Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2018 - 2020)

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali jfittex li jappoġġja l-użu tat-teknoloġija fl-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali.

Edukazzjoni fl-era diġitali

It-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa tkompli taċċellera permezz tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji emerġenti, bħall-intelliġenza artifiċjali (IA) u l-cloud computing.

Id-diġitalizzazzjoni ġġib magħha ħafna opportunitajiet ġodda, iżda tippreżenta wkoll sfidi soċjetali sinifikanti. It-teknoloġiji diġitali jistgħu jtejbu l-flessibbiltà u l-kreattività, jgħinu fit-titjib tal-effiċjenza u tal-eżiti tat-tagħlim. Madankollu, fenomeni bħall-miżinformazzjoni jheddu wkoll li jdgħajfu soċjetajiet miftuħin u demokratiċi, u jkomplu jimmarġinalizzaw gruppi vulnerabbli.

L-integrazzjoni tat-teknoloġija għal skopijiet edukattivi għadha lura fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea (UE). Għad hemm diverġenzi kemm fir-rigward tal-provvista ta’ infrastruttura u tagħmir diġitali, kif ukoll fir-rigward tal-preżenza ta’ kompetenzi diġitali.

Hu essenzjali li ċ-ċittadini jiġu ppreparati b’mod adegwat għal futur dejjem aktar interkonness u globalizzat billi jsir investiment fil-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex wieħed jirnexxi u biex is-soċjetà fl-era diġitali tkun involuta b’mod pożittiv. 

Lejn edukazzjoni u taħriġ diġitali ta’ kwalità għolja u inklużivi

Il-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali jippreżenta miżuri li jgħinu lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jisfruttaw l-opportunitajiet u biex jilħqu l-isfidi ppreżentati mill-era diġitali. 

Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu 11-il azzjoni fi tliet prijoritajiet:

Priorità 1: L-użu aħjar tat-teknoloġija diġitali għat-tagħlim u l-apprendiment:

  • Azzjoni 1 - Konnettività fl-iskejjel
  • Azzjoni 2 - Għodda ta’ awtoriflessjoni SELFIE u skema ta’ mentoraġġ għall-iskejjel
  • Azzjoni 3 - Kwalifiki ffirmati diġitalment

Priorità 2: L-iżvilupp tal-kompetenzi u l-ħiliet diġitali:

  • Azzjoni 4 - Ċentru tal-Edukazzjoni Għolja
  • Azzjoni 5 - Ħiliet tax-xjenza miftuħa
  • Azzjoni 6 - Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar fl-iskejjel
  • Azzjoni 7 - Ċibersigurtà fl-edukazzjoni
  • Azzjoni 8 - Taħriġ fil-ħiliet diġitali u intraprenditorjali għall-bniet

Priorità 3: It-titjib tal-edukazzjoni b’analiżi u tbassir aħjar tad-data

  • Azzjoni 9 - Studji dwar l-ICT fl-edukazzjoni
  • Azzjoni 10 - Intelliġenza Artifiċjali (IA) u analitika
  • Azzjoni 11 - Tbassir strateġiku

Il-Pjan ta’ Azzjoni jikkontribwixxi għall-ambizzjoni usa’ tal-Kummissjoni Ewropea biex toħloq Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025. 

Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali ġdid  

Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali: konsultazzjoni pubblika miftuħa #EUDigitalEducation

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali tal-2018 se jiġi implimentat sa tmiem l-2020. Il-Kummissjoni mistennija tadotta Pjan ta’ Azzjoni aġġornat f’Settembru 2020. 

Konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid ġiet rilaxxata fit-18 ta’ Ġunju 2020 u se tibqa’ għaddejja sal-4 ta’ Settembru 2020. 

Il-konsultazzjoni tfittex li tiġbor il-fehmiet taċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet dwar l-esperjenzi u l-aspettattivi tagħhom matul il-kriżi tal-COVID-19 (kemm s’issa kif ukoll fil-perjodu ta’ rkupru), kif ukoll il-viżjonijiet tagħhom għall-futur tal-edukazzjoni diġitali. 

Għal aġġornamenti regolari dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali mġedded, segwina fuq Twitter: @EUDigitalEducation.


Immaġni: © L-Unjoni Ewropea, 2020.