar snin, is-suq tas-servizzi tal-PSI fl-Unjoni Ewropea żdied, b’mod partikolari minħabba li l-għadd ta’ migranti żdied b’mod drammatiku. Id-DĠ Interpretazzjoni għalhekk iqiegħed l-enfasi fuq il-PSI f’dan il-kuntest migratorju. Id-domanda kibret, iżda sal-lum il-PSI hija essenzjalment professjoni mhux regolata li m’għandhiex standards uniformi f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità, it-taħriġ, l-etika, ir-remunerazzjoni jew definizzjoni komuni. Minbarra t-terminu PSI, jintużaw terminu oħra għall-istess kunċett bħall-interpretazzjoni komunitarja, l-interpretazzjoni ta’ djalogu, il-medjazzjoni kulturali jew l-interpretazzjoni ad hoc, li ta’ spiss titwettaq minn qarib, li jista’ jinvolvi r-riskju ta’ preġudizzju.

Ħafna drabi l-interpreti tal-PSI m’għandhomx it-taħriġ professjonali meħtieġ jew saħansitra l-aċċess għat-taħriġ rikonoxxut b’mod ġenerali. In-nuqqas ta’ interpreti tal-PSI mħarrġa jista’ jispjega għaliex l-Istati Membri kellhom diffikultajiet biex jorganizzaw l-interpretazzjoni matul il-flussi migratorji eċċezzjonali tal-2015/2016, pereżempju fil-hotspots li nħolqu b’rispons konġunt fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Biex jingħeleb in-nuqqas tal-interpreti tal-PSI mħarrġa, aktar ċentri edukattivi u universitajiet bdew jiżviluppaw korsijiet speċjalizzati ta’ interpretazzjoni. Xi wħud minn dawn l-istabbilimenti daru lejn id-DĠ Interpretazzjoni għal appoġġ fl-istabbiliment ta’ standards u fl-iżvilupp ta’ kurrikulu.

Kamp ta' Applikazzjoni

Il-mandat ewlieni tad-DĠ Interpretazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea huwa l-interpretazzjoni tal-konferenzi għall-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. L-interpretazzjoni tas-servizz pubbliku ma taqax fl-ambitu tal-kompetenza tagħha u d-DĠ Interpretazzjoni m’għandux l-għan li jorganizza jew jipprovdi servizzi tal-PSI, li hi kompetenza esklużiva tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Il-kompetenza għall-iffissar tal-istandards fil-qasam tal-edukazzjoni tal-interpreti hija f’idejn l-Istati Membri. L-għan tal-pjattaforma taċ-Ċentru tal-Għarfien huwa biss li tipprovdi lill-partijiet ikkonċernati bi spazju fejn jaqsmu l-informazzjoni u jiskambjaw l-aħjar prattiki. Il-partijiet ikkonċernati għandu mnejn ikunu jixtiequ jużawha biex irawmu komunitajiet ta’ prattika u b’mod aktar ġenerali biex isaħħu l-approċċ minn isfel għal fuq f’kuntest standard fil-qasam tal-PSI.

Ikkontribwixxi

Il-kapitlu tal-PSI taċ-Ċentru tal-Għarfien għalhekk huwa maħsub bħala post fejn jiltaqa’ kull min hu involut jew interessat fil-PSI - interpreti, studenti, għalliema, riċerkaturi, organizzazzjonijiet professjonali, aġenziji u awtoritajiet pubbliċi. Il-partijiet ikkonċernati huma mħeġġa jaqsmu l-informazzjoni u jikkontribwixxu l-kontenut biex tinħoloq bażi ta’ data u spazju fejn jiltaqgħu il-partijiet ikkonċernati mid-dinja kollha.

Inti tagħmel parti minn organizzazzjoni tal-PSI li mhix imsemmija? Ir-reġjun jew il-pajjiż tiegħek għandu liġi jew kodiċi ta’ kondotta fil-qasam tal-PSI? Jekk jogħġbok għinna nżidu mal-informazzjoni li għandna billi tuża l-formola ta’ kontribut, biex l-għarfien ikun jista’ jinqasam u jintuża aktar!

Biex tingħaqad jew toħloq komunità, jekk jogħġbok mur fl-Ispazju Kollaborattiv - Komunitajiet

Give feedback on this page

mandatory field