×

Grazzi talli żort is-sit web il-ġdid tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ.  Bħalissa l-maġġoranza tal-paġni huma disponibbli bl-Ingliż.  Madankollu, bħalissa qiegħda ssir it-traduzzjoni tas-sit fit-23 lingwa l-oħra tal-UE.  Naġġornaw il-paġni jekk kif ikollna f’idejna t-traduzzjonijiet.

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku Awtomatiku ta’ Diplomi u ta’ perjodi ta’ apprendiment barra l-pajjiż

F’Mejju tal-2018, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ diplomi ta’ edukazzjoni għolja u ta’ edukazzjoni sekondarja għolja u l-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra l-pajjiż.

Ir-rikonoxximent tal-esperjenzi tal-mobbiltà

F’Mejju tal-2018, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ diplomi ta’ edukazzjoni għolja u ta’ edukazzjoni sekondarja għolja u l-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra l-pajjiż. L-objettiv huwa li jiġi żgurat li kull student, apprendist jew alliev li lesta esperjenza ta’ tagħlim barra mill-pajjiż, kemm għal kwalifika kif ukoll għal mobilità ta’ tagħlim, jista’ jkollu dik l-esperjenza rikonoxxuta awtomatikament għall-finijiet ta’ studju ulterjuri. It-titjib tal-proċeduri ta' rikonoxximent hu element ewlieni tal-ambizzjoni tal-ħidma lejn Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025, fejn in-nies jista’ jkollhom sens qawwi tal-identità tagħhom bħala Ewropej, li jitlob għal “Ewropa fejn it-tagħlim, l-istudju u r-riċerka ma jkunux imfixkla mill-fruntieri.”

Il-mobilità fit-tagħlim trawwem il-kompetenzi u l-esperjenzi li huma kruċjali għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol. Dan intwera fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu reċenti tal-programm Erasmus+ li rrapportat dwar l-impatt pożittiv tal-mobilità fuq il-fiduċja, l-indipendenza, il-kapital soċjali u t-tranżizzjoni għall-impjieg tal-istudenti. Fil-kuntest ta’ ambjent globalizzat tal-edukazzjoni u l-impjieg, huwa imperattiv li l-istudenti jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-opportunitajiet kollha ta’ tagħlim madwar l-UE.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati aktar kmieni din is-sena wrew appoġġ qawwi għall-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam. Ir-rispondenti kkonfermaw li l-proċess ta’ rikonoxximent ta’ spiss hu bil-mod, merħi għad-diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet individwali u mhux trasparenti b’mod suffiċjenti. B’mod partikulari fil-livell sekondarju, ir-rikonoxximent kemm tal-kwalifiki ta’ sekondarja għolja u l-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra l-pajjiż ivarjaw bl-kbir minn pajjiż għal ieħor. Iż-żgħażagħ li jixtiequ jistudjaw għal perjodu itwal barra l-pajjiż matul l-edukazzjoni sekondarja, jew jaċċessaw l-edukazzjoni għolja fi Stat Membru, spiss għandhom nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ ċertezza dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-kompetenzi tagħhom.

Ir-Rakkomandazzjoni proposta tal-Kunsill

Ir-Rakkomandazzjoni proposta tal-Kunsill tistieden lill-Istati Membri biex jassumu impenn politiku biex jieħdu passi ħalli jintroduċu r-rikonoxximent awtomatiku sal-2025. Dan se jkun akkumpanjat b’azzjonijiet li se jibnu fiduċja fis-sistemi tal-edukazzjoni ta’ xulxin, u jappoġġja lill-Istati Membri fit-titjib tar-rikonoxximent sabiex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-apprendiment.

Fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, ir-Rakkomandazzjoni se tibni fuq il-progress li diġà sar f’fora oħrajn, notevolment il-Proċess ta’ Bologna u l-Konvenzjoni ta’ Lisbona dwar ir-Rikonoxximent, kif ukoll permezz ta’ ftehimiet multilaterali bejn gruppi ta’ Stati Membri, bħad-Deċiżjoni tal-Benelux dwar ir-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki ta’ edukazzjoni għolja ta’ Jannar 2018. Hi se tippromwovi wkoll aktar użu tal-għodod eżistenti li jistgħu jappoġġjaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra l-pajjiż, bħall-Europass, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, is-Sistema Ewropea ta' Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali u oħrajn.

Fil-livell sekondarju, ir-Rakkomandazzjoni proposta timmira li jittejbu l-proċessi ta’ rikonoxximent għall-kwalifiki sekondarji għolja li jagħtu aċċess għall-edukazzjoni għolja, inklużi dawk fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Barra minn hekk, hi se tippromwovi r-rikonoxximent tal-eżiti minn perjodu ta’ apprendiment barra l-pajjiż biex tkun tista’ ssir ir-reġistrazzjoni għas-sena ta’ wara ta’ skola jew ta’ studju.