Mogħdija tan-navigazzjoni

 

X'inhu l-IPM (Tfassil ta’ Politika Interattiva)?

 

L-għan ta' l-inizzjattiva tat-Tfassil ta’ Politika Interattiva (jew Interactive Policy Making (IPM)) hu li jintużaw it-teknoloġiji moderni, partikolarment l-internet, biex jippermettu kemm lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri kif ukoll l-istituzzjonijiet tal-UE jifhmu aħjar il-ħtiġijiet taċ-ċittadini u tal-intrapriżi. Hija maħsuba sabiex tgħin l-iżvilupp tal-politika billi tippermetti respons aktar malajr u preċiż fejn jidħlu kwistjonijiet u problemi emerġenti. Dan għandu jtejjeb l-evalwazzjoni tal-impatt tal-politiki (jew in-nuqqas tagħhom) u jipprovdi responsabbiltà akbar lejn iċ-ċittadini.

Din is-sistema daħlet fis-seħħ biex tiffaċilita il-proċess ta' konsultazzjoni tal-partijiet kollha interessati bl-użu ta' kwestjonarji onlajn li jkun faċli u diretti. B'hekk hija eħfef kemm għar-rispondenti biex jipparteċipaw kif ukoll għal dawk li jfasslu l-politika biex janalizzaw ir-riżultati. 

L-IPM hija ffinanzjata mill-programm ISA (Soluzzjonijiet ta’ Interoperabbiltà għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej), li ġie implimentat biex itejjeb il-kooperazzjoni elettronika fost l-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri tal-UE. 

Imniedi fl-2001, l-IPM ippermetta t-tnedija b'suċċess ta' 'l fuq minn 370 konsultazzjoni pubblika disponibbli fuq il-portal web Leħnek fl-Ewropa", li huwa l-punt waħdieni tal-aċċess għall-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea.

L-IPM iservi wkoll għall-komunikazzjoni interna u għall-ġestjoni tal-istaff, peress li jsir stħarriġ intern regolari fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea. Hu użat mis-servizzi tal-Kummissjoni sabiex tħejji avvenimenti u konferenzi (reġistrazzjoni, eċċ), biex tniedi stħarriġ mal-utenti tas-siti web, eċċ.

 

Is-Softwer tal-IPM

L-IPM (Tfassil ta’ Politika Interattiva) huwa sistema għall-ġestjoni tal-kwestjonarji onlajn żviluppati minn DIGIT (id-Direttorat għall-Informatika tal-Kummissjoni). Is-softwer huwa bbażat fuq l-web u m'għandux bżonn xi installazzjoni speċifika min-naħa tal-klijent. Brawzer tal-Internet normali u konnessjoni tal-Internet huma l-uniċi affarijiet li wieħed għandu bzonn biex juza l-IPM.

Is-softwer tal-IPM huwa magħmul minn moduli differenti immirati għall-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-kwestjonarji onlajn: il-ħolqien, l-ittestjar, it-traduzzjoni, it-tnedija u l-analiżi tar-riżultati. L-IPM taċċetta tipi diversi ta’ mistoqsijiet kif ukoll oqsma ta’ test liberu. Ir-riżultati jintwerew bħala istogrammi, persentaġġi jew dettaljati bi sħiħ u jistgħu jiġu esportati għal fuq Excel. Hu disponibbli bi 22 lingwa. Barra minn hekk, kull kwestjonarju jista' jiġi tradott fi kwalunkwe wieħed mill-ilsna uffiċjali tal-UE.

  • Ħolqien: Il-"maniġer tal-formola" jiddefinixxi l-proprjetajiet tal-kwestjonarju onlajn tiegħu u jiddisinja l-istruttura f'sezzjonijiet u mistoqsijiet, jistabbilixxi t-tipi ta' mistoqsijiet (radio buttons, check boxes, drop-down lists, free text boxes, eċċ.) u d-dipendenzi bejn il-mistoqsijiet.
  • Test: Il-kwestjonarju jista jiġi ttestjat fuq kampjun ta' utenti qabel il-pubblikazzjoni.
  • Traduzzjoni: Jiġi estratt fajl Excel jew XML mill-IPM. Il-proċess tat-traduzzjoni jsir offlajn. Malli jkunu lesti, l-fajls ta' traduzzjoni jittellgħu fl-IPM.
  • Produzzjoni: il-kwestjonarju jiġi mniedi u l-indirizz URL tal-kwestjonarju jintbagħat lin-nies li potenzjalment jistgħu jwieġbu. L-aċċess għall-kwestjonarju jkun dirett jew ristrett bil-username u l-password.
  • Analiżi tar-riżultati: Il-"form maniġer" jista' jara r-riżultati f'ħin reali. Ir-riżultati mhux proċessati, il-persentaġġi u l-istogrammi huma disponibbli; hemm ukoll mekkaniżmu ta' filtraġġ li jippermetti l-ħolqien ta' riżultati mqassma aktar fid-dettall, u d-dejta tista' tiġi esportata lejn l-Excel għal aktar analiżi.

 

Is-Sors Miftuħ tal-IPM

L-amministrazzjonijiet pubbliċi, negozji u ċittadini tal-Istati Membri tal-UE jistgħu jnizzlu Softwer ta' Sors Miftuħ tal-IPM, li ġie żviluppat mid-Direttorat Ġenerali għall-Informatika tal-Kummissjoni skont il-programm ISA (interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej). Huwa offrut b’xejn permezz tal-EUPL (Liċenzja Pubblika tal-Unjoni Ewropea).  

Għal tagħrif dwar l-IPM u s-Softwer ta' Sors Miftuħ, jekk jogħġbok ikkonsulta l-paġni tal-IPM fuq Joinup. 

 

Persuni ta’ kuntatt

Jekk għandek xi mistoqsija dwar l-IPM, jew iltqajt ma' xi problema waqt li kont qed tuża l-IPM jew waqt li kont qed twieġeb li kwestjonarju onlajn tal-IPM, nitolbuk tiktbilna fuq:

DIGIT-IPM-SUPPORT@ec.europa.eu

Għal aktar tagħrif dwar is-Softwer ta' Sors Miftuħ tal-IPM, jekk jogħġbok ikkuntattjana fuq:

DIGIT-IPM-OSS@ec.europa.eu

 

L-aħħar aġġornament: 09/01/2012 | Fuq