Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi

Ilmenti dwar l-investigazzjonijiet tal-OLAF

Ilmenti dwar l-investigazzjonijiet tal-OLAF

Kull persuna affettwata minn investigazzjoni tal-OLAF tista’ tindirizza lment direttament lill-OLAF. OLAF se jiżgura li l-ilmenti kollha huma ttrattati minnufih, u b'mod ġust u diliġenti. Il-proċedura tal-OLAF fir-rigward ta' lmenti bħal dawn hija elenkata fil-Parti A hawn taħt.

Barra minn hekk, kull persuna bħal din tista’ tindirizza l-ilment tagħha lil istituzzjonijiet jew entitajiet, indipendenti u esterni għall-OLAF, kif stipulat fil-Parti B hawn taħt.

A. Ilmenti indirizzati lill-OLAF

L-ilmenti kollha f’konnessjoni ma’ investigazzjonijiet tal-OLAF għandhom jiġu indirizzati lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF; huma trattati b’dan il-mod:

1.    Ilmenti li jikkonċernaw garanziji proċedurali fil-kuntest tal-investigazzjonijiet

1.1 L-ilmenti kollha li waslu mingħand persuni involuti f’investigazzjonijiet, dwar it-trattament tal-garanziji proċedurali tagħhom mill-OLAF skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2013, se jiġu mmaniġġjati mill-Unità tal-Pariri Legali.

1.2 L-Unità tal-Pariri Legali se jkollha aċċess sħiħ għall-informazzjoni rilevanti kollha u se tingħata kull għajnuna meħtieġa mid-Direttorat investigattiv responsabbli. L-Unità tal-Pariri Legali se tanalizza l-ilment u tikkonsulta lill-Konsulent tad-Direttur investigattiv responsabbli.  L-Unità tal-Pariri Legali se tirrapporta s-sejbiet tagħha lid-Direttur Ġenerali.

1.3 Id-Direttur-Ġenerali se jieħu azzjoni adegwata fir-rigward ta’ nuqqas mill-OLAF li jirrispetta l-garanziji proċedurali matul investigazzjoni.

1.4 Id-Direttur-Ġenerali se jwieġeb għall-ilment fi żmien xahrejn mid-data tar-reġistrazzjoni tal-ilment, sakemm ma jkunx ġustifikat perjodu itwal minħabba l-kumplessità tal-kwistjoni.

1.5 Din il-proċedura tal-ilment ma tapplikax għal investigazzjonijiet li ġew magħluqa u trasferiti lill-awtoritajiet kompetenti.
 

2.    Ilmenti skont l-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal  

2.1 Uffiċjali u persunal ieħor tal-UE jistgħu jilmentaw mal-OLAF skont l-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal kontra kwalunkwe att li jaffettwahom ħażin b’konnessjoni ma’ investigazzjonijiet tal-OLAF. Kwalunkwe lment bħal dan se jiġi mmaniġġjat mill-Unità tal-Pariri Legali. (https://myintracomm.ec.europa.eu/hr_admin/en/staff-regulations/officials/Pages/title-7.aspx)

2.2 Il-trażmissjoni ta’ Rapport Finali bir-rakkomandazzjonijiet jew mingħajrhom ma tikkostitwixxix att li jaffettwa persuna b'mod ħażin fit-tifsira tar-Regolamenti tal-Persunal u għalhekk mhix direttament kontestabbli.

2.3 L-Unità tal-Pariri Legali se tanalizza l-ilment u tikkonsulta lill-Konsulent tad-Direttur investigattiv responsabbli.  L-Unità tal-Pariri Legali se tirrapporta s-sejbiet tagħha lid-Direttur Ġenerali.

2.4 Id-Direttur Ġenerali se jieħu azzjoni adegwata fir-rigward ta’ kwalunkwe ħsara mġarrba u jinnotifika lil min qiegħed jilmenta fi żmien erba’ xhur mid-data tar-reġistrazzjoni tal-ilment.

2.5 Jekk fl-aħħar ta’ dak il-perjodu l-OLAF ma jkunx ta risposta, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala deċiżjoni impliċita li jirrifjuta l-ilment u li kontriha jista’ jsir appell skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

3.    Ilmenti li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-dejta

3.1 L-Unità tal-Pariri Legali se tanalizza l-oġġezzjonijiet minn suġġetti tad-dejta dwar l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom skont l- Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, indirizzat lill-OLAF bħala Kontrollur. L-Unità tal-Pariri Legali, wara li tikkonsulta lill-Konsulent tad-Direttur investigattiv responsabbli u lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD), se tipprepara abbozz ta’ tweġiba lis-suġġett tad-dejta.

