Back to WiFi4EU main page
WiFi4EU — Mistoqsijiet u Tweġibiet

1.IL-KUNTEST

1.1. X’inhu l-għan ġenerali tal-inizjattiva WiFi4EU?

L-inizjattiva WiFi4EU għandha l-għan li tipprovdi aċċess għal internet ta’ kwalità għolja fl-UE kollha liċ-ċittadini u lill-viżitaturi permezz ta’ hotspots tal-WiFi mingħajr ħlas fi spazji pubbliċi bħal ġonna, pjazez, binjiet amministrattivi, libreriji u ċentri tas-saħħa. Din l-inizjattiva se tipprovdi vawċers iffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea ħalli tappoġġa lill-muniċipalitajiet biex jinstallaw il-hotspots tal-WiFi f’dawn iż-żoni ċentrali tal-ħajja pubblika, permezz tas-servizzi tal-kumpaniji tal-installazzjoni tal-WiFi.

1.2. Min jista’ jipparteċipa fl-inizjattiva WiFi4EU?

L-inizjattiva WiFi4EU hi miftuħa għall-entitajiet tas-settur pubbliku fl-Istati Membri tal-UE u fil-pajjiżi taż-ŻEE (in-Norveġja u l-Iżlanda). Fl-ewwel sejħa għal applikazzjonijiet u f’din is-sejħa, jistgħu jieħdu sehem biss il-muniċipalitajiet (jew amministrazzjonijiet lokali ekwivalenti) jew assoċjazzjonijiet tal-muniċipalitajiet. Il-lista speċifika tal-entitajiet eliġibbli biex japplikaw ġiet miftiehma mill-Istati Membri u tinsab hawnhekk għal referenza: https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/wifi4eu-municipalities?lang=mt.

Kull muniċipalità tista’ biss tibbenefika minn vawċer wieħed għad-durata kollha tal-inizjattiva WiFi4EU. Għalhekk il-muniċipalitajiet li ngħataw vawċer f’xi sejħa mhumiex eliġibbli biex japplikaw għas-sejħiet sussegwenti, filwaqt li l-muniċipalitajiet li ma kisbux vawċer jistgħu jerġgħu jippruvaw japplikaw fis-sejħiet futuri.

1.3. Kemm hu l-ammont tal-vawċer WiFi4EU?

Kull vawċer għandu jfisser ħlas ta’ €15,000.

2.IR-REĠISTRAZZJONI

2.1. Liema muniċipalitajiet u assoċjazzjonijiet iffurmati mill-muniċipalitajiet jistgħu jirreġistraw? Kif u meta jistgħu jirreġistraw?

Biex japplikaw għall-inizjattiva WiFi4EU, il-muniċipalitajiet (jew l-assoċjazzjonijiet tal-muniċipalitajiet) kollha eliġibbli li hemm fil-lista msemmija hawn fuq (ara l-Mistoqsija 1.2) iridu qabelxejn jimlew l-informazzjoni tar-reġistrazzjoni tagħhom permezz tal-Portal WiFi4EU (https://www.wifi4eu.eu/#/home). Ir-reġistrazzjonijiet jistgħu jsiru fi kwalunkwe ħin u bi kwalunkwe lingwa tal-Istati Membri tal-UE.

Għall-proċess tar-reġistrazzjoni jeħtieġ jintuża l-EULogin assoċjat mal-muniċipalità. (Għal aktar informazzjoni biex toħloq EULogin, ara: http://europa.eu/!Uv63Cx).

Żur il-paġna ewlenija tal-Portal WiFi4EU biex tibda r-reġistrazzjoni. Imbagħad, agħżel il-muniċipalità tiegħek mill-pavaljun li jfeġġ. Ipprovdi l-informazzjoni meħtieġa dwar il-muniċipalità (inkluż il-pajjiż, it-tip ta’ organizzazzjoni li trid tiġi rreġistrata (il-muniċipalità jew l-assoċjazzjoni), l-indirizz).

Importanti tinkludi l-informazzjoni ta’ kuntatt tas-sindku/kap tal-muniċipalità/rappreżentant legali, jiġifieri tal-persuna li għandha l-kompetenza li tiffirma l-Ftehim ta’ Għotja. Nota: nirrakkomandaw li għall-iffirmar tal-Ftehim ta’ Għotja, din hu BISS is-sindku/il-kap tal-muniċipalità, u mhux xi rappreżentant legali tal-muniċipalità. Jekk is-sindku/il-kap tal-muniċipalità xorta jixtieq jinnomina lil persuna differenti biex tiffirma l-Ftehim ta’ Għotja (jiġifieri “Persuna Awtorizzata”), din l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-“Persuna Awtorizzata” għandha titniżżel ukoll fir-reġistrazzjoni.

Tajjeb tkun taf li l-aċċess għall-Portal hu marbut dejjem mal-persuna, inkluż l-email tagħha, li ħolqot l-EULogin waqt il-proċess tar-reġistrazzjoni u li għalhekk fil-Portal jiġi indikat bħala l-“Persuna ta’ Kuntatt”. Għaldaqstant, jekk tixtieq tinkludi “Persuna Awtorizzata” fl-applikazzjoni tiegħek, aħna nirrakkomandaw ħafna li din il-persuna tkun il-“Persuna ta’ Kuntatt” (inkluż l-email indikat) biex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-iffirmar tal-Ftehim ta’ Għotja.

“L-assoċjazzjonijiet tal-muniċipalitajiet” jistgħu jirreġistraw diversi muniċipalitajiet biex jissimplifikaw il-ġestjoni ta’ dawk ir-reġistrazzjonijiet. Iżda kull assoċjazzjoni se tintalab tippreżenta b’mod separat l-applikazzjoni finali online għal kull muniċipalità li hemm fir-reġistrazzjoni tagħha. L-assoċjazzjonijiet tal-muniċipalitajiet mhumiex intitolati li jirċievu vawċer; kull vawċer jingħata lil muniċipalità individwali bħala l-benefiċjarju.

Fil-każijiet kollha, se jiġi ppubblikat biss l-isem tal-muniċipalità rreġistrata. (Ara Mistoqsija 8 dwar il-protezzjoni tad-dejta).

