Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ komprensiv għat-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi

B’żieda fil-mobbiltà lejn l-UE u bejn l-Istati Membri tagħha, is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jeħtieġ li jadattaw għall-isfidi u l-opportunitajiet maħluqa mid-diversità lingwistika tal-Ewropa.

Il-ħiliet lingwistiċi huma fil-qalba tal-viżjoni ambizzjuża biex tinħoloq Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Li wieħed ikun kapaċi jitkellem lingwi barranin mhux biss hi ħila meħtieġa biex ikun jista’ jistudja barra l-pajjiż, iżda wkoll għas-swieq tax-xogħol internazzjonali. It-tagħlim tal-lingwi jippermetti lin-nies jiskopru kulturi barranin u jwessa’ l-perspettivi tagħhom.

Madankollu, l-istudji juru li l-Istati Membri tal-UE mhux qed jimxu b’pass mgħaġġel biżżejjed lejn il-mira li kull Ewropew għandu jkun kapaċi jitkellem żewġ lingwi barranin minn età bikrija, stabbilita bħala parti mill-viżjoni biex tinħoloq Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

Il-livelli ta’ profiċjenza lingwistika fost l-istudenti fi tmiem l-edukazzjoni obbligatorja huma, bħala medja, baxxi fl-UE kollha b’diskrepanzi kbar bejn l-Istati Membri. 

B’mobbiltà li qed tiżdied fl-Ewropa u ħafna żgħażagħ li jaslu minn pajjiżi terzi biex jistudjaw fl-UE, hu essenzjali li jiġi żgurat li l-multilingwiżmu hu ċentrali għall-proġett Ewropew.

Il-Kummissjoni għamlet proposta għal approċċ komprensiv lejn it-tagħlim tal-lingwi. L-għan tagħha hu li:

  • tingħata spinta lill-tagħlim tal-lingwi sal-aħħar tal-edukazzjoni obbligatorja billi ssir enfasi fuq il-kisba ta’ livelli speċifiċi ta’ kompetenza, abbażi tal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (QKERL) tal-Kunsill tal-Ewropa
  • jiġi introdott fl-edukazzjoni u t-taħriġ il-kunċett ta’ għarfien tal-lingwa, li jipprovdi qafas inklużiv għat-tagħlim tal-lingwi filwaqt li jitqiesu l-ħiliet lingwistiċi tal-individwi
  • jiġi żgurat li aktar għalliema tal-lingwa jkollhom l-opportunità li jitgħallmu u jistudjaw barra minn pajjiżhom
  • li jiġu identifikati u promossi metodi pedagoġiji innovattivi, inklużivi u multilingwi li jużaw l-għodod u l-pjattaformi bħall-iSchool Education Gateway u l-eTwinning.

Wara negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi ġiet adottata mill-ministri tal-edukazzjoni fil-laqgħa tal-Kunsill fi Brussell fit-22 ta’ Mejju 2019.