3.2 Id-Direttur-Ġenerali se jwieġeb għall-ilment fi żmien xahrejn mid-data tar-reġistrazzjoni tal-ilment, sakemm ma jkunx ġustifikat perjodu itwal minħabba l-kumplessità tal-kwistjoni.

4.    Ilmenti li jikkonċernaw l-aċċess pubbliku għal dokumenti jew fajls skont ir-Regolament 1049/2001

4.1 Persuna involuta f’investigazzjoni ma għandha l-ebda dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-każ. Ilment magħmul minn persuna bħal din dwar it-trattament tal-fajl tal-każ jista' jiġi ttrattat skont il-punt 1 hawn fuq dwar garanziji proċedurali.

4.2 Talbiet għal aċċess pubbliku għal dokumenti jew fajls, skont ir-Regolament 1049/2001, se jiġu mmaniġġjati mill-Unità tal-Pariri Legali kif ġej.

4.3 L-Unità tal-Pariri Legali se tanalizza t-talba u, wara li tikkonsulta lill-konsulent tal-Direttur investigattiv responsabbli, se tipprepara abbozz ta’ tweġiba lill-applikant.

4.4 Id-Direttur responsabbli (jew il-Kap tal-Unita tal-Għażla u r-Rieżaminazzjoni tal-Investigazzjoni) se jirrispondi fi żmien 15-il jum ta' xogħol mid-data tar-reġistrazzjoni tat-talba.

4.5 L-Artikolu 7(2) tar-Regolament 1049/2001 jipprevedi l-possibbiltà li, fil-każ li l-OLAF totalment jew parzjalment jirrifjuta applikazzjoni għall-aċċess għal dokument, applikant, fi żmien 15-il jum ta’ xogħol minn meta jirċievi t-tweġiba tal-OLAF, jagħmel talba konfermatorja fejn jitlob lill-OLAF biex jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu (http://ec.europa.eu/transparency/access_documents/index_en.htm).

4.6 It-talbiet konfermatorji se jiġu mmaniġġjati mill-Unita tal-Pariri Legali b’konsultazzjoni mas-Servizz Legali tal-Kummissjoni. L-Unità tal-Pariri Legali se tipprepara abbozz ta’ tweġiba lill-applikant.

4.7 Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF jew is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni se jwieġeb fi żmien 15-il jum ta' xogħol mid-data tar-reġistrazzjoni tat-talba konfermatorja.

4.8 Id-dati ta' skadenza jistgħu jiġu estiżi bi 15-il jum ta' xogħol jekk meħtieġ.

B. Ilmenti indirizzati lil istituzzjonijiet jew entitajiet esterni u indipendenti

L-ilmentaturi jistgħu jindirizzaw l-ilmenti tagħhom dwar azzjonijiet meħuda minn OLAF ukoll, fost oħrajn, lill-istituzzjonijiet jew l-entitajiet esterni għall-OLAF li ġejjin:

5.1 L-Ombudsman Ewropew huwa responsabbli għall-investigazzjoni ta’ lmenti dwar amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-Unjoni Ewropea (http://www.ombudsman.europa.eu). Fejn l-OLAF jonqos milli jirrispetta d-drittijiet fundamentali, ir-regoli legali jew il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, kwalunkwe persuna fiżika jew legali li jkollha r-residenza tagħha fl-UE tista' tressaq ilment għand l-Ombudsman Ewropew.

5.2 Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (KEPD) huwa awtorità indipendenti responsabbli għall-protezzjoni tad-dejta personali u tal-privatezza. L-individwi li jqisu li d-drittijiet tagħhom rigward il-protezzjoni tad-dejta (skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001) inkisru minn OLAF huma intitolati li jressqu lment lill-KEDP jew mal-UPD tal-OLAF. (https://secure.edps.europa.eu/EDPSWEB/edps/EDPS?lang=en)

5.3 Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija responsabbli għar-rieżaminazzjoni, inkluż skont proċeduri interim u/jew imħaffa, tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-attivitajiet investigattivi tal-OLAF (http://curia.europa.eu).

5.4 Il-qrati nazzjonali jistgħu jiġu indirizzati fil-kuntest ta’ proċedimenti ġudizzjarji mibdija wara l-investigazzjonijiet tal-OLAF.