Fir-reġistrazjonijiet (jew fl-applikazzjonijiet tagħhom), il-muniċipalitajiet m’għandhomx għalfejn jinkludu xi deskrizzjonijiet tekniċi jew dokumentazzjoni dwar in-network tal-WiFi li jkun se jiġi skjerat. Lanqas hemm bżonn valutazzjonijiet preliminari ta’ xi spejjeż tal-proġett (eż. stimi mingħand kumpaniji tal-installazzjoni tal-WiFi).

2.2. Il-kumpaniji tal-installazzjoni tal-WiFi, kif u meta jistgħu jirreġistraw?

Il-kumpaniji tal-installazzjoni tal-WiFi huma mħeġġa jipparteċipaw fl-inizjattiva WiFi4EU. Fuq il-Portal WiFi4EU hemm lista tal-kumpaniji tal-installazzjoni tal-WiFi irreġistrati. Il-muniċipalitajiet jistgħu jirrikorru għal din il-lista jekk ikollhom il-vawċer u jkunu qed ifittxu kumpaniji tal-installazzjoni tal-WiFI fl-inħawi tagħhom li jipprovdu s-servizzi rilevanti.

Żur il-paġna ewlenija tal-Portal WiFi4EU biex tibda r-reġistrazzjoni. Agħti informazzjoni dwar il-pajjiż(i) u r-reġjun(i) tal-operazzjoni, u d-dettalji ta’ kuntatt u tal-kont bankarju tal-kumpanija.

Il-kumpaniji tal-installazzjoni tal-WiFi jistgħu jirreġistraw fuq il-Portal WiFi4EU meta jixtiequ. Iżda dawn għandhom jiġu rreġistrati fil-Portal wara li l-muniċipalità magħżula tkun ikkuntattjathom biex iwettqu l-installazzjoni tan-network WiFi4EU tagħha, biex min-naħa tagħhom ikunu jistgħu jippreżentaw l-informazzjoni meħtieġa dwar l-implimentazzjoni tan-network ladarba jitlesta l-proġett. 

2.3. Kif tista’ tinbidel/tiġi aġġornata d-data tar-reġistrazzjoni ta’ muniċipalità fil-Portal?

Il-muniċipalitajiet jistgħu jbiddlu fi kwalunkwe ħin kważi d-data kollha tagħhom li jkun hemm irreġistrata fil-Portal, għajr tul il-perjodu qasir meta tkun miftuħa sejħa u – għall-muniċipalitajiet rebbieħa – tul iż-żmien bejn l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Għotja min-naħa tagħhom u l-kontrofirma min-naħa tal-INEA. Dawn il-bidliet jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, aġġornamenti fid-dettalji tas-sindku/il-kap tal-muniċipalità/isem ir-rappreżentant legali u/jew l-email wara li tkun saret xi elezzjoni jew xi bidla interna fl-organizzazzjoni, jew modifiki fl-isem u/jew fl-indirizz tal-persuna ta’ kuntatt, fid-dokumenti ġustifikattivi. L-unika data li ma tistax tinbidel hi l-indirizz tal-email tal-persuna li oriġinarjament tkun għamlet ir-reġistrazzjoni tal-muniċipalità fil-Portal, għax dan ikun marbut tal-EULogin tal-persuna ta’ kuntatt. Madankollu, jistgħu jintalbu aġġornament/bidliet fl-indirizz tal-email tal-persuna ta’ kuntatt permezz ta’ din il-formola online apposta disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE: https://ec.europa.eu/eusurvey/runner/WiFi4EU_NEW_Change_Request_form.

Imxi mal-istruzzjonijiet mogħtija u indika l-bidliet/l-informazzjoni rilevanti fil-formola li tappartjeni għall-muniċipalità. Il-Kummissjoni se tagħmel il-bidliet meħtieġa malli tasal it-talba u wara li tkun ġiet ivverifikata d-dokumentazzjoni.

3.L-APPLIKAZZJONI

3.1. Il-muniċipalitajiet, kif u meta jistgħu jirreġistraw?

Biex japplikaw għal sejħa tal-WiFi4EU, qabelxejn il-muniċipalitajiet iridu jirreġistraw fuq il-Portal WiFi4EU permezz ta’ kont validu tal-EULogin. Dan jista’ jsir fi kwalunkwe ħin billi jimlew il-formola tar-reġistrazzjoni u jtellgħu d-dokumenti ġustifikattivi meħtieġa (ara l-Mistoqsija 3.2).

Imbagħad meta tinfetaħ is-sejħa, il-muniċipalitajiet ikunu jistgħu japplikaw għas-sejħa billi jagħfsu l-buttuna “Applika għal vawċer” fil-paġna “L-applikazzjoni tiegħi” tal-Portal.

3.2. Liema dokumenti huma meħtieġa għall-applikazzjoni?

Biex ikunu jistgħu japplikaw, qabelxejn il-muniċipalitajiet iridu jimlew ir-reġistrazzjoni tagħhom billi jtellgħu dawn iż-żewġ dokumenti ġustifikattivi fuq il-Portal WiFi4EU:

1. Il-formola sħiħa tal-“Prova ta’ qbil”, li tinkludi kopja tal-passaport jew tal-karta tal-identità tar-rappreżentant legali/is-sindku/il-kap tal-muniċipalità.

2. Il-kopja ta’ att ta’ nomina jew ta’ dokument li jistabbilixxi li r-rappreżentant legali (is-sindku/il-kap tal-muniċipalità) li jirrappreżenta legalment lill-muniċipalità.

Jekk ir-rappreżentant legali jkun jixtieq jagħti mandat lil persuna oħra biex tiffirma l-Ftehim ta’ Għotja f’ismu, dawn iż-żewġ dokumenti addizzjonali li ġejjin iridu jiġu ppreżentati qabel ma jiġi ffirmat il-Ftehim ta’ Għotja:

- il-formola “Persuna Awtorizzata”, iffirmata mir-rappreżentant legali (jiġifieri s-sindku/il-kap tal-muniċipalità) kif ukoll mill-persuna awtorizzata li tkun se tiffirma l-Ftehim ta’ Għotja,

- kopja tal-passaport jew tal-karta tal-identità tal-Persuna Awtorizzata.

Il-formoli “Prova ta’ qbil” u “Persuna Awtorizzata” huma disponibbli bil-lingwi kollha tal-Istati Membri mill-Portal WiFi4EU fil-paġna “Ir-reġistrazzjoni tiegħi”.

