×

Grazzi talli żort is-sit web il-ġdid tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ.  Bħalissa l-maġġoranza tal-paġni huma disponibbli bl-Ingliż.  Madankollu, bħalissa qiegħda ssir it-traduzzjoni tas-sit fit-23 lingwa l-oħra tal-UE.  Naġġornaw il-paġni jekk kif ikollna f’idejna t-traduzzjonijiet.

Dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE

Filwaqt li r-responsabilità għas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ hija tal-Istati Membri, ir-rwol tal-UE huwa li tappoġġja u tissupplimenta l-azzjoni tagħhom.

L-UE tqis l-avvanz kontinwu tal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala ta’ importanza kbira. L-aċċess wiesa’ għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità huwa xprun tat-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali, ir-riċerka u l-innovazzjoni - u jżid b’mod drammatiku l-prospetti għall-iżvilupp personali taċ-ċittadini.

Fl-UE, is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ huma organizzati u implimentati mill-Istati Membri. Deskrizzjoni dettaljata tas-sistemi edukattivi nazzjonali hi inkluża fuq is-sit web tal-Eurydice. Filwaqt li r-responsabilità għas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ hija tal-istati individwali, ir-rwol tal-UE huwa li tappoġġja u tissupplimenta l-kapaċità tagħhom. Għalhekk l-UE tappoġġja lill-Istati Membri permezz ta’ kooperazzjoni politika (permezz tal-qafas “ET 2020”) u l-istrumenti ta’ finanzjament. Dawn jinkludu l-programm Erasmus+ u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

L-UE qiegħda tgħin ukoll biex tinbena Żona Ewropea tal-Edukazzjoni issaħħaħ l-eżiti edukattivi u l-mobilità tat-tagħlim, tippromwovi l-valuri komuni u tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi bejn il-fruntieri. L-edukazzjoni u t-taħriġ huma aspett kruċjali fl-aġenda soċjoekonomika usa’ tal-UE. Din l-aġenda tinkludi l-istrateġija Ewropa 2020 u s-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri.

Żur is-sit web tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE għal riżorsi utli oħra tal-UE.