Mogħdija tan-navigazzjoni

Additional tools

Air

Lista ta’ linji ta’ l-ajru pprojbiti mill-UE

Iż-żamma ta’ standards effettivi fis-sigurtà ta’ l-avjazzjoni fl-Ewropa wasslu biex ikollna rekord ta’ sigurtà fost l-aqwa fid-dinja. Filwaqt li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha qed jaħdmu ma’ l-awtoritajiet ta’ sigurtà f’pajjiżi oħra biex jgħollu l-istandards ta’ sigurtà madwar id-dinja, għad hemm xi linji ta’ l-ajru li joperaw f’kondizzjonijiet taħt il-livelli essenzjali ta’ sigurtà.

Biex tkompli ttejjeb is-sigurtà fl-Ewropa, il-Kummissjoni Ewropea – f’konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet ta’ sigurtà ta’ l-avjazzjoni ta’ l-Istati Membri – iddeċidiet li tipprojbixxi milli joperