Inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej

L-għan ta’ din l-inizjattiva hu li jlaqqa’ flimkien ġenerazzjoni ġdida ta’ Ewropej kreattivi kapaċi jikkooperaw b’lingwi differenti, bejn il-fruntieri u d-dixxiplini, biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali kbar u n-nuqqasijiet ta’ ħiliet li qed tiffaċċja l-Ewropa.

Two students smiling with the European Universities logo overlaid

X’inhi l-Inizjattiva Universitajiet Ewropej?

Ix-xena tal-edukazzjoni fl-Ewropa kollha qed tinbidel. Fis-Summit ta’ Gothenburg tal-2017, il-mexxejja tal-UE fasslu viżjoni għall-edukazzjoni u l-kultura. Fil-konklużjonijiet ta’ Diċembru 2017 tiegħu, il-Kunsill Ewropew talab lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iressqu għadd ta’ inizjattivi, fosthom:

“... jissaħħu s-sħubiji strateġiċi bejn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-UE kollha u jiġi inkoraġġit li sal-2024 jinbtu madwar għoxrin "Università Ewropea", li jikkonsistu minn networks ta' universitajiet madwar l-UE kkaratterizzati minn approċċ minn isfel għal fuq, li se jippermettu lill-istudenti jiksbu lawrja billi jikkombinaw l-istudji f'diversi pajjiżi tal-UE u jikkontribwixxu għall-kompetittività internazzjonali tal-universitajiet Ewropej”.

Kożviluppata minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, organizzazzjonijiet tal-istudenti, Stati Membri u l-Kummissjoni, l-Inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej twieġeb għal din is-sejħa. Illum, din hija waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-ambizzjonijiet tal-UE li tibni Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

 

X’inhi Università Ewropea?

Universitajiet Ewropej huma alleanzi transnazzjonali se jkunu l-universitajiet Ewropej tal-ġejjieni, li jippromwovu l-valuri u l-identità Ewropej, u jirrivoluzzjonaw il-kwalità u l-kompetittività tal-edukazzjoni għolja Ewropea. Sabiex jinkiseb dan il-pass kbir ’il quddiem, il-Kummissjoni qed tittestja mudelli differenti ta’ kooperazzjoni għall-Universitajiet Ewropej b’żewġ sejħiet għal proposti taħt il-programm Erasmus+. L-alleanzi se:

  • jinkludu sħab mit-tipi kollha ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u jkopru ambitu ġeografiku wiesa’ fl-Ewropa kollha
  • inkunu bbażati fuq strateġija fit-tul prevista b’mod konġunt iffukata fuq is-sostenibbiltà, l-eċċellenza u l-valuri Ewropej
  • joffru kurrikuli ffukati fuq l-istudenti b’mod konġunt fuq kampusijiet interuniversitarji, fejn korpi diversi tal-studenti jistgħu jibnu l-programmi tagħhom stess u jesperjenzaw mobbiltà fil-livelli kollha tal-istudju
  • jaddottaw approċċ ibbażat fuq l-isfidi li skontu l-istudenti, l-akkademiċi u s-sħab esterni jkunu jistgħu jikkooperaw f’timijiet interdixxiplinarji biex jindirizzaw l-akbar kwistjonijiet li qed tiffaċċja l-Ewropa llum.

Riżultati tal-ewwel sejħa

Ir-riżultati tas-sejħa tal-2019 kienu ppublikati f’Ġunju 2019. Minn 54 applikazzjoni li waslu, ġew magħżula l-ewwel 17-il alleanza ta’ Universitajiet Ewropej li jinvolvu 114-il istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja minn 24 Stat Membru. Għal aktar informazzjoni, ara l-istqarrija għall-istampa.

Riżultati tat-tieni sejħa

Issa ġew ippubblikati r-riżultati tas-sejħa tal-2020. Minn 62 applikazzjoni li waslu, intgħażlu 24 alleanza tal-Universitajiet Ewropej ġdida li jinvolvu 165 istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja minn 26 Stat Membru u pajjiżi oħra li qed jipparteċipaw fil-programm Erasmus+. Għal aktar informazzjoni, ara l-istqarrija għall-istampa.

Dawn il-41 alleanza tal-Universitajiet Ewropej se jittestjaw mudelli differenti tal-kunċett tal-Universitajiet Ewropej u se jeżaminaw il-potenzjal tiegħu li jittrasforma l-edukazzjoni għolja. L-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej se tiġi implimentata u se tespandi taħt il-programm Erasmus 2021-2027 li jmiss. Għal aktar informazzjoni, ara l-iskeda informattiva tal-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva.