Oqsma ta' politika

  • Il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ negozju u impjiegi

    Il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ negozju u impjiegi

    L-UE timmira li tnaqqas jew tneħħi l-ostakoli għall-kummerċ lejn pajjiżi u reġjuni oħrajn, li jfisser tfaddil kbir għall-konsumaturi u l-kumpaniji Ewropej. Il-ftehimiet kummerċjali jgħinu speċjalment kumpaniji iżgħar Ewropej li jħabbtu wiċċhom ma’ regoli kkumplikati meta jkunu jridu jesportaw. Impjieg minn kull sebgħa fl-Ewropa huwa appoġġat minn esportazzjonijiet lejn pajjiżi oħrajn madwar id-dinja.

  • Il-kummerċ miftuħ irid ikun ġust

    Il-kummerċ miftuħ irid ikun ġust

    Filwaqt li n-negozji u ċ-ċittadini Ewropej jibbenefikaw mill-globalizzazzjoni, il-kummerċ miftuħ irid ukoll ikun ġust. L-impjiegi Ewropej f’industriji bħall-azzar jew il-bini ta’ bastimenti intlaqtu minn kompetizzjoni inġusta minn importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, sussidji pubbliċi u kapaċità żejda f’xi pajjiżi terzi. L-UE tuża strumenti biex tipproteġi l-industriji u l-impjiegi Ewropej kontra l-kummerċ inġust. Barra minn hekk, il-Kummissjoni temmen li l-UE teħtieġ li tivvaluta regolarment jekk għandhiex l-għodod kollha biex tirrispondi għall-isfidi tax-xenarju tal-globalizzazzjoni li qed jinbidel. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex issaħħaħ u tmexxi ‘l quddiem id-dibattitu dwar kif titkabbar ir-reċiproċità fl-oqsma tal-akkwist pubbliku u tal-investiment.

  • L-isfruttar għaqli tal-globalizzazzjoni f’konformità mal-valuri tagħna

    L-UE qed tkompli tiżviluppa aġenda tal-kummerċ progressiv u tal-investiment bilanċjata u bbażata fuq ir-regoli. Dan ma jiftaħx biss swieq flimkien mas-sħab kummerċjali tagħna iżda jkabbar ukoll l-influwenza globali tal-UE fuq kwistjonijiet bħad-drittijiet tal-bniedem, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni ambjentali.

Sfond

It-titolu ta’ din il-prijorità (Politika kummerċjali bilanċjata u progressiva għall-isfruttar għaqli tal-globalizzazzjoni) ġie aġġornat u sar ġeografikament newtrali bil-ħsieb tat-tnaqqis tat-taħdidiet kummerċjali mal-Istati Uniti, il-kuntest politiku ġdid, u d-dinamiżmu ġdid f’taħdidiet kummerċjali ma’ reġjuni importanti oħrajn tad-dinja. Il-Kummissjoni rriflettiet din ir-realtà billi bidlet l-isem tal-Grupp tagħha ta’ Kummissarji dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment mal-Istati Uniti għall-Grupp ta’ Kummissarji dwar il-Kummerċ u l-Isfruttar għaqli tal-Globalizzazzjoni.

Il-politika kummerċjali tagħti lill-UE l-opportunità biex issawwar il-globalizzazzjoni skont il-valuri u l-interessi Ewropej.

Il-Kummissjoni qed tagħmel dan billi tħares il-ħidma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u permezz ta’ negozjati mas-sħab globali. L-UE laħqet ftehim politiku mal-Ġappun, u dalwaqt tagħmel il-ftehim UE-Kanada effettiv. Il-Kummissjoni tkompli tinnegozja ma’ ħafna sħab, l-aktar mal-Messiku u mal-pajjiżi Mercosur (l-Arġentina, il-Brażil, il-Paragwaj u l-Urugwaj).

Politika kummerċjali tajba tfisser ukoll li tkun trasparenti u inklużiva. L-istrateġija “Kummerċ għal Kulħadd” tfisser li n-negozjati kummerċjali issa huma l-iktar miftuħa li qatt kienu.

Il-Parlament Ewropew u l-gvernijiet tal-UE huma involuti mill-qrib fin-negozjati kollha. In-negozji, il-gruppi ambjentali, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jiġu kkonsultati u huma involuti kif imiss.

L-UE qed iżżomm ukoll ir-relazzjoni kummerċjali pożittiva li għandna mal-Istati Uniti. Iż-żewġ naħat qablu li jaħdmu fuq pjan ta’ azzjoni konġunta dwar il-kummerċ għal dik li għandha tkun aġenda kummerċjali transatlantika ambizzjuża.

Objectives
  • Tittejjeb l-influwenza tal-UE fid-dinja - billi jiġi attirat iktar investiment, jiġu stabbiliti standards għoljin fil-kummerċ globali, u jiġu protetti l-valuri tagħna.
  • Jinħolqu impjiegi u tkabbir mingħajr ma’ jintużaw flus pubbliċi
  • Jiġu megħjuna ditti tal-UE - b’mod partikolari n-negozji żgħar - biex jikkompetu barra minn pajjiżhom
  • Tiġi offruta varjetà wiesgħa ta’ oġġetti u servizzi
  • Tiġi modernizzata l-protezzjoni tal-investiment biex issir iktar ġusta, trasparenti u objettiva
  • Jiġi żgurat li l-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli jmorru id f’id

Atti