Azzjoni Klimatika

Strateġija fit-tul għall-2050

Politika

L-UE għandha l-għan li tkun newtrali għall-klima sal-2050 – ekonomija b’emissjonijiet ta' gassijiet serra żero netti. Dan l-għan jinsab fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u hu skont l-impenn tal-UE għal azzjoni klimatika globali skont il-Ftehim ta’ Pariġi.

It-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali għall-klima hija kemm sfida urġenti kif ukoll opportunità biex jinbena futur aħjar għal kulħadd.

Il-partijiet tas-soċjetà u s-setturi ekonomiċi kollha se jkollhom rwol – mis-settur tal-enerġija għall-industrija, il-mobbiltà, il-bini, l-agrikoltura u l-forestrija.

L-UE tista’ tmexxi billi tinvesti f’soluzzjonijiet teknoloġiċi realistiċi, tagħti s-setgħa liċ-ċittadini tagħha u tallinja l-azzjonijiet tagħha f’oqsma ewlenin bħall-politika industrijali, il-finanzi u r-riċerka, filwaqt li tiżgura l-ġustizzja soċjali sabiex il-bidla tkun waħda ġusta.

Il-viżjoni tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni stabbiliet il-viżjoni tagħha għal UE newtrali għall-klima f’Novembru 2018, u qed tħares lejn is-setturi ewlenin kollha u tesplora mogħdijiet għat-tranżizzjoni.

Il-viżjoni tal-Kummissjoni tkopri kważi l-politiki kollha tal-UE u hija skont l-objettiv tal-Ftehim ta’ Pariġi li ż-żieda fit-temperatura globali tinżamm sew taħt iż-2°C u biex jitkomplew l-isforzi biex tinżamm għal 1.5°C.

Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni fl-2020 se tipproponi l-ewwel Liġi Ewropea dwar il-Klima biex il-mira tal-2050 tan-newtralità għall-klima titnaqqax fil-liġi.

L-istrateġija tal-UE

Il-Partijiet kollha tal-Ftehim ta’ Pariġi mistiedna jikkomunikaw l-istrateġiji tagħhom tal-iżvilupp fit-tul u ta’ nofs is-seklu dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, sal-2020.

Il-Parlament Ewropew approva l-objettiv ta’ emissjonijiet ta' gassijiet serra żero netti fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar it-tibdil fil-klima f’Marzu 2019 u r-riżoluzzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew f’Jannar 2020.

F’Diċembru 2019, il-Kunsill Ewropew approva l-objettiv li l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi.

Il-mexxejja tal-UE stiednu wkoll lill-Kummissjoni biex tħejji proposta għal strateġija fit-tul tal-UE kemm jista’ jkun kmieni fl-2020, bil-ħsieb li din tiġi adottata mill-Kunsill u tiġi ppreżentata lill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC).

L-istrateġiji nazzjonali

L-Istati Membri tal-UE huma meħtieġa jiżviluppaw strateġiji nazzjonali fit-tul dwar kif qed jippjanaw li jiksbu t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra meħtieġ biex jissodisfaw l-impenji tagħhom skont il-Ftehim ta’ Pariġi u l-objettivi tal-UE.

Input mill-partijiet ikkonċernati

  • Fl-10-11 ta’ Lulju 2018 sar avveniment tal-partijiet ikkonċernati li ġabar flimkien lill-partijiet ikkonċernati min-negozji, ir-riċerka u s-soċjetà ċivili għal diskussjoni dwar l-istrateġija li jmiss.
  • Il-konsultazzjoni pubblika mis-17 ta’ Lulju sad-9 ta’ Ottubru 2018 irċeviet aktar minn 2800 tweġiba.
  • Il-viżjoni tal-Kummissjoni nediet riflessjoni fl-UE kollha dwar l-istrateġija tal-UE, li tinvolvi l-istituzzjonijiet tal-UE, il-parlamenti nazzjonali, is-settur tan-negozju, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-ibliet, il-komunitajiet u ċ-ċittadini fl-Ewropa.

Dokumenti ewlenin

Dokumentazzjoni

2018 - Viżjoni għal strateġija fit-tul tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra

2011 - Pjan direzzjonali għal Ewropa kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju

Fl-2011, il-Kummissjoni Ewropea ressqet pjan direzzjonali għal Ewropa kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2050. Il-pjan direzzjonali ppreżenta azzjoni possibbli sal-2050 li tista’ tippermetti lill-UE twettaq tnaqqis ta’ gassijiet serra f’konformità mal-mira ta’ 80–95% maqbula internazzjonalment fil-kuntest tat-tnaqqis meħtieġ mill-pajjiżi żviluppati bħala grupp. Il-pjan direzzjonali ddeskriva l-istadji lejn il-miri, l-isfidi ta’ politika, il-ħtiġijiet ta’ investiment u l-opportunitajiet f’setturi differenti.

Dokumenti prinċipali:

  • 04/2012 - Għażliet ta’ Mitigazzjoni fl-Imġiba għal Bidla Klimatika u l-Inklużjoni Xierqa Tagħhom fix-Xenarji Kwantitattivi ta’ Politika ta’ Terminu Aktar fil-Tul