Bl-istess mod, id-dokument ġustifikattivi jistgħu jittellgħu bħala fajls separati fuq il-Portal WiFi4EU fil-paġna “Ir-reġistrazzjoni tiegħi”, b’format xieraq (.pdf, .png, or .jpg).

3.3. Il-ħidma fuq in-network tal-WiFi tista’ tibda issa biex imbagħad jekk jingħata l-vawċer ikun jista’ jissarraf fil-futur?

Skont ir-Regolament Finanzjarju tal-UE, (ara https://eur-lex.europa.eu/legal-content/en/TXT/?uri=CELEX:32018R1046), l-ebda għotja ma tista’ tingħata b’mod retroattiv għal azzjonijiet li jkunu diġà tlestew. Fi kliem ieħor, l-installazzjonijiet li jkunu tlestew għalkollox u twasslu qabel l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Għotja ma jkunux intitolati għal vawċer.

4.L-GĦAŻLA U L-GĦOTI

4.1. Kif se jintgħażlu l-benefiċjarji tal-vawċers?

Il-muniċipalitajiet se jinqdew skont id-data u l-ħin tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom (jiġifieri l-ħin meta jagħfsu l-buttuna tal-applikazzjoni fil-Portal u mhux meta jagħmlu r-reġistrazzjoni). Fis-sejħa tal-2019-1, se jingħataw mill-anqas 15-il vawċer lil kull pajjiż. L-għadd ta’ vawċers għal kull pajjiż mhux se jkun aktar minn 15 % tal-baġit tas-sejħa. Għal aktar informazzjoni ara t-Taqsima 7 tas-sejħa.

4.2. Jekk ma tistax tiffirma l-Ftehim ta’ Għotja, x’għandek tagħmel?

F’xi każijiet eċċezzjonali, l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Għotja jista’ jiġi mblukkat minħabba l-mod kif tkun saret ir-reġistrazzjoni fil-Portal.

Ngħidu aħna, jekk l-email tas-sindku/il-kap tal-muniċipalità/ir-rappreżentant legali jkun l-istess bħall-email tal-persuna ta’ kuntatt, il-Ftehim ta’ Għotja ma jkunx jista’ jiġi ffirmat. L-eħfef soluzzjoni għal dan hi li l-muniċipalità tbiddel l-indirizz tal-email tas-sindku (ara l-Mistoqsija 2.3 t’hawn fuq). Inkella, din tista’ tawtorizza lill-persuna ta’ kuntatt biex tkun tista’ tiffirma l-Ftehim ta’ Għotja.

Jekk ikun hemm xi kwistjonijiet tekniċi/tal-IT speċifiċi, il-Helpdesk jista’ jgħin jekk jingħata tagħrif dwar il-problema flimkien ma’ screenshots rilevanti.

5. IMPLIMENTAZZJONI U TĦADDIM

(għal kwistjonijiet tekniċi speċifiċi, ara wkoll it-Taqsima 9)

5.1. Jekk muniċipalità tingħata vawċer u l-Ftehim ta’ Għotja jkun ġie ffirmat mill-muniċipalità u mill-Kummissjoni Ewropea (l-INEA), xi jkun il-pass li jmiss?

Il-muniċipalità trid tiżgura li fi żmien 18-il xahar mill-iffirmat tal-Ftehim ta’ Għotja, l-installazzjoni tkun kompluta u li l-network jibda jaħdem.

Qabelxejn, il-muniċipalità trid tagħżel kumpanija tal-installazzjoni tal-WiFi biex isir ix-xogħol. (Il-kumpanija tal-installazzjoni tal-WiFi magħżula trid tirreġistra wkoll fil-Portal — ara l-Mistoqsija 2.2) 

Kull muniċipalità se tqabbad kumpanija tal-istallazzjoni tal-WiFi biex tistalla tagħmir mingħajr wajers. Il-Kummissjoni/l-INEA ma jintervjenux fir-rabtiet kuntrattwali bejn il-muniċipalitajiet u l-kumpaniji tal-installazzjoni tal-WiFi tagħhom.

Il-muniċipalitajiet se jagħżlu “iċ-ċentri tal-ħajja pubblika” fejn ikunu se jinstallaw il-hotspots WiFi4EU. Il-hotspots tal-WiFi għandhom jinstallawhom f’żoni fejn għad m’hemmx offerti simili ta’ konnettività tal-WiFi mingħajr ħlas.

Il-muniċipalitajiet huma responsabbli għall-finanzjament tal-abbonament tal-internet u għall-manutenzjoni tat-tagħmir biex joffru WiFi mingħajr ħlas u ta’ kwalità għolja liċ-ċittadini u lill-viżitaturi tagħhom għal mill-inqas tliet snin wara l-installazzjoni tan-network.

Barra minn hekk, il-muniċipalitajiet għandhom juru l-identità viżwali tal-WiFi4EU b’mod ċar fl-ispazji pubbliċi li joffru l-konnessjoni WiFi4EU tal-internet. Aktar informazzjoni dwar ir-regoli tal-identità viżwali, u fuq l-emblema/il-logo tal-WiFi4EU, tista’ tinstab fuq il-paġna web ta’ WiFi4EU tal-INEA: https://ec.europa.eu/inea/en/connecting-europe-facility/cef-telecom/wifi4eu.

Għal aktar informazzjoni dwar ir-rekwiżiti tekniċi speċifiċi tal-inizjattiva, ara t-Taqsima 6.2 tas-sejħa.

5.2. Liema spejjeż ikopri l-vawċer?

Il-vawċer WiFi4EU huma somma mħallsa f’daqqa bil-ħsieb li tkopri biss l-ispejjeż tat-tagħmir u tal-installazzjoni tal-hotspots tal-WiFi li jissodisfaw ir-rekwiżiti ddefiniti fis-sejħa u fil-Ftehim ta’ Għotja li jiġi ffirmat mal-muniċipalitajiet magħżula.

It-tagħmir jinkludi dawk l-oġġetti meħtieġa għall-iskjerament tan-network WiFi4EU, bħal apparat tal-provvista tal-elettriku (eż. l-adattur tal-Power over Ethernet (PoE), l-adattur tal-enerġija, is-swiċċ tal-PoE) jew tagħmir għall-konnessjoni tal-internet (eż. routers, konnessjonijiet microwave, swiċċijiet, firewalls). Madankollu, l-għan ewlieni tal-vawċer għandu jkun il-Punti tal-Aċċess, u jkun jirrispetta l-għadd minimu ta’ Punti tal-Aċċess li jeħtieġ jiġu installati (ara wkoll il-Mistoqsija 9.2).

