Il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali hu dwar it-twassil ta’ drittijiet ġodda u aktar effettivi għaċ-ċittadini. Hu jibni fuq 20 prinċipju ewlieni, strutturat madwar tliet kategoriji:

  • Opportunitajiet ugwali u aċċess għas-suq tax-xogħol
  • Kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti
  • Protezzjoni u inklużjoni soċjali

 

Kapitolu I: Opportunitajiet ugwali u aċċess għas-suq tax-xogħol

1. Edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja

Kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex iżomm u jakkwista ħiliet li jippermettulu jipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà u jimmaniġġja b’suċċess tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol.

2. Ugwaljanza bejn is-sessi

Jeħtieġ li tiġi żgurata u titrawwem l-ugwaljanza fit-trattament u fl-opportunitajiet bejn in-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha, inkluż fir-rigward tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, fit-termini u fil-kundizzjonijiet tal-impjieg u fil-progressjoni fil-karriera.

In-nisa u l-irġiel għandhom id-dritt għal paga indaqs għal xogħol ta’ valur ugwali.

3. Opportunitajiet indaqs

Irrispettivament mis-sess, mill-oriġini razzjali jew etnika, mir-reliġjon jew mit-twemmin, mid- diżabbiltà, mill-età jew mill-orjentament sesswali, kulħadd għandu d-dritt għal trattament u opportunitajiet indaqs fir-rigward tal-impjiegi, tal-protezzjoni soċjali, tal-edukazzjoni, u tal-aċċess għall-prodotti u s-servizzi disponibbli għall-pubbliku. Għandhom jitrawmu opportunitajiet indaqs ta’ gruppi li mhumiex irrappreżentati biżżejjed.

4. Appoġġ attiv għall-impjiegi

Kulħadd għandu d-dritt għal assistenza f’waqtha u mfassla apposta biex jittejbu l-opportunitajiet ta’ impjieg jew il-prospetti ta’ impjiegi indipendenti. Dan jinkludi d-dritt li wieħed jirċievi appoġġ għal tfittxija, taħriġ u kwalifikazzjoni mill-ġdid ta’ xogħol. Kulħadd għandu d-dritt li jittrasferixxi l-protezzjoni soċjali u l-intitolamenti ta’ taħriġ matul tranżizzjonijiet professjonali.

Iż-żgħażagħ għandhom id-dritt għal edukazzjoni kontinwa, apprendistat, traineeships jew offerta ta' xogħol ta’ kwalità tajba sa erba' (4) xhur minn meta jiġu qiegħda jew iħallu l-edukazzjoni.

In-nies qiegħda għandhom id-dritt għal appoġġ personalizzat, kontinwu u konsistenti. Dawk qiegħda fit-tul għandhom id-dritt għal valutazzjoni individwali fil-fond mhux aktar tard minn 18-il xahar ta’ qgħad.

Kapitolu II: Kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti

5. Impjieg sigur u adattabbli

Irrispettivament mit-tip u t-tul ta’ żmien tar-relazzjoni tax-xogħol, il-ħaddiema għandhom id-dritt għal trattament ġust u ugwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali u t-taħriġ. Għandha titrawwem it-tranżizzjoni lejn forom ta’ impjiegi miftuħa.

Skont il-leġiżlazzjoni u l-ftehimiet kollettivi, għandha tiġi żgurata l-flessibbiltà neċessarja biex l-impjegaturi jadattaw malajr għal bidliet fil-kuntest ekonomiku.

Għandhom jitrawmu forom innovattivi ta’ xogħol li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità. Għandhom jitħeġġu l-intraprenditorija u l-impjiegi indipendenti. Għandha tiġi ffaċilitata l-mobbiltà okkupazzjonali.

Għandhom jiġu evitati relazzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għall-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, inkluż bil-projbizzjoni ta’ abbuż ta’ kuntratti atipiċi. Kwalunkwe perjodu ta’ probation għandu jkun b’tul ta’ żmien raġonevoli.

6. Pagi

Il-ħaddiema għandhom id-dritt għal pagi ġusti li jipprovdu għal standard ta' għajxien deċenti.

Għandhom jiġu żgurati pagi minimi adegwati, b’mod li jipprovdu għas-sodisfazzjon tal-bżonnijiet tal-ħaddiem u tal-familja tiegħu / tagħha fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali nazzjonali, filwaqt li jiġi ssalvagwardjat l-aċċess għall-impjieg u l-inċentivi biex jitfittex xogħol. Għandu jiġi evitat il-faqar fost dawk li jaħdmu.

Il-pagi kollha għandhom ikunu stabbiliti b’mod trasparenti u prevedibbli skont il-politiki nazzjonali u jirrispettaw l-awtonomija tas-sħab soċjali.

7. Informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg u l-protezzjoni f’każ ta’ sensja

Il-ħaddiema għandhom id-dritt li jiġu infurmati bil-miktub fil-bidu tal-impjieg dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mir-relazzjoni tax-xogħol, inkluż dwar il-perjodu ta’ probation. 

Qabel kwalunkwe sensja, il-ħaddiema għandhom id-dritt li jiġu infurmati bir-raġunijiet u li jingħataw perjodu ta’ avviż raġonevoli. Huma għandhom id-dritt għall-aċċess għal riżoluzzjoni ta’ tilwim effettiva u imparzjali u, f’każ ta’ sensja mhux ġustifikata, dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat.

