Skip to main content

Culture and Creativity

Lieu de Mémoire du Chambon-sur-Lignon (Franza)

Il-Mafkar ta’ Chambon-sur-Lignon

Le Chambon-sur-Lignon hi żona ta’ tifkira li nfetħet fl-2013 li tfakkar l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ imwettqin min-nies tal-lokal matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Minn Diċembru tal-1940 sa Settembru tal-1944, l-abitanti ta’ Le Chambon-sur-Lignon u tal-villaġġi tal-għoljiet tal-madwar ipprovdew kenn għal madwar 3,000 persuna ta’ oriġini Lhudija (inklużi ħafna tfal), kif ukoll repubblikani Spanjoli, Ġermaniżi anti-Nazisti, membri tar-reżistenza Franċiża u oħrajn.

Is-sit jikkonsisti f’mogħdija interpretattiva/storika dwar diversi attivitajiet ta’ reżistenza kontra n-Nazisti matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Dan jinkludi spazju ta’ tifkira b’xhieda ta’ eks refuġjati u tal-Ġusti (persuni mhux Lhud li rriskjaw ħajjithom biex jgħinu lil-Lhud waqt l-Olokawst), swali għall-esibizzjonijiet u attivitajiet edukattivi; u ġnien ta’ tifkira ddisinjat minn Louis Benech, l-artist tal-pajsaġġi. Ir-rwol straordinarju li kellhom l-abitanti ta’ Le Chambon kien rikonoxxut permezz ta’ diploma onorarja mill-Istitut Yad Vashem ta’ Ġerusalemm fl-1990.

Fis-snin 30 (1930s), grupp ta’ membri tal-kleru Protestanti u persuni involuti fin-networks tal-paċi Ewropej u internazzjonali minn barra Franza marru f’Le Chambon-sur-Lignon. Flimkien mat-teħid ta’ pożizzjoni tas-sindku ta’ dak iż-żmien u ta’ membri oħrajn tal-kleru li ħadu azzjonijiet kontra n-Nazisti u r-reġim ta’ Vichy, dan għen biex Le Chambon-sur-Lignon u l-villaġġi tal-madwar isiru post ta’ reżistenza attiva u rifuġju għal dawk in-nies li dawn ir-reġimi kienu qed ifittxu biex jeliminaw. B’hekk, dan is-sit hu importanti kemm fil-livell tanġibbli kif ukoll f’dak intanġibbli.