Agrikoltura u Żvilupp Rurali

Konsultazzjoni dwar il-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-politika agrikola komuni (PAK)

Konsultazzjoni dwar il-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-politika agrikola komuni (PAK)

Konsultazzjonijiet
Konsultazzjoni dwar il-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-politika agrikola komuni (PAK)

Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-UE ġiet żviluppata fil-bidu tas-snin sittin biex l-objettivi definiti fit-Trattat ta’ Ruma (1957) jinqalbu f'termini ta’ politika, u sussegwentement fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Bħall-politiki jew il-programmi l-oħrajn kollha tal-UE, il-PAK hija wkoll suġġetta għal dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat biex tiżgura koerenza mal-objettivi globali tal-Unjoni.

L-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (dak li kien l-Artikolu 33 TKE) jispeċifika li l-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni għandhom ikunu:

(a) li tkabbar il-produzzjoni agrikola billi tippromwovi progress tekniku u billi tassigura l-iżvilupp razzjonali ta’ produzzjoni agrikola u l-aħjar utilizzazzjoni possibbli tal-fatturi ta’ produzzjoni, speċjalment tan-nies tax-xogħol

(b) li tassigura b’dan il-mod livell ġust ta’ għajxien għall-popolazzjoni agrikola, partikolarment billi jkabbar il-qligħ individwali tal-ħaddiema fl-agrikoltura

(c) li tagħmel is-swieq stabbli

(d) li tiggarantixxi d-disponibilita' tal-provvisti

(e) li tassigura prezzijiet raġonevoli fil-konsenja tal-prodotti lill-konsumatur
 

Il-PAK għaddiet minn diversi fażijiet ta’ riformi, bl-aħħar riformi deċiżi fl-2013 u implimentati fl-2015. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-kuntest li fih saret din ir-riforma nbidel b’mod sinifikanti. B'mod partikolari:

  • Il-prezzijiet agrikoli naqsu b’mod sostanzjali u l-inċertezza tas-suq żdiedet, u dan minħabba, fost l-oħrajn, il-fatturi makroekonomiċi u tensjonijiet ġeopolitiċi, li jinibixxu pjanar ċar tas-settur fit-tul
  • L-enfasi tan-negozjati dwar il-kummerċ imxiet b'mod aktar viżibbli minn metodu multilaterali għal ftehimiet bilaterali. Dan ħtieġ bilanċ għaqli tal-interessi offensivi u dawk difensivi, b’attenzjoni partikolari għal ċerti setturi sensittivi
  • L-UE saret firmatarja għal impenji internazzjonali ġodda, speċjalment dawk li jikkonċernaw it-tibdil fil-klima (permezz tal-21 Konferenza tal-Partijiet COP 21) u aspetti mifruxa ta’ żvilupp sostenibbli (permezz tal-Patt Globali tan-NU – SDGs), u hi wkoll esposta għal żviluppi ġeopolitiċi ġodda oħra ta’ migrazzjoni fuq skala kbira
     

Dan kollu wassal għal dibattitu pubbliku vigoruż dwar jekk ir-riforma tal-2013 kinitx biżżejjed biex jintlaħqu l-isfidi usa’ relatati mal-bilanċ ta’ appoġġ, il-prospetti ekonomiċi għall-agrikoltura u ż-żoni rurali, il-ħarsien tal-ambjent (eż. l-ekoloġizzazzjoni), l-azzjoni fuq it-tibdil fil-klima u l-produzzjoni sana u sostenibbli tal-ikel. L-opportunitajiet emerġenti f’oqsma bħas-saħħa, il-kummerċ, il-bijoekonomija, l-ekonomija ċirkolari u l-ekonomija diġitali jeħtieġu wkoll li jiġu kkunsidrati aktar.
 

F’dan l-isfond, bħala parti mill-programm ta’ ħidma tagħha għall-2017, il-Kummissjoni se tmexxi 'l quddiem il-ħidma u tikkonsulta fil-beraħ dwar is-simplifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-PAK biex timmassimizza l-kontribut tagħha għall-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Dan se jiffoka fuq prijoritajiet speċifiċi ta’ politika għall-futur, u jikkunsidra l-opinjoni tal-Pjattaforma REFIT u mingħajr preġudizzju għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss. Il-punt tat-tluq se jservi ta’ bażi soda għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-politika attwali.
 

Filwaqt li l-futur tal-PAK hu diġà diskuss f’diversi okkażjonijiet, il-proċess se jkun jinkludi konsultazzjoni wiesgħa u valutazzjoni tal-impatt. L-għan huwa li niġbru fil-qosor l-evidenza disponibbli dwar il-prestazzjoni tal-PAK s’issa, nitgħallmu mill-implimentazzjoni tal-aħħar riforma li seħħet, ikollna djalogu strutturat, nikkonfermaw x'inhuma d-diffikultajiet attwali, u nantiċipaw il-ħtiġijiet għall-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-PAK.
 

Dan il-kwestjonarju huwa parti minn dan il-proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa u se jikkontribwixxi għall-valutazzjoni tal-impatt. Ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ se jiġu ppubblikati f’din il-paġna web u kkomunikati f’konferenza pubblika f’Lulju 2017.