Il-muniċipalitajiet huma responsabbli biex iħallsu l-konnettività (l-abbonament tal-internet), il-manutenzjoni u t-tħaddim tat-tagħmir għal mill-inqas tliet snin.

Għal dettalji speċifiċi dwar il-pagamenti, ara wkoll it-Taqsima 6 hawn taħt.

5.3. Liema spejjeż ma jkoprix il-vawċer?

Il-vawċer ma jkoprix it-tagħmir li jestendi l-konnettività backhaul minn xi post ieħor għall-post tal-WiFi4EU (eż. l-konnessjonijiet microwave). Bl-istess mod, tipikament, ir-router tal-konnessjoni mal-internet ikun parti mill-konnessjoni tal-internet, u l-muniċipalità hi responsabbiltà biex tagħmel il-kuntratt u l-manutenzjoni tiegħu għal tliet snin. Għalhekk, lanqas dan ma jkun parti mill-vawċer. Il-konnettività backhaul għandha tkun disponibbli fil-post tal-iskjerament tan-network WiFi4EU, jew inkella għandha tiġi skjerata b’mezzi oħra.

5.4. Jista’ l-proġett ikun aktar estensiv minn dak li jiffinanzja l-vawċer? Jiġifieri tista’ ssir konnessjoni bejn bosta ċentri tal-ħajja pubblika lokali?

Il-muniċipalitajiet jistgħu jużaw il-vawċer WiFi4EU biex jiffinanzjaw parzjalment xi proġett ta’ valur ogħla; għalhekk l-ispiża tat-tagħmir u tal-installazzjoni li taqbeż il-valur tal-vawċer għandha tkun fil-kuntratt bejn il-fornitur u l-muniċipalità.

Ngħidu aħna, tista’ ssir konnessjoni ta’ bosta ċentri tal-ħajja pubblika lokali ma’ network wieħed (captive portal wieħed) jew ma’ bosta networks (captive portals differenti). Iżda jekk l-ispejjeż tat-tagħmir u tal-installazzjoni jkunu jaqbżu il-valur tal-vawċer, l-ispejjeż addizzjonali trid tiffinanzjahom il-muniċipalità jew jitħallsu minn sorsi oħra ta’ finanzjament nazzjonali/reġjonali.

5.5. In-networks pubbliċi eżistenti tal-WiFi se jkunu jistgħu jingħaqdu mal-inizjattiva WiFi4EU?

Bħalissa n-networks pubbliċi eżistenti tal-WiFi jistgħu jingħaqdu mal-inizjattiva WiFi4EU diment li jkunu jirrispettaw il-kundizzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi deskritti fl-Anness I tal-Ftehim ta’ Għotja, bil-ħsieb li ma jinbidlux il-karatteristiċi ewlenin attwali tal-WiFi4EU, u għalhekk pereżempju, l-aċċess għandu jibqa’ mingħajr ħlas, mingħajr kundizzjonijiet diskriminatorji u jrid jirrispetta r-rekwiżiti tal-immarkar.

Barra minn hekk, in-networks eżistenti se jkunu jistgħu jingħaqdu mal-inizjattiva WiFi4EU anki mingħajr l-użu tal-vawċers. Qed naħdmu biex nipprovdu soluzzjonijiet xierqa għas-sitwazzjonijiet differenti li jista’ jkun hemm.

5.6. X’veloċità għandhom jipprovdu n-networks WiFi4EU?

In-networks tal-WiFi għandhom ikunu kapaċi jipprovdu esperjenza ta’ kwalità għolja lill-utent. Il-muniċipalitajiet għandhom jabbonaw għall-aqwa offerta tas-suq tal-massa disponibbli fiż-żona, u għallinqas, għal servizz b’veloċità tad-download ta’ 30 Mbps. Anki l-veloċità tan-network backhaul għandha tkun għallinqas daqs il-konnettività użata mill-muniċipalità għall-ħtiġijiet interni tagħha. Ara t-Taqsima 6.2 tas-sejħa u l-Ftehim ta’ Għotja (b’mod partikolari l-Anness I) biex tikseb aktar informazzjoni dwar ir-rekwiżiti tekniċi tal-inizjattiva WiFi4EU.

5.7. X’jiġri jekk ma tkunx żgurata l-veloċità tad-download ta’ 30 Mbps?

Skont l-Anness I/l-Artikolu I.3 tal-Ftehim ta’ Għotja, il-muniċipalità għandha tabbona għal konnessjoni tal-internet tas-suq tal-massa li tkun daqs l-aqwa veloċità disponibbli fiż-żona, u tiżgura li din il-veloċità backhaul tkun mill-inqas daqs dik (jekk hemm) li tuża l-muniċipalità għall-ħtiġijiet interni tagħha u, fi kwalunkwe każ, veloċità tad-download ta’ mill-anqas 30 Mbps. Għalhekk dar-rekwiżit hu maħsub għall-konnessjoni tal-internet backhaul u mhux ta’ kull utent. Il-konnettività backhaul sa 30 Mbps trid tinkiseb sa mhux aktar tard minn 18-il xahar wara l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Għotja. Xi degradazzjonijiet temporanji fil-veloċità minħabba ċirkostanzi mhux mistennija jkunu aċċettati iżda dawn jiġu segwiti u rrappurtati b’mod sistematiku. Id-degradazzjoni fil-veloċità m’għandhiex isseħħ minħabba tnaqqis fil-veloċità backhaul. L-għan mhux biss li jkun hemm konnessjoni tal-WiFi mingħajr ħlas, iżda li din tkun rapida u effiċjenti.

5.8. Xi jfisser “aċċess mingħajr ħlas”?

Kif jissemma fil-premessa (4) tar-Regolament (UE) 2017/1953 (ara https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2017/1953/oj), is-servizz li jagħtu l-hotspots WiFi4EU għandu jkun mingħajr ħlas, jiġifieri “jingħata mingħajr ħlas korrispondenti, la b’mod dirett u lanqas b’xi tip ieħor ta’ ħlas korrispondenti, bħal reklamar kummerċjali jew l-għoti ta’ data personali għal finijiet kummerċjali” għall-ewwel tliet snin ta’ tħaddim.

