Navigation path

Paġna ewlenija
X'inhi l-politika tal-kompetizzjoni?
Għaliex il-politika tal-kompetizzjoni hi importanti għall-konsumaturi?
Il-Kummissjoni kif tapplika l-politika tal-kompetizzjoni?
L-istituzzjonijiet tal-UE u l-politika tal-kompetizzjoni
Kuntatti

Riżultati għall-konsumaturi

Appoġġ tal-gvern għall-industrija (għajnuna mill-Istat)

Xi drabi l-awtoritajiet tal-gvern jonfqu flus pubbliċi biex jappoġġaw industriji lokali jew kumpaniji individwali. Dan jagħtihom vantaġġ inġust fuq setturi simili f'pajjiżi oħra tal-UE. Fi kliem ieħor, dan jagħmel dannu lill-kompetizzjoni u jxekkel il-kummerċ.

Hu x-xogħol tal-Kummissjoni li tevita dan, billi tippermetti għajnuna mill-Istat jekk tkun ġenwinament fl-interess pubbliku wiesa' - jekk l-għajnuna tibbenefikax minnha s-soċjetà jew l-ekonomija b'mod ġenerali.

Għal aktar tagħrif dwar ir-rwol tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-appoġġ tal-gvern lin-negozji (għajnuna mill-Istat), ara l-Artikolu 108 tat-Trattat dwar l-funzjonament tal-UE.


Kif jiġi deċiż liema appoġġ hu permess

L-ewwel, il-Kummissjoni trid twieġeb dawn it-tliet mistoqsijiet:

  • L-awtoritajiet tal-istat taw appoġġ - eż. fil-forma ta' għotjiet, interessi jew ħelsien mit-taxxa, garanziji, ishma f'kumpaniji, prodotti u servizzi provduti b'termini preferenzjali, eċċ.?
  • L-appoġġ jista' jaffettwa n-negozju bejn il-pajjiżi tal-UE? (appoġġ ta' inqas minn € 200 000 f'perjodu ta' 3 snin ma jitqiesx bħala appoġġ li jista' jaffettwa n-negozju tal-UE.)
  • L-appoġġ hu selettiv – jagħti vantaġġ lil kumpaniji speċifiċi, partijiet ta' industriji jew lil reġjuni speċifiċi? Ngħidu aħna, miżuri ta' taxxa ġenerali u leġiżlazzjoni dwar l-impjieg mhumiex selettivi peress li japplikaw għal kulħadd.
  • Il-kompetizzjoni ġiet imxekkla jew tista' tixxekkel fil-futur?

Jekk iva, il-Kummissjoni m'għandhiex tippermetti l-appoġġ - sakemm ma jintweriex li hu kompatibbli mas-suq komuni.

Eżempji

Permess (fl-interess komuni tal-UE) - appoġġ li jgħin jew jippromwovi reġjuni żvantaġġati, negozji ta' daqs żgħir u medju, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-ħarsien ambjentali, it-taħriġ, l-impjieg jew il-kultura.

Mhux permess - għajnuna ġenerali ta' investiment għall-kumpaniji kbar li jinsabu barra reġjuni żvantaġġati, appoġġ għall-esportazzjoni u appoġġ biex ikopri l-ispejjeż kurrenti tal-kumpaniji (għajnuna operattiva).

Għajnuna sa € 200 000 mogħtija lil kumpaniji fuq perjodu ta' tliet snin ma titqiesx bħala għajnuna mill-Istat peress li mhijiex kbira biżżejjed biex ikollha effett fuq in-negozju bejn il-pajjiżi tal-UE. Din is-simplifikazzjoni tippermetti wkoll lill-Kummissjoni tiffoka fuq każijiet iktar importanti.


Monitoraġġ tal-għajnuna mill-gvern

Bħala regola, il-gvernijiet tal-UE għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar is-sussidji pjanati u appoġġ ieħor li biħsiebhom jipprovdu minn qabel.

Min-notifikazzjonijiet ta' appoġġ li jaslulha, il-Kummissjoni tapprova madwar 85% wara evalwazzjoni preliminari.

Meta tkun meħtieġa investigazzjoni formali - f'każijiet kontroversjali - dan jitħabbar fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fuq ir-reġistru onlajn tal-każijiet tal-għajnuna mill-Istat tal-Kummissjoni. Il-partijiet interessati jistgħu jikkummentaw, u l-Kummissjoni tikkunsidra l-aspetti kollha qabel ma tilħaq deċiżjoni finali.

Il-Kummissjoni tinvestiga wkoll l-appoġġ li ma tiġix informata bih uffiċjalment ("għajnuna illegali") - iżda li jinġieb għall-attenzjoni tagħha permezz tal-investigazzjoni tagħha, permezz ta' ilmenti minn kumpaniji jew individwi, jew permezz ta' rapporti mill-midja. Jekk il-Kummissjoni ssib li dan l-appoġġ hu inkompatibbli mal-liġi tal-UE u l-kompetizzjoni ġusta, titlob lill-awtoritajiet iwaqqfu l-għajnuna u tirkupra kwalunkwe appoġġ li jkun ingħata diġà.


Statistika

It-tabella ta' valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-Kummissjoni tagħti statistika tal-ammont u t-tip ta' appoġġ mogħti minn kull pajjiż tal-UE.

Is-sejbiet tagħha juru li l-biċċa l-kbira tal-għajnuna mogħtija qabel lil kumpaniji jew industriji individwali issa ħadu direzzjoni biex jagħmlu attivitajiet fl-interess komuni tal-UE. Dan għandu jgħin lill-ekonomija Ewropea ssir iktar kompetittiva fis-suq globali.


Kriżi finanzjarja - x'qed tagħmel il-Kummissjoni?

Il-Kummissjoni titħabat biex tiżgura li r-rispons nazzjonali għall-kriżi ma jxekkilx il-kompetizzjoni, iżda minflok iqis is-sitwazzjoni f'livell Ewropew.

Ir-regoli dwar l-appoġġ mill-gvern jeżistu biex iwaqqfu lill-gvernijiet milli jippruvaw jegħlbu lil xulxin f'tellieqa biex jissussidjaw lill-kumpaniji tagħhom u jpoġġu lil kumpaniji b'saħħithom fi żvantaġġ inġust.

Regoli temporanji għas-sussidji lill-banek

Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-gvernijiet jista' jkollhom bżonn jieħdu azzjoni biex isolvu problemi fis-settur finanzjarju u ħarġet regoli temporanji dwar l-appoġġ lill-banek.

Dawn ir-regoli ma jippermettux lill-banek li jaċċettaw appoġġ pubbliku mingħajr ma jieħdu azzjoni huma stess biex isolvu l-problemi tagħhom.

Regoli temporanji għal kumpaniji oħra

Biex tagħti lill-gvernijiet tal-UE ftit libertà kif jindirizzaw l-effetti tal-kriżi ekonomika, il-Kummissjoni adottat regoli temporanji, validi sal-aħħar tal-2010, biex tippermetti miżuri inklużi:

  • ammonti limitati ta' appoġġ, sa € 500 000 għal kull kumpanija
  • garanziji Statali għal self bi primjum imnaqqas
  • self sussidjat (partikolarment għal prodotti favur l-ambjent)

Ara wkoll il-liġi tal-UE dwar l-appoġġ tal-gvern

Aktar tagħrif dwar ir-regoli tal-UE dwar l-appoġġ tal-gvern


  
ta' qabel mur lura li jmiss