8. Id-djalogu soċjali u l-involviment tal-ħaddiema

Is-sħab soċjali għandhom jiġu kkonsultati dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali skont il-prattiki nazzjonali. Dawn għandhom ikunu mħeġġa jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fi kwistjonijiet rilevanti għalihom, filwaqt li jirrispettaw l-awtonomija u d-dritt tagħhom għal azzjoni kollettiva. Fejn xieraq, il-ftehimiet konklużi bejn is-sħab soċjali għandhom jiġu implimentati fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

Il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom id-dritt li jiġu infurmati u kkonsultati fi żmien xieraq dwar kwistjonijiet rilevanti għalihom, b’mod partikolari dwar it-trasferiment, ir-ristrutturar u l-fużjoni ta’ impriżi u dwar sensji kollettivi.

Għandu jiġi mħeġġeġ l-appoġġ għal żieda fil-kapaċità tas-sħab soċjali biex jippromwovu d-djalogu soċjali.

9. Bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol

Ġenituri u nies b’responsabbiltajiet ta’ kura għandhom id-dritt għal liv xieraq, arranġamenti tax-xogħol flessibbli u aċċess għal servizzi ta’ kura. In-nisa u l-irġiel għandu jkollhom aċċess ugwali għal liv speċjali sabiex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet ta’ kura tagħhom u għandhom jiġu mħeġġa jużawhom b’mod bilanċjat.

10. Ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa, sigur u adattat u protezzjoni ta' dejta personali

Il-ħaddiema għandhom id-dritt għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom fuq ix-xogħol.

Il-ħaddiema għandhom id-dritt għal ambjent tax-xogħol adattat għall-bżonnijiet professjonali tagħhom u li jippermettilhom itawlu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

Il-ħaddiema għandhom id-dritt li d-dejta personali tagħhom tkun protetta fil-kuntest tax-xogħol.

Kapitolu III: Protezzjoni u inklużjoni soċjali

11. Kura tat-tfal u appoġġ għat-tfal

It-tfal għandhom id-dritt għal edukazzjoni bikrija tat-tfal affordabbli u kura ta’ kwalità tajba.

It-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni mill-faqar. It-tfal li ġejjin minn sfondi żvantaġġati għandhom id-dritt għal miżuri speċifiċi biex jissaħħu l-opportunitajiet indaqs.

12. Protezzjoni soċjali

Irrispettivament mit-tip u mit-tul ta’ żmien tar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom, il-ħaddiema, u f’ċerti kundizzjonijiet simili, il-ħaddiema għal rashom, għandhom id-dritt għal protezzjoni soċjali adegwata.

13. Allowances tal-qgħad

Dawk qiegħda għandhom id-dritt għal appoġġ ta’attivazzjoni adegwat mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi sabiex jintegraw (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol u għal benefiċċji adegwati tal-qgħad b’tul ta’ żmien raġonevoli, f’konformità mal-kontribuzzjonijiet u mar-regoli ta’ eliġibbiltà nazzjonali tagħhom. Dawn il-benefiċċji ma għandhomx jikkostitwixxu diżinċentiv għal ritorn lura ta’ malajr għax-xogħol.

14. Introjtu minimu

Kull min ma għandux riżorsi suffiċjenti għandu d-dritt għal benefiċċji ta’ introjtu minimu adegwati li jiżguraw ħajja f’dinjità fl-istadji kollha tal-ħajja, u għal aċċess effettiv li jippermetti prodotti u servizzi. Għal dawk li jistgħu jaħdmu, il-benefiċċji ta’ introjtu minimu għandhom jitħalltu ma’ inċentivi għall-integrazzjoni (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol.

15. Introjtu u pensjoni tax-xjuħija

Il-ħaddiema u dawk li jaħdmu għal rashom li rtiraw għandhom id-dritt għal pensjoni proporzjonali għall-kontribuzzjonijiet tagħhom u li tiżgura introjtu adegwat. In-nisa u l-irġiel għandu jkollhom opportunitajiet indaqs biex jakkwistaw id-drittijiet għall-pensjoni.

Kull min irtira għandu d-dritt għal riżorsi li jiżguraw l-għajxien b’dinjità.

16. Kura tas-saħħa

Kulħadd għandu d-dritt għal aċċess f’waqtu għal kura tas-saħħa affordabbli, preventiva u kurattiva ta’ kwalità tajba.

17. Inklużjoni ta’ persuni b’diżabbiltà

Il-persuni b’diżabbiltà għandhom id-dritt għal appoġġ għall-introjtu li jiżgura l-għajxien b’dinjità, servizzi li jippermettulhom jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà, u ambjent tax-xogħol adattat għall-bżonnijiet tagħhom.

18. Kura fit-tul

Kulħadd għandu d-dritt għal servizzi ta’ kura fit-tul affordabbli ta’ kwalità tajba, b’mod partikolari għal servizzi ta’ kura fid-djar u bbażati fil-komunità.

19. Akkomodazzjoni u għajnuna għall-persuni mingħajr dar

Għandu jiġi provdut aċċess għall- akkomodazzjoni soċjali jew għajnuna għall-akkomodazzjoni ta’ kwalità tajba għal dawk fil-bżonn.

Persuni vulnerabbli għandhom id-dritt għal għajnuna u protezzjoni xierqa kontra t-tkeċċija sfurzata.

Għandhom jiġu provduti kenn u servizzi adegwati lill-persuni mingħajr dar sabiex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali tagħhom.

20. Aċċess għas-servizzi essenzjali

Kulħadd għandu d-dritt li jkollu aċċess għal servizzi essenzjali ta’ kwalità tajba, inklużi l-ilma, is-sanitazzjoni, l-enerġija, it-trasport, is-servizzi finanzjarji u l-komunikazzjonijiet diġitali. Għandu jkun disponibbli appoġġ għall-aċċess għal dawn is-servizzi għal dawk fil-bżonn.