Kwalunkwe reklam fuq il-captive portal (jiġifieri fuq il-paġna web tal-muniċipalità li jaraw l-utenti konnessi ġodda) li jwassal għal xi introjtu għall-muniċipalità jew li jobbliga lill-utenti finali biex jixtru xi prodott jew servizz ħalli jkollhom l-aċċess għan-network, ma jikkwalifikax bħala “mingħajr ħlas” skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament.

5.9. X’inhi l-validità tal-vawċer WiFi4EU?

Il-vawċer WiFi4EU hu validu għal 18-il xahar mill-kontrofirma tal-Ftehim ta’ Għotja; jiġifieri meta ssir il-kontrofirma tal-Ftehim tal-Għotja, il-muniċipalitajiet magħżula għandhom 18-il xahar biex jiskjeraw in-network WiFi4EU.  Wara dan il-perjodu, il-vawċer jiskadi u l-kumpaniji tal-installazzjoni tal-WiFi ma jkunux jistgħu jsarrfuh.

5.10. Liema karatteristiċi tas-sigurtà japplikaw għan-networks WiFi4EU?

Uħud mill-karatteristiċi tas-sigurtà se jkunu parti mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-tagħmir u jitnizżlu fid-dettall fil-Ftehim ta’ Għotja, b’mod partikolari fl-Anness I tiegħu. Fl-aħħar mill-aħħar, il-muniċipalitajiet se jkunu responsabbli biex imexxu dawn in-networks WiFi4EU fil-livell lokali u b’hekk għandhom jiddefinixxu l-kunfigurazzjonijiet tas-sigurtà skont il-liġi nazzjonali u tal-UE.

Tul l-ewwel fażi, il-hotspots WiFi4EU pubbliċi m’għadhomx bżonn ikunu kriptati. Madankollu hu maħsub biex fit-tieni fażi, (aktarx mill-2019 ’il quddiem), tinħoloq pjattaforma ta’ awtentikazzjoni komuni li tipprovdi karatteristiċi tas-sigurtà addizzjonali għall-konnessjoni tal-utenti finali, u biex tiffaċilita r-roaming bla intoppi bejn il-hotspots WiFi4EU fi nħawi differenti.

6. IL-ĦLAS

6.1. Kif jista’ jissarraf il-vawċer, jiġifieri kif isir il-ħlas lill-kumpanija tal-installazzjoni tal-WiFi?

Biex il-kumpanija tal-installazzjoni tal-WiFi tkun tista’ ssarraf il-vawċer ta’ €15,000 mingħand il-Kummissjoni Ewropea, din trid tkun: 

  1. irreġistrata fil-Portal WiFi4EU.
  2. ġiet magħżula fil-Portal minn muniċipalità bħala l-fornitur tagħha.
  3. Ipprovdiet id-dettalji tal-kont bankarju tagħha kkonfermati mill-Kummissjoni fil-Portal WiFi4EU.
  4. ippreżentat rapport tal-installazzjoni (skont l-Artikolu 4 tal-Ftehim ta’ Għotja), u wara dan jiġi approvat mill-muniċipalità u mill-Kummissjoni fil-Portal WiFi4EU.

NOTA: Għalkemm il-kumpaniji tal-installazzjoni tal-WiFi jistgħu jirreġistraw fil-Portal, il-muniċipalità mhux se tkun tista’ tiddikjara l-kumpanija tal-installazzjoni magħżula tagħha fil-Portal qabel tmiem Marzu, għax din il-funzjonalità għadha qed tiġi żviluppata. Madankollu, dan il-pass fil-proċess ma għandux iwaqqaf lill-muniċipalitajiet u lill-kumpaniji tal-installazzjoni magħżula tagħhom milli jwettqu l-arranġamenti u l-iskjerament tal-hotspots. Fi kliem ieħor, il-muniċipalitajiet jistgħu jkomplu bl-iskjerament u jiddikjaraw il-kumpanija tal-installazzjoni tagħhom aktar tard fil-Portal meta din il-funzjonalità tkun disponibbli.

6.2. Il-vawċer ikopri t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (il-VAT)?

Il-vawċer hu ħlas f’daqqa maħsub biex ikopri l-ispejjeż kollha tat-tagħmir u tal-installazzjoni tiegħu, li jistgħu jinkludu l-VAT, diment li l-ispiża li jkopri l-vawċer ma tkunx taqbeż il-€15,000.

Bħalma tindika l-Mistqosija 6.3 t’hawn taħt, kull spiża li taqbeż il-€15,000 tal-vawċer (kemm bil-VAT u kemm mingħajru) iridu jkopruha l-muniċipalitajiet stess.

6.3. X’jiġri jekk l-ispiża tal-installazzjoni tkun aktar minn €15,000?

Skont l-Artikolu 4 tas-sejħa WiFi4EU-2019-1 l-ammont allokat għal kull vawċer hu ta’ €15,000 fil-forma ta’ somma f’daqqa. Il-vawċer ma jkoprix il-bqija tal-bilanċ pendenti.

6.4. Jistgħu l-muniċipalitajiet jagħtu mandat għall-ħolqien tan-network lil diversi partijiet terzi u għalhekk il-vawċer jinqasam fost bosta kumpaniji?

Il-vawċers WiFi4EU ikopru biss ix-xiri tat-tagħmir u tal-installazzjoni tal-Punti tal-Aċċess tal-WiFi. L-ammont tal-vawċer jista’ jitħallas biss lil kumpanija tal-installazzjoni tal-WiFi waħda li l-muniċipalità tidentifikaha fil-Portal għal dan il-għan.  Il-kumpanija tal-installazzjoni tal-WiFi magħżula tista’ testernalizza jew tiddelega xi parti mix-xogħol lil kumpaniji oħra. F’dan il-każ, il-muniċipalità hi responsabbli biex tmexxi, u żżomm f’moħħha li l-ħlas se jsir biss lill-kumpanija tal-installazzjoni oriġinali li tkun għażlet.

