Mistoqsijiet Frekwenti

Kif jista’ jgħini l-Bord bi Prova dwar in-Negozju Ewropew (EBTP)?

Bil-kontribuzzjoni tiegħek, il-konsultazzjonijiet tal-EBTP jtejbu l-kwalità ġenerali tal-leġiżlazzjoni u jinħoloq ambjent tan-negozju aħjar.

Meta l-Kummissjoni tabbozza politiki u liġijiet ġodda, ikollha bżonn tidentifika liema huma l-kwistjonijiet importanti għan-negozju.

Il-kontriubzzjonijiet tiegħek għall-konsultazzjonijiet tal-EBTP jgħinu lill-Kummissjoni biex ikollha stampa iktar ċara ta’ kif il-leġiżlazzjoni se taffettwa n-negozju tiegħek.

U ladarba l-politika tidħol fis-seħħ, tista’ tagħtina r-rispons tiegħek dwar x’ġara fil-fatt, billi tinkludi wkoll kwalunkwe impatti mhux mistennija.

Kwalunkwe negozju jista’ jingħaqad mal-EBTP?

Iva, jekk hu bbażat fl-Unjoni Ewropea (jew fin-Norveġja jew fl-Iżlanda).

Kif nista’ nissieħeb fl-EBTP?

Biex tirreġistra bħala membru, ikkuntattja lill-koordinatur nazzjonali tiegħek u pprovdi xi informazzjoni bażika dwar in-negozju tiegħek lill-Kummissjoni billi timla formola ta’ reġistrazzjoni.

Din l-informazzjoni tiġi trattata bl-akbar kunfidenzjalità.

X’jiġri meta nirreġistra l-kumpanija tiegħi bħala membru tal-EBTP?

Id-dettalji ta’ kuntatt tiegħek jinħażnu fil-bażi tad-dejta tal-EPTB u jiġu vverifikati mill-koordinatur nazzjonali tiegħek, li jista’ jagħmillek xi mistoqsijiet oħra.

Ladarba s-sħubija tiegħek tiġi approvata, tiġi notifikat b’email u tiġi mistieden tipparteċipa fil-konsultazzjoni tal-EBTP li jmiss. F’dan l-email issib il-user name u l-password tiegħek.

Kemm ikun hemm konsultazzjonijiet f’sena?

Madwar 6 – 8 fis-sena, dwar firxa ta’ suġġetti relatati mal-attivitajiet ta’ negozju ta’ kuljum.

Kemm jeħodli ħin biex inwieġeb konsultazzjoni?

Madwar kwarta - kull konsultazzjoni hi kwestjonarju qasir onlajn.

Kemm għandi żmien biex nirrispondi?

Ġeneralment 4 ġimgħat.

L-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-industrija u n-negozju jistgħu jirreġistraw ukoll mal-EBTP?

LE – l-EBTP hu miftuħ biss għal kumpaniji individwali. Madankollu, jekk int rappreżentant tan-negozju jew assoċjazzjoni tan-negozju, tista’ tinforma lill-kumpaniji li tirrappreżenta dwar l-EBTP, biex b’hekk jissieħbu.

Meta tispiċċa s-sħubija mal-EBTP?

Tista’ tkun membru tal-EBTP għaż-żmien kollu li trid. Biex toħroġ mill-EBTP ibgħat email lill-koordinatur nazzjonali tiegħek biex ineħħik mill-bord.

X’tip ta’ informazzjoni għandi nipprovdi meta nirreġistra l-kumpanija tiegħi?

B’mod speċjali:

  • il-qasam ewlieni tan-negozju tiegħek (settur ekonomiku)
  • l-għadd ta’ impjegati
  • jekk timportax jew tesportax prodotti/servizzi bejn il-fruntieri fl-UE jew barra l-UE
  • id-dettalji ta’ kuntatt ta’ persuna fil-kumpanija tiegħek għand min għandhom jintbagħtu l-konsultazzjonijiet.

Din l-informazzjoni tintuża biex titraċċa r-rappreżentattività f’termini ta’ statistika tal-bord u teppermetti iktar analiżi dettaljata tar-riżultati. Biex taġġorna l-informazzjoni tiegħek, ikkuntattja lill-koordinatur nazzjonali tiegħek.

X’rispons nirċievi wara li nipparteċipa f’konsultazzjoni?

  • statistika - taqsira tat-tweġibiet kollha - ippubblikata fuq il-websajt tal-EBTP fi żmien ġimgħa wara li tagħlaq il-konsultazzjoni
  • rapport fil-qosor – 3 – 4 ġimgħat wara, bis-sejbiet ewlenin u iktar informazzjoni dwar l-implikazzjonijiet ta’ politika u segwitu fil-futur
  • newsletter – darbtejn fis-sena – ħarsa ġenerali tal-istatus kurrenti tal-konsultazzjonijiet reċenti u iktar dettalji dwar kif ir-riżultati tal-EBTP intużaw f’politiki ġodda
  • rispons informali – billi tikkuntattja l-koordinatur nazzjonali tiegħek.

Kif nista’ nara jekk il-kontribuzzjoni tiegħi għamlitx differenza fit-tfassil tal-politika tal-UE?

Il-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha biex tispjega kif ġew trattati l-konsultazzjonijiet tal-EBTP u turi x’sehem kellhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Ngħidu aħna, jiġi indikat b’mod ċar kull darba li r-riżultati tal-konsultazzjonijiet tal-EBTP jintużaw fit-tħejjija tar-rapporti u fil-proposti futuri ta’ politika.

Il-Kummissjoni tispjega wkoll kif ir-riżultati mill-konsultazzjonijiet tal-EBTP tqiesu fl-evalwazzjoni u t-tqabbil tal-għażliet ta’ politika differenti.

Dwar liema kwistjonijiet jiġu kkonsultati l-iktar il-kumpaniji?

Nikkonsultaw biss dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza diretta għan-negozji (firxa wiesgħa). Kull konsultazzjoni (madwar 6-8 fis-sena) hi dwar suġġett differenti.

S’issa, s-suġġetti kienu jinkludu kwistjonijiet finanzjarji (eż. id-disponibilità ta’ kreditu tal-banek għall-kumpaniji, pagamenti tard, pagamenti fiż-żona ewro, eċċ.), l-ambjent regolatorju (eż. ir-regoli tal-kontabilità u tal-verifika, il-piż amministrattiv għan-negozji, eċċ.), l-impjieg u l-liġi dwar ix-xogħol (eż. il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata, id-diversità u d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, eċċ.), it-tassazzjoni, il-liġijiet dwar l-ambjent, il-ħarsien tal-konsumatur, eċċ.

Irrid nieħu sehem f’kull konsultazzjoni?

LE, xejn affattu – tista’ twieġeb biss dawk li jikkonċernaw kwistjonijiet li jinteressawk.

L-aħħar aġġornament: 31/10/2010 | Fuq