First published on
31 Mejju 2017

L-għażliet proposti fid-dokument ta' riflessjoni huma maħsuba biex jgħinu fil-bini ta' konsensus wiesa' dwar kif nistgħu naffaċċjaw l-isfidi tal-ġejjieni u biex jagħtu impetu ġdid għal dan id-dibattitu importanti.

It-triq 'il quddiem jinvolvi t-teħid ta' passi fi tliet oqsma ewlenin:

 

  • It-tlestija ta' Unjoni Finanzjarja ġenwina

Sistema finanzjarja integrata u li tiffunzjona sew hija essenzjali għal Unjoni Ekonomika u Monetarja effettiva u stabbli. Filwaqt li nibnu fuq il-momentum ta' dak li diġà nkiseb f'dawn l-aħħar snin, irid jinsab konsensus dwar it-triq 'il quddiem. Dan jinkludi t-triq 'il quddiem b'elementi li jinsabu diġà fuq il-mejda, u l-ftehim dwar il-passi addizzjonali li jridu jittieħdu bejn issa u l-2025. Dan se jinvolvi t-tlestija tal-Unjoni Bankarja u li jsir progress fuq it-tnaqqis u l-qsim ta' riskji fis-settur bankarju, flimkien ma' miżuri li jwasslu biex il-banek Ewropej isiru iktar reżiljenti. Huwa importanti ħafna wkoll li ssir azzjoni fuq l-Unjoni tas-Swieq Kapitali sabiex jiġu pprovduti iktar opportunitajiet ta' finanzjament diversi u innovattivi, inkluż permezz tas-swieq kapitali.

 

  • Il-kisba ta' Unjoni Ekonomika u Fiskali iktar integrata

Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti diġà rrikonoxxa l-konverġenza lejn strutturi ekonomiċi u soċjali iktar reżiljenti fl-Istati Membri bħala element essenzjali għal Unjoni Ekonomika u Monetarja ta' suċċess fil-medda twila ta' żmien. L-Istati Membri jistgħu jsaħħu l-elementi diġà eżistenti, bħas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika jew ir-rabta tal-appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-UE għal riformi strutturali. Iżda l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll biex itejbu l-kapaċità tal-istabbilizzazzjoni makroekonomika taż-Żona tal-Ewro. Il-karta tispjega bosta għażliet differenti għal dan, li l-Kummissjoni se tikkunsidra.

 

  • L-istabbiliment ta' responsabbiltà demokratika u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet taż-Żona tal-Ewro

Sabiex l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tista' tkun iktar b'saħħitha, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw li jikkondividu iktar responsabbiltajiet u deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet taż-Żona tal-Ewro, f'qafas legali komuni. Dan jista' jkun permezz tat-Trattati tal-UE u l-istituzzjonijiet tagħha, approċċ intergovernattiv jew, kif inhu l-każ illum, taħlita tat-tnejn. Iktar integrazzjoni politika tista' tinvolvi reviżjoni tal-bilanċ bejn il-Kummissjoni u l-Grupp tal-Ewro u tista' tiġġustifika l-ħatra ta' president permanenti full-time tal-Grupp tal-Ewro, kif ukoll li tgħaqqad ir-rappreżentazzjoni esterna taż-Żona tal-Ewro. L-idea ta' Teżor taż-Żona tal-Ewro – possibbilment b'baġit taż-Żona tal-Ewro – kif ukoll Fond Monetarju Ewropew se jiġu diskussi wkoll fid-dibattitu pubbliku, u jistgħu jiġu kkunsidrati fi stadju aktar tard tal-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fil-qafas tal-UE.

Files

DownloadPDF - 1.6 MB