7. IL-PORTAL WIFI4EU

7.1. Jekk ma tkunx tista’ taċċessa l-Portal WiFi4EU, x’għandek tagħmel?

Jekk xi persuna ma jibqax ikollha aċċess iżjed għall-Portal tal-WiFi4EU (jiġifieri ma jkollhiex aċċess għall-kredenzjali tal-EULogin użati fir-reġistrazzjoni oriġinali), il-muniċipalitajiet għandhom jimlew il-formola online apposta biex jaġġornaw din l-informazzjoni ħalli jiksbu aċċess għall-Portal. Il-formola hi disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE: https://ec.europa.eu/eusurvey/runner/WiFi4EU_NEW_Change_Request_form. Imxi mal-istruzzjonijiet mogħtija u indika l-bidliet/l-informazzjoni rilevanti fil-formola li tappartjeni għall-muniċipalità. Ara wkoll il-Mistoqsija 2.3 hawn fuq.

Jekk ikun hemm xi kwistjonijiet tekniċi/tal-IT speċifiċi, il-Helpdesk jista’ jgħin jekk jingħata tagħrif dwar il-problema.

8. IL-PROTEZZJONI TAD-DATA

8.1. Kif titħares id-data personali?

Il-portal WiFi4EU – skont il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE (b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 45/2001) jiġbor biss id-data personali meħtieġa għall-parteċipazzjoni fl-inizjattiva WiFi4EU u għall-ġestjoni tagħha mill-Kummissjoni Ewropea (jew l-INEA). L-ebda data ma tinżamm jekk ma tkunx meħtieġa għal skopijiet ta’ kontroll u verifika 

Bl-istess mod, parti minn din id-data tista’ tiġi kondiviża mill-Kummissjoni Ewropea (jew mill-INEA), abbażi tal-prinċipju ta’ “ħtieġa ta’ għarfien”, ma’ istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE, u mal-Istati Membri (inkluż l-awtoritajiet reġjonali jew lokali) jew ma’ servizzi oħra responsabbli għall-kontrolli jew l-ispezzjonijiet skont il-liġi Ewropea (il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-OLAF, l-Ombudsman, eċċ.).

Għal aktar dettalji, ara d-dikjarazzjoni tal-privatezza tal-WiFi4EU, disponibbli fuq il-paġna ewlenija tal-Portal WiFi4EU.

Għan-network WiFi4EU, fl-ewwel fażi, ir-reġistrazzjoni u l-awtentikazzjoni tal-utenti, u għalhekk kwalunkwe ġbir u pproċessar potenzjali tad-data personali, se jkunu r-responsabbiltà ta’ kull muniċipalità u tal-Fornitur tas-Servizz tal-Internet (l-ISP) tagħha. Fit-tieni fażi, kull hotspot tal-WiFi4EU jeħtieġ jikkonforma ma’ dikjarazzjoni tal-privatezza u mal-liġijiet nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Fit-tieni fażi (aktarx mill-2019 ’il quddiem), se jkun hemm pjattaforma tal-awtentikazzjoni unika, li biha l-utenti se jkunu jistgħu jirreġistraw darba biss u jużaw ir-roaming bejn il-hotspots kollha tal-WiFi4EU, mingħajr ma jkollhom għalfejn jintroduċu mill-ġdid il-kredenzjali tagħhom.

9. MISTOQSIJIET TEKNIĊI

9.1. X’inhu l-“isem tad-dominju” skont id-definizzjoni tal-Artikolu 4.1 tal-Ftehim ta’ Għotja?

L-isem tad-dominju hu l-indirizz web (il-URL) tal-captive portal tan-netwerk WiFi4EU. Dan jirreferi għas-sit web fejn ikun jinsab il-captive portal, u mhux għas-sit web fejn jiġi ridirezzjonat l-utent wara li jilloggja. Hu f’idejn il-muniċipalità biex tagħżlu.

9.2. Il-Punti tal-Aċċess

9.2.1 X’inhuma r-rekwiżiti tekniċi għall-punti tal-aċċess tal-WiFi4EU?

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-tagħmir huma spjegati fid-dettall fit-Taqsima 6.2.2 tas-sejħa, kif ukoll fl-Artikolu I.2 tal-Anness I tal-Ftehim ta’ Għotja ffirmat bejn il-muniċipalitajiet u l-Kummissjoni.

Il-muniċipalità għandha tiżgura li kull Punt tal-Aċċess:

  • Ikun kompatibbli mal-użu ta’ dual-band f’salt (2,4Ghz – 5Ghz)
  • Ikollu ċiklu ta’ appoġġ ta’ aktar minn 5 snin
  • Ikollu MTBF (żmien medju ta’ bejn il-ħsarat) ta’ mill-anqas 5 snin
  • Ikollu unità dedikata u ċentralizzata għal punt uniku ta’ ġestjoni għal kull Punt tal-Aċċess ta’ kull network WiFi4EU
  • Ikun kompatibbli mal-IEEE 802.1x
  • Ikun konformi mal-IEEE 802.11ac Wave I
  • Ikun kompatibbli mal-IEEE 802.11r
  • Ikun kompatibbli mal-IEEE 802.11k
  • Ikun kompatibbli mal-IEEE 802.11v
  •  Ikun kapaċi jlaħħaq ma’ mill-inqas 50 utent f’salt mingħajr degradazzjoni tal-prestazzjoni tas-servizz
  • Ikollu mill-inqas 2x2 multiple-input-multiple-output (MIMO)
  • Ikun konformi mal-Hotspot 2.0 (programm taċ-ċertifikazzjoni tal-Passpoint WiFi Alliance).

9.2.2.  X’inhu l-għadd minimu ta’ Punti tal-Aċċess li jeħtieġ jiġu installati fuq ġewwa jew fuq barra?

L-għadd minimu ta’ Punti tal-Aċċess, kif indikat ukoll fit-Taqsima 6.2.2 tas-sejħa u l-Anness 1/l-Artikolu I.2 tal-Ftehim ta’ Għotja, hu dan:

L-għadd minimu ta’ Punti tal-Aċċess fuq barra

L-għadd minimu ta’ Punti tal-Aċċess fuq ġewwa

10

0

9

2

8

3

7

5

6

6

5

8

4

9

3

11

2

12

1

14

0

15

9.2.3. Jista’ jonqos l-għadd minimu ta’ Punti tal-Aċċess (u b’ammont imnaqqas tal-vawċer)?

Le, dan ma jistax isir. L-għadd ta’ Punti tal-Aċċess hu stabbilit bl-Anness 1/l-Artikolu I.2 tal-Ftehim ta’ Għotja. Ma tistax issir deroga minn dan għax l-iskema mhix imfassla biex tippermetti finanzjament parzjali jew twettiq parzjali tal-kundizzjonijiet. Madankollu, il-Punti tal-Aċċess jistgħu jkopru diversi nħawi, anki jekk ma jkunux fiżikament qrib xulxin jew interkonnessi. Barra minn hekk, f’post partikolari jista’ jiġi installat aktar minn Punt tal-Aċċess wieħed (eż. biex jissaħħaħ is-sinjal tal-WiFi).

