Approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali

Approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali se jgħin biex jinfetħu opportunitajiet ta’ tagħlim għaċ-ċittadini u   isaħħaħ ir-rwol tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fit-tagħlim tul il-ħajja.

Opportunitajiet ta’ tagħlim flessibbli u inklużivi

Mikrokredenzjal hu kwalifika li tixhed l-eżiti tat-tagħlim miksubin permezz ta’ kors jew modulu qasir, ivvalutat b’mod trasparenti. Il-mikrokredenzjali jistgħu jitlestew fuq il-post, online jew f’format imħallat. 

In-natura flessibbli ta’ dawn il-kwalifiki tippermetti li jinfetħu opportunitajiet ta’ tagħlim għaċ-ċittadini, inklużi dawk f’impjieg full-time.

Dan jagħmel il-mikrokredenzjali forma flessibbli ħafna u inklużiva ta’ tagħlim li tippermetti l-kisba mmirata ta’ ħiliet u kompetenzi.

Il-mikrokredenzjali huma offruti minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), kif ukoll minn organizzazzjonijiet privati.

Dawn jistgħu jkunu partikolarment utli għan-nies li jridu:

  • jibnu fuq l-għarfien tagħhom mingħajr ma jlestu programm sħiħ ta’ edukazzjoni għolja
  • itejbu l-ħiliet jew taħriġ mill-ġdid biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol jew biex jiżviluppaw professjonalment wara l-bidu tax-xogħol

Konsultazzjoni pubblika

Fl-20 ta’ April 2021, il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika ta’ 12-il ġimgħa dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għat-tagħlim tul il-ħajja u l-impjegabbiltà.

Il-konsultazzjoni pubblika tfittex li tiġbor ideat għall-iżvilupp ta’ definizzjoni komuni għall-mikrokredenzjali, l-istandards tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-kwalità u t-trasparenza tagħhom u l-passi li jmiss li għandhom jittieħdu fil-livelli istituzzjonali, nazzjonali u tal-UE.

Il-konsultazzjoni pubblika se tkun miftuħa sat-13 ta’ Lulju 2021 sa 23:59 Ħin tas-Sajf tal-Ewropa Ċentrali (CEST).

Ħu sehem fil-konsultazzjoni pubblika u aqsam il-fehmiet tiegħek illum! 

Għaliex hu meħtieġ approċċ Ewropew

Fl-Ewropa, numru dejjem jikber ta’ ċittadini jeħtieġu jaġġornaw l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom biex jimlew il-lakuni bejn l-edukazzjoni formali tagħhom u l-ħtiġijiet ta’ soċjetà u ta’ suq tax-xogħol li qed jinbidlu malajr.  

L-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 u l-ħtieġa li jiġu aċċellerati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jirrikjedu wkoll li l-individwi jtejbu l-ħiliet jew jitħarrġu mill-ġdid.

Iż-żamma u l-kisba ta’ kompetenzi ġodda huma essenzjali wkoll biex jippermettu l-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà, biex jiġi żgurat l-iżvilupp personali, soċjali u professjonali kontinwu u biex tingħata spinta lill-impjegabbiltà u l-innovazzjoni soċjoekonomika. 

Madankollu, mingħajr standards komuni li jiżguraw il-kwalità, it-trasparenza, il-komparabbiltà transfruntiera, ir-rikonoxximent u l-portabbiltà, il-mikrokredenzjali ma jistgħux jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

Il-Kummissjoni, għalhekk, tfittex li tiżviluppa definizzjoni komuni u standards Ewropej għall-mikrokredenzjali, li huma indipendenti mill-korp tal-għoti, billi tibni kemm jista’ jkun fuq l-għodod eżistenti. 

L-intenzjoni li jiġi żviluppat approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali tħabbret:

Grupp ta’ konsultazzjoni tal-mikrokredenzjali: rakkomandazzjonijiet

Fir-rebbiegħa tal-2020, il-Kummissjoni stabbilixxiet grupp ta’ konsultazzjoni ad hoc iffurmat minn esperti fl-edukazzjoni għolja, inklużi prattikanti, membri ta’ aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità u kelliema mistiedna mill-Ewropa kollha.

Il-grupp kellu 3 laqgħat virtwali bejn is-26 ta’ Mejju u s-17 ta’ Settembru 2020 u ppropona definizzjoni Ewropea komuni, karatteristiċi komuni u pjan direzzjonali ta’ azzjonijiet.

Dan il-pjan direzzjonali jippreżenta suġġerimenti għal azzjonijiet meħtieġa fil-livelli Ewropej u nazzjonali biex jiġi żviluppat u implimentat approċċ Ewropew u jipproponi skeda ta’ żmien.

Il-pjan direzzjonali jiffoka fuq l-azzjonijiet li ġejjin:

  • l-iżvilupp ta’ standards komuni Ewropej għall-kwalità u t-trasparenza, flimkien mal-partijiet ikkonċernati kollha involuti (il-komunità tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-atturi tas-suq tax-xogħol, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, is-soċjetà ċivili, il-kmamar tal-kummerċ, l-impjegaturi mill-Istati Membri kollha tal-UE u l-pajjiżi taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja)
  • l-esplorazzjoni tal-inklużjoni tal-mikrokredenzjali fl-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki b’referenza possibbli għall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki
  • l-iżvilupp ta’ lista ta’ fornituri fdati u t-trawwim ta’ proċessi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità
  • l-esplorazzjoni ta’ kif is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS) tista’ tintuża fil-kuntest ta’ mikrokredenzjali f’livelli edukattivi oħrajn u f’setturi oħrajn
  • il-ħidma fuq linji gwida għal rikonoxximent aktar rapidu billi jiġu adattati l-istrumenti eżistenti ta’ validazzjoni u rikonoxximent jew billi jiġu żviluppati oħrajn ġodda
  • it-tħaffif għall-individwi biex jaħżnu u juru l-mikrokredenzjali tagħhom permezz tal-Europass u l-infrastruttura tal-kredenzjali diġitali tiegħu, kif ukoll l-inizjattiva tal-Karta Ewropea tal-Istudenti
  • l-użu tal-mikrokredenzjali biex jitjieb l-aċċess għal opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja billi tiġi żgurata permeabbiltà aħjar bejn is-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u tiġi żgurata għażla infurmata tal-istudenti billi jiġu estiżi s-servizzi ta’ gwida bbażati fuq data tas-suq tax-xogħol f’ħin reali
  • l-għoti ta’ appoġġ tal-UE permezz tal-Programm Erasmus+ u l-Fondi Strutturali għall-edukazzjoni għolja, il-VET u istituzzjonijiet u fornituri oħrajn tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiġi promoss l-użu tal-mikrokredenzjali

L-azzjonijiet issuġġeriti jikkonċentraw prinċipalment fuq l-edukazzjoni għolja, iżda jindirizzaw ukoll livelli u setturi oħrajn tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Il-passi li jmiss

Dawn ir-riżultati se jikkontribwixxu għal konsultazzjonijiet usa’ li jkopru s-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jikkontribwixxu għat-tħejjija ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mikrokredenzjali għat-tagħlim tul il-ħajja u l-impjegabbiltà sa tmiem l-2021.


Immaġni tal-header: © L-Unjoni Ewropea, 2020.