Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali – Azzjoni 3

Qafas Ewropew tal-Kontenut tal-Edukazzjoni Diġitali.

#DEAP #EUDigitalEducation

L-użu tal-kontenut diġitali għal finijiet edukattivi mhuwiex xi suġġett ġdid, iżda l-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat b’mod rapidu l-produzzjoni u l-użu ta’ riżorsi bħal dawn. 

Fl-istess ħin, qed nosservaw trasformazzjoni profonda tad-drawwiet fl-użu tal-kontenut tal-edukazzjoni diġitali, kemm fost l-atturi fuq in-“naħa tal-provvista” – l-industrija u s-settur pubbliku – kif ukoll fuq in-“naħa tad-domanda” – l-għalliema, l-istudenti u t-tfal tal-iskola. 

It-tranżizzjoni diġitali qed iġġib ħafna bidliet

  • il-kontenut tal-edukazzjoni diġitali qed isir aktar kreattiv, attraenti u inkorporat f’formati differenti
  • l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda, bħar-realtà immersiva u l-intelliġenza artifiċjali (IA), qed jgħinu biex iwasslu tipi ġodda ta’ kontenut edukattiv
  • hemm żieda esponenzjali fil-produzzjoni tal-kontenut tal-edukazzjoni diġitali  

Flimkien ma’ dawn l-iżviluppi jiġu l-isfidi li ġejjin

  • il-pjattaformi diġitali u l-algoritmi tagħhom jistgħu jaġixxu bħala “gwardjani” tal-kontenut tal-edukazzjoni diġitali, li potenzjalment iħallu impatt fuq l-aċċess għal dawn ir-riżorsi b’modi differenti
  • huwa aktar diffiċli għall-utenti biex jivverifikaw il-kwalità u l-affidabbiltà tar-riżorsi tal-edukazzjoni diġitali mill-kontenut tradizzjonali
  • il-preservazzjoni fit-tul ta’ dawn ir-riżorsi edukattivi
  • ir-riskji taċ-ċibersigurtà, tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza elettronika

Sfidi oħra jinkludu

  • in-nuqqas ta’ data u analiżi dwar is-sitwazzjoni li għaddejja u l-bidliet (potenzjali) li jirriżultaw minnha
  • l-identifikazzjoni flimkien mal-partijiet ikkonċernati ta’ oqsma ta’ prijorità għall-appoġġ mill-Unjoni Ewropea (UE) biex titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni 
  • il-promozzjoni tal-multilingwiżmu u d-diversità kulturali f’suq globalizzat u l-prevenzjoni tal-esklużjoni tat-tfal tal-iskola f’sitwazzjonijiet żvantaġġati
  • il-ħolqien konġunt ta’ soluzzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati li jilqgħu u li jistgħu jiġu implimentati bis-sħiħ

L-għan ta’ din l-azzjoni huwa li jiġu identifikati l-oqsma li fihom l-azzjoni tal-UE ġġib valur miżjud u biex jinstabu l-aktar soluzzjonijiet effettivi permezz ta’ ħidma mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati. 

Attivitajiet ewlenin u riżultati mistennija

Matul l-2021 u l-2022, il-Kummissjoni Ewropea se tistabbilixxi proċess ta’ djalogu intensiv mal-partijiet ikkonċernati, inklużi laqgħat bilaterali u komunità ta’ prattika, biex tiżgura li l-atturi kollha jħossu li għandhom sjieda tas-soluzzjonijiet proposti u li l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom tkun tista’ tinkiseb. 

Se jitnieda studju ddedikat mill-bidu tal-2022. Dan l-istudju se jqis il-ħtiġijiet tal-istudenti, tal-edukaturi u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti fl-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll il-provvista ta’ kontenut tal-edukazzjoni diġitali. Se jivvaluta wkoll fid-dettall l-impatt fuq l-edukazzjoni b’riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, it-trasformazzjoni diġitali u l-innovazzjoni teknoloġika. 

Dawn l-attivitajiet se jirriżultaw fil-ħolqien ta’ Qafas Ewropew għall-Kontenut tal-Edukazzjoni Diġitali, b’soluzzjonijiet maħluqa b’mod konġunt u li se jintlaqgħu mill-partijiet ikkonċernati. L-eżitu finali se jkun taħlita ta’ miżuri, artikolati taħt il-kappa ta’ Qafas.

Azzjoni parallela li tikkonsisti fi studju ta’ fattibbiltà kontinwu se tipprovdi lill-Kummissjoni b’għarfien, evidenza, analiżi u gwida affidabbli dwar il-ħolqien possibbli ta’ pjattaforma ta’ skambju Ewropea. L-għan tal-pjattaforma ta’ skambju Ewropea jkun li jinġabru u jiġu promossi riżorsi u pjattaformi ta’ edukazzjoni online ċċertifikati. 

Kronoloġija

  • 2023 – proposta ta’ Qafas Ewropew dwar il-Kontenut tal-Edukazzjoni Diġitali
  • Tmiem tal-2021 – studju ta’ fattibbiltà u deċiżjoni dwar il-ħolqien ta’ pjattaforma ta’ skambju Ewropea 

Finanzjament

Din l-azzjoni hija ffinanzjata mill-programm Erasmus+ tal-UE.

Ikkuntattjana

Jekk int interessat li ssir taf aktar dwar din l-azzjoni, tista’ tikkuntattjana bl-email
EAC-DIGITALEDUCATION@ec.europa.eu.

Segwi @EUDigitalEdu fuq Twitter għall-aħħar aħbarijiet u żviluppi dwar din l-azzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali kollu.


Immaġni tal-header: © L-Unjoni Ewropea, 2021.