9.2.4.  L-għadd minimu ta’ Punti tal-Aċċess jista’ jinqasam bejn networks differenti?

Jekk il-Punti tal-Aċċess ikunu f’postijiet fiżiċi differenti (eż. fil-pjazza ewlenija u fil-librerija) u jkunu konnessi flimkien bl-istess captive portal, dawn jitqiesu bħala network WiFi4EU wieħed.

Jekk jinqasam l-għadd ta’ Punti tal-Aċċess u kull grupp ikun konness ma’ captive portal differenti (jekk l-intenzjoni hi li jkun hemm portali captive differenti – eż. wieħed għal mużew u wieħed għal-librerija), dan jitqies bħala networks WiFi4EU differenti.
Importanti niftakru li jekk tittieħed id-deċiżjoni li jiġu stabbiliti networks/captive portals differenti, dawn ilkoll trid issirilhom il-manutenzjoni meħtieġa – u b’hekk se jiżdiedu l-ispejjeż tar-riżorsi u tal-operat.

9.2.5  Jista’ jkun hemm aktar minn Punt tal-Aċċess wieħed f’kull post?

Iva. Il-Ftehim ta’ Għotja ma jagħmel l-ebda restrizzjoni fuq kif jitqassmu l-Punti tal-Aċċess. Dan hi deċiżjoni li għandhom jieħdu l-muniċipalitajiet stess: sta għalihom biex jaraw kif se jqassmu l-Punti tal-Aċċess b’mod li jservu bl-aħjar mod lill-utenti.

9.2.6.  Il-vawċer WiFi4EU ikopri l-aġġornament ta’ Punti tal-Aċċess eżistenti?

Iva, il-vawċer WiFi4EU jista’ jintuża biex jiffinanzja l-aġġornament ta’ xi network tal-WiFi pubbliku eżistenti, diment li dan l-aġġornament jagħmel in-network konformi mal-kundizzjonijiet imsemmija fis-sejħa.

9.3. L-SSID

9.3.1. Kif għandu jsir in-network (l-SSID)?

L-SSID tan-network WiFi4EU għandu jissemma skont l-Anness I tal-Ftehim ta’ Għotja. Isem in-network WiFi4EU jirreferi għall-isem li l-muniċipalità tixtieq tagħti lin-network WiFi4EU (eż. Parroċċa) biex tidentifikah meta tkun qed tikkomunika mal-INEA u biex tiddistingwi minn networks oħrajn.

9.3.2.  Jista’ jintuża SSID ieħor minbarra “WiFi4EU”?

Minbarra l-SSID “WiFi4EU” standard (ibbażat fuq network u captive portal miftuħin), jista’ jixxandar ukoll:

- SSID wieħed għall-użu intern tal-muniċipalità, eż. li jservi lill-persunal amministrattiv fiċ-ċentru ċiviku jew fil-librerija pubblika, jew għal proġett ta’ belt intelliġenti.

u/jew

- SSID wieħed biex jipprovdi servizz tal-awtentikazzjoni sigura tal-utenti WiFi4EU tul l-ewwel fażi tal-implimentazzjoni tal-WiFi4EU (eż. “WiFi4EU – Sigur”).

Fit-tieni fażi tal-implimentazzjoni tal-WiFi4EU se jiġi stabbilit servizz komuni tal-awtentikazzjoni sigura li jaqdi n-networks WiFi4EU kollha fl-Ewropa (ara wkoll il-Mistoqsija 9.4). Għalhekk, jekk fl-ewwel fażi jiġi stabbilit SSID lokali li jipprovdi servizz tal-awtentikazzjoni sigura (bħal fil-każ ta’ hawn fuq), dan jitneħħa tul it-tieni fażi jew jibqa’ jixxandar miegħu.

Ikun xi jkun il-każ, ix-xandir tal-SSID addizzjonali m’għandux jaffettwa l-kwalità tas-servizz offrut lill-pubbliku ġenerali. Il-muniċipalità għandha tagħmel differenza wkol kif xieraq bejn ismijiet tal-SSIDs mill-SSID “WiFi4EU” miftuħ.

Għal aktar dettalji rreferi għall-Anness I/l-Artikolu I.5 tal-Ftehim ta’ Għotja.

9.3.3. Il-muniċipalità hija obbligata li xxandar SSID b’captive portal miftuħ, mingħajr ebda identifikazzjoni tal-utent?

L-għan tal-inizjattiva WiFi4EU huwa li jingħata l-aċċess kemm jista’ jkun faċli għan-netwerks tal-Wi-Fi bla ħlas fi spazji pubbliċi. Għalhekk, fil-fehma tagħna hija preferibbli l-proċedura l-aktar diretta sabiex wieħed jaċċessja, li hija bbażata fil-prinċipju fuq buttuna li tagħfas darba biex tikkonnettja. Madankollu, jekk il-muniċipalità tkun meħtieġa skont il-liġijiet nazzjonali li ddaħħal fis-seħħ proċeduri oħra ta’ reġistrazzjoni u ta’ awtentikazzjoni, dan jista’ jsir, pereżempju billi titlob dettalji addizzjonali tal-utent. Fin-nuqqas ta’ tali obbligi legali, għandha tiġi implimentata l-proċedura “agħfas darba biex tikkonnettja”.

