Skip to main content
European Anti-Fraud Office
Irrapporta frodi

X’inhi l-missjoni tal-OLAF

Il-baġit tal-Unjoni Ewropea jiffinanzja għadd kbir ta' programmi u proġetti li jtejbu l-ħajja taċ-ċittadini fl-UE kollha u lil hinn minnha. L-użu ħażin tal-fondi mogħtija mill-baġit tal-Unjoni jew l-evażjoni tat-taxxa, id-dazji u l-imposti, li jiffinanzjaw il-baġit tal-Unjoni jolqtu b'mod dirett liċ-ċittadini Ewropej u jippreġudikaw il-proġett Ewropew kollu.

L-OLAF iwettaq il-missjoni tiegħu billi:

  • iwettaq investigazzjonijiet indipendenti dwar il-frodi u l-korruzzjoni li jinvolvu l-fondi tal-UE sabiex jiżgura li l-flus tal-kontribwenti fl-UE jilħqu proġetti li jistgħu joħolqu impjiegi u tkabbir fl-Ewropa;
  • jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE billi jinvestiga kondotta ħażina serja mill-persunal tal-UE u Membri tal-istituzzjonijiet tal-UE;
  • jiżviluppa politika soda tal-UE kontra l-frodi.

X’jista’ jinvestiga l-OLAF

L-OLAF jista’ jinvestiga kwistjonijiet relatati ma’ frodi, korruzzjoni u reati oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE dwar:

  • in-nefqa kollha tal-UE: il-kategoriji prinċipali ta’ nfiq huma l-Fondi Strutturali, il-fondi tal-politika agrikola u l-iżvilupp rurali, in-nefqa diretta u l-għajnuna esterna;
  • xi oqsma ta’ dħul tal-UE, prinċipalment id-dazji doganali;
  • suspetti ta’ kondotta ħażina serja mill-persunal tal-UE u membri tal-istituzzjonijiet tal-UE.

Iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ investigazzjoni tal-OLAF

L-OLAF jirċievi informazzjoni dwar każijiet ta' frodi jew irregolaritajiet possibbli, minn medda wiesgħa ta' sorsi. F'ħafna mill-każijiet, din l-informazzjoni hija r-riżultat tal-kontrolli magħmula minn dawk li huma responsabbli mill-amministrazzjoni tal-fondi tal-UE fi ħdan l-Istituzzjonijiet Ewropej jew fl-Istati Membri.

Kull allegazzjoni li jirċievi l-OLAF tgħaddi minn valutazzjoni inizjali sabiex jiġi determinat jekk l-allegazzjoni taqax taħt il-mandat tal-Uffiċċju u jekk tilħaqx il-kriterji sabiex titnieda investigazjoni.

L-investigazzjonijiet jistgħu jinvolvu intervisti u spezzjonijiet ta’ bini u huma kklassifikati taħt waħda mit-tliet kategoriji li ġejjin:

  • Investigazzjonijiet interni: L-investigazzjonijiet interni huma investigazzjonijiet amministrattivi fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-Unjoni Ewropea bl-għan li jinkixfu l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej; inklużi kwistjonijiet serji li għandhom x'jaqsmu mal-qadi ta' dmirijiet professjonali.
  • Investigazzjonijiet esterni: L-investigazzjonijiet esterni huma investigazzjonijiet barra mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea bil-għan li jikxfu frodi jew kondotta irregolari oħra minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Il-każijiet jiġu kklassifikati bħala investigazzjonijiet esterni meta l-OLAF jipprovdi l-biċċa l-kbira tal-kontribut investigattiv.
  • Każijiet ta' koordinazzjoni: L-OLAF jikkontribwixxi għall-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali jew dipartimenti oħra tal-Komunità billi jiffaċilita l-ġbir u l-iskambju ta' informazzjoni u kuntatti.

Wara li tiġi konkluża investigazzjoni, l-Uffiċċju jirrakkomanda azzjoni lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-gvernijiet nazzjonali kkonċernati: dan normalment jinkludi t-tnedija ta’ investigazzjonijiet kriminali, irkupri finanzjarji jew miżuri dixxiplinari oħra. Imbagħad dan jimmonitorja wkoll kif dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma implimentati. 

Linji gwida dwar il-Proċeduri ta’ Investigazzjoni għall-Persunal tal-OLAF
Pjan ta' ġestjoni 2021 
Pjan strateġiku 2020-2024