KUMMISSJONI EWROPEA

Homepage

Drittijiet għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bix-xarabank u bil-kowċ

Ir-Regolament 181/2011 ġie ppubblikat fit-28 ta’ Frar 2011 u d-dispożizzjonijiet tiegħu ser japplikaw mill-1 ta’ Marzu 2013

Ir-Regolament japplika bis-sħiħ għas-servizzi għal distanzi fit-tul (jiġifieri ta’ aktar minn 250 km), filwaqt li huma biss uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu li japplikaw għas-servizzi kollha, inklużi dawk għal distanzi iqsar.

Id-drittijiet il-ġodda applikabbli għal servizzi għal distanza fit-tul (jiġifieri ta’ aktar minn 250 km) jinkludu fost l-oħrajn:

  • assistenza xierqa (ikliet ħfief, ikliet u xarbiet kif ukoll, jekk ikun meħtieġ, akkomodazzjoni sa żewġt iljieli f’lukanda, għall-ammont totali ta’ EUR 80 kull lejl, ħlief f’każi ta’ kundizzjonijiet ta’ maltemp qawwi u diżastri naturali kbar) f’sitwazzjonijiet ta’ kanċellazzjoni jew wara dewmien ta’ aktar minn 90 minuta fil-każ ta’ vjaġġ ta’ aktar minn tliet sigħat,
  • garanzija ta’ rimborż jew bdil ta’ rotot f’sitwazzjonijiet ta’ prenotazzjonijiet żejda jew f’każ ta’ kanċellazzjoni jew wara dewmien ta’ aktar minn 120 minuta mill-ħin stimat tat-tluq.
  • kumpens li jkopri 50 % tal-prezz tal-biljett wara dewmien ta’ aktar minn 120 minuta mill-ħin stmat tat-tluq, kanċellazzjoni ta’ vjaġġ u jekk it-trasportatur jonqos milli joffri lill-passiġġier jew tibdil fir-rotta jew rimborż.
  • informazzjoni meta s-servizz jitħassar jew meta jkun hemm dewmien fit-tluq.
  • protezzjoni tal-passiġġieri f’każ ta’ mewt, korriment, telf jew ħsara ikkawżati minn inċidenti fit-toroq, partikolarment fir-rigward ta’ bżonnijiet prattiċi immedjati f’każ ta’ inċident (inklużi akkomodazzjoni sa jumejn f’lukanda, għall-ammont totali ta’ Eur 80 kull lejl),
  • assistenza speċifika mingħajr ħlas għal persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa kemm fit-terminals u kemm abbord, u, fejn ikun meħtieġ, trasport mingħajr ħlas għall-persuni li jkunu qed jakkumpanjawhom,

Barra minn hekk, id-drittijiet li ġejjin ser ikunu applikabbli għas-servizzi kollha (inklużi dawk li jkunu għal distanza li tkopri anqas minn 250 km):

  • l-ebda diskriminazzjoni fir-rigward tat-tariffi u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt għall-passiġġieri bbażata – direttament jew indirettament – fuq iċ-ċittadinanza.
  • trattament mhux diskriminatorju fir-rigward tal-persuni b’diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa kif ukoll kumpens finanzjarju għal telf jew ħsara fit-tagħmir tagħhom għall-mobbiltà f’każ ta’ inċident,
  • regoli minimi għall-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar disponibbli għall-passiġġieri kollha qabel u matul il-vjaġġ, kif ukoll informazzjoni ġenerali dwar id-drittijiet tagħhom disponibbli fit-terminals u fuq l-internet; meta jkun possibbli, din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta f’format aċċessibbli meta din tintalab, u dan partikolarment fl-interess tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa,
  • mekkaniżmu għall-ġestjoni tal-ilmenti mit-trasportaturi li jkun disponibbli għall-passiġġieri kollha,
  • korpi nazzjonali indipendenti f’kull Stat Membru bil-mandat li jinfurzaw ir-Regolament u, fejn ikun xieraq, jimponu l-pieni.

Għal aktar informazzjoni