First published on
26 April 2017

Id-dokument ta’ riflessjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa jqajjem mistoqsijiet dwar kif nistgħu nsostnu l-istandards tal-għajxien tagħna, noħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar, inħejju l-persuni bil-ħiliet xierqa u noħolqu aktar unità fis-soċjetà tagħna, fid-dawl tad-dinja tax-xogħol u tas-soċjetà ta’ għada. Id-dokument jagħmel dan billi jippreżenta tliet għażliet possibbli:

  • Nillimitaw id-dimensjoni soċjali għall-moviment liberu

Permezz ta’ din l-għażla, l-Unjoni żżomm fis-seħħ ir-regoli biex tippromwovi l-movimenti transfruntieri tal-persuni, bħalma huma r-regoli dwar id-drittijiet tas-sigurtà soċjali taċ-ċittadini mobbli, l-istazzjonar tal-ħaddiema, il-kura tas-saħħa transfruntiera u r-rikonoxximent tad-diplomi. Madankollu, ma jkunx għad hemm aktar l-istandards minimi tal-UE dwar, pereżempju, is-saħħa u s-sigurtà għall-ħaddiema, il-ħin tax-xogħol u tal-mistrieħ jew il-liv tal-maternità u tal-paternità. L-Ewropa ma tibqax trawwem opportunitajiet għall-Istati Membri biex jaqsmu l-aħjar prattiki fl-oqsma tal-edukazzjoni, tas-saħħa, tal-kultura u tal-isport, u l-programmi ta’ rikonverżjoni soċjali u reġjonali fl-Istati Membri li huma kofinanzjati mill-flus tal-UE ma jkunux jistgħu jissoktaw jew ikollhom jiġu ffinanzjati fil-livell nazzjonali.

  • Dawk li jridu jagħmlu aktar fil-qasam soċjali jagħmlu aktar

Il-pajjiżi li jużaw l-ewro bħala l-munita unika tagħhom jistgħu jwettqu aktar flimkien fil-qasam soċjali biex jippreservaw is-saħħa u l-istabilità taż-żona tal-ewro u biex jiġu evitati aġġustamenti għal għarrieda fl-istandards tal-għajxien taċ-ċittadini tagħha. Pajjiżi oħra interessati jistgħu jipparteċipaw ukoll.

  • L-UE27 japprofondixxu d-dimensjoni soċjali tal-Ewropa flimkien

Filwaqt li ċ-ċentru tal-gravità għall-azzjoni fil-qasam soċjali għandu jibqa’ u se jibqa’ fil-livell tal-awtoritajiet nazzjonali u lokali, l-UE tesplora modi biex tkompli ssaħħaħ l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li tuża b’mod sħiħ l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha. Il-leġiżlazzjoni mhux biss tistabbilixxi standards minimi iżda, f’żoni magħżula, tista’ tarmonizza bis-sħiħ id-drittijiet taċ-ċittadini mal-UE kollha, bl-għan li tiffoka fuq il-konverġenza soċjali tal-eżiti soċjali.

Files

DownloadPDF - 3.4 MB
DownloadPDF - 1019 KB

Informazzjoni relatata