9.4. Min hu responsabbli għall-awtentikazzjoni tal-utenti?

Tul l-ewwel fażi tal-inizjattiva, l-awtentikazzjoni, l-awtorizzazzjoni u l-kontabbiltà tal-utenti hi responsabbiltà tal-muniċipalitajiet. Fit-tieni fażi, se titħaddem sistema unika tal-awtentikazzjoni li tkun disponibbli fil-livell tal-UE, u għalhekk il-muniċipalitajiet se jkollhom jikkonfiguraw in-networks tagħhom biex ikunu konnessi magħha. L-awtorizzazzjoni u l-kontabbiltà tal-utenti se jibqgħu responsabbiltà tal-muniċipalitajiet. Għal aktar dettalji dwar dawn iż-żewġ fażijiet, irreferi għall-Anness I tal-Ftehim ta’ Għotja.

9.5. Hemm bżonnha ċ-ċertifikazzjoni “Passpoint”?

Bħalma jispeċifika l-Anness I tal-Ftehim ta’ Għotja, il-hotspot 2.0 hu rekwiżit biex it-tagħmir installat jibbenefika mill-vawċer WiFi4EU. Il-Orogramm ta’ Ċertifikazzjoni “Passpoint” hu meħtieġ biex tkun żgurata l-interoperabbiltà tat-tagħmir, mhux biss ma’ manifatturi oħra iżda anki mas-servizz uniku tal-awtentikazzjoni li l-Kummissjoni se tipprovdi aktar tard fit-tieni fażi tal-implimentazzjoni tal-WiFi4EU.

9.6. Tista’ tingħata lista ta’ tagħmir li jissodisfa r-rekwiżiti WiFi4UE?

Din hi l-lista ppubblikata tat-tagħmir imsejjaħ WiFi CERTIFIED Passpoint®

9.7. L-inizjattiva WiFi4EU tħaddem server ta’ captive portal?

L-Anness 1/l-Artikolu I.5.1 tal-Ftehim ta’ Għotja jelenka r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati għall-captive portal fl-ewwel fażi tal-iskjerament. F’din il-fażi, ma hemm l-ebda server ċentralizzat ta’ captive portal. Fit-tieni fażi, il-hosting tal-captive portal se jkun ċentralizzat u t-tagħmir għandu jerġa’ jiġi kkonfigurat skont dan. F’din il-fażi, il-Kummissjoni se tipprovdi servizz uniku u sigur tal-awtentikazzjoni, u l-muniċipalitajiet se jkollhom jerġgħu jikkonfiguraw in-networks tagħhom biex ikunu konnessi miegħu. Madankollu, il-captive portal se jibqa’ jkun responsabbiltà ta’ kull muniċipalità. Ara wkoll il-Mistoqsija 9.4.

9.8. X’inhi l-iskadenza għall-għażla tal-fornitur tal-installazzjoni?

Il-muniċipalitajiet għandhom 18-il xahar biex jimplimentaw il-proġett skont il-Ftehim ta’ Għotja. Tul dan il-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ 18-il xahar m’hemmx skadenza għall-għażla tal-kumpanija tal-installazzjoni. Iżda hu rakkomandat li l-muniċipalitajiet jagħżluha malajr kemm jista’ jkun biex ilaħħqu l-proġett sal-iskadenza finali tal-implimentazzjoni.

9.9. Fil-Fażi II tal-implimentazzjoni tal-Wi-Fi, is-soluzzjoni ta’ awtentikazzjoni sigura u ta’ monitoraġġ se tkun teħtieġ li l-utenti jidentifikaw ruħhom b’xi mod (eż. bl-użu ta’ numru tat-telefown)? L-utent kif se jikkonnettja ma’ apparat, jew ma’ indirizz-MAC?

Fil-Fażi II, se jkun hemm sistema unika ta’ reġistrazzjoni u ta’ awtentikazzjoni disponibbli fil-livell tal-UE li se tarmonizza l-metodu kif l-utenti jaċċessjaw u se tagħtihom aċċess faċli għas-servizzi diġitali. F’dan il-mument, m’għandniex informazzjoni addizzjonali dwar kif dan se jiġi implimentat teknikament minħabba li s-sistema se tiġi akkwistata aktar tard din is-sena.

10. MISTOQSIJIET OĦRA

10.1. X’inhi l-Komunità WiFi4EU? Kif jista’ wieħed jinvolvi ruħu?

Il-Komunità WiFi4EU hi forum interattiv li jservi bħala punt fokali dirett għall-partijiet konċernati (jiġifieri l-muniċipalitajiet u l-kumpaniji tal-installazzjoni tal-WiFi) biex jaqsmu bejniethom l-informazzjoni dwar l-inizjattiva WiFi4EU.

Bi blogs, diskussjonijiet moderati u qsim ta’ aħbarijiet u informazzjoni, il-Komunità għandha l-għan li toħloq djalogu biex il-parteċipanti jkunu jistgħu jaqsmu l-aqwa prattiki u l-esperjenzi ma’ xulxin, u biex iwessgħu l-ambitu ġenerali tal-komunikazzjoni relatata mal-WiFi4EU.

Link utli biex wieħed jingħaqad mal-Komunità u jinvolvi ruħu: https://ec.europa.eu/futurium/en/wifi4eu.

10.2. X’inhu l-impatt tal-Brexit fuq l-applikanti mir-Renju Unit?

Il-kriterji tal-eliġibbiltà kollha deskritti fil-qosor fis-sejħa jridu jibqgħu jiġu ssodisfati wara d-data tal-applikazzjoni, jiġifieri matul l-evalwazzjoni, l-għażla u l-għoti, u tul iż-żmien kollu tal-għotja. Jekk ir-Renju Unit jirtira mill-UE matul il-perjodu tal-għotja mingħajr ma jiġi konkluż ftehim mal-UE li jiżgura b’mod partikolari li l-applikanti tar-Renju Unit jibqgħu eliġibbli, il-bidla fis-sitwazzjoni legali tal-muniċipalitajiet timplika li dawn ma jkunux eliġibbli għall-vawċer WiFi4EU. Barra minn hekk, il-muniċipalitajiet Brittaniċi li diġà kisbu vawċer qabel id-data tat-tluq, mhux se jibqgħu jirċievu finanzjament mill-UE (għajr jekk dawn ikunu skjeraw in-network WiFi4EU qabel din id-data, filwaqt li jibqgħu, jekk ikun possibbli, jipparteċipaw) jew ikollhom joħorġu mill-proġett abbażi tal-Artikolu II.16.3.1 (a) (bidla fis-sitwazzjoni legali tal-benefiċjarju) tal-Ftehim ta’ Għotja.

#Wifi4EU on Twitter