Il-kompetenzi lingwistiċi huma fil-qalba tal-viżjoni ambizzjuża biex tinħoloq Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Li wieħed ikun kapaċi jitkellem lingwi barranin mhux biss hi kompetenza meħtieġa biex ikun jista’ jistudja barra l-pajjiż u fis-swieq tax-xogħol li aktar ma jgħaddi żmien aktar qed isiru internazzjonali. Dan jiftaħ ukoll perspettivi ġodda u jagħmilha possibbli għan-nies li jiskopru kulturi oħrajn. L-istudji juri li b’mod ġenerali, l-Istati Membri tal-UE mhumiex jagħmlu progress mgħaġġel biżżejjed lejn il-mira miftiehma mal-UE kollha li kull Ewropew għandu jkun jista’ jitgħallem żewġ lingwi barranin minn età bikrija. Fil-fatt il-livelli ta’ profiċjenza lingwistika fost l-istudenti fl-aħħar tal-edukazzjoni obbligatorja huma b’mod ġenerali baxxi, u jeżistu differenzi kbar ħafna bejn l-Istati Membri. Biż-żieda kemm tal-mobbiltà intra-Ewropea kif ukoll ta’ livelli bla preċedent ta’ tfal tal-iskola li qed jaslu minn pajjiżi terzi li jitkellmu lingwi differenti, jeħtiġilna nikkunsidraw mill-ġdid l-isfidi u l-opportunitajiet li qed niffaċċjaw magħhom, sabiex nagħmlu l-multilingwiżmu assi ta’ vera għall-UE. 

Ir-rakkomandazzjoni proposta timmira li:

  • jissaħħaħ l-apprendiment tal-lingwi billi ssir enfasi li jintlaħqu livelli ta’ kompetenzi speċifiċi, abbażi tal-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi tal-Kunsill tal-Ewropa, sat-tmiem tal-edukazzjoni obbligatorja; 
  • li jiġi introdott il-kunċett tal-għarfien tal-lingwi fl-edukazzjoni u t-taħriġ, li jipprovdi qafas inklużiv għal apprendiment tal-lingwi, billi titqies il-varjetà tal-kompetenzi lingwistiċi tal-istudenti. 
  • li jiġi żgurat li aktar għalliema tal-lingwi jibbenefikaw minn opportunitajiet ta’ apprendiment u ta’ studju barra l-pajjiż; 
  • li jiġu identifikati u promossi pedagoġiji innovattivi, inklużivi u multilingwi, bl-użu ta’ għodda u ta’ pjattaformi bħall-iSchool Education Gateway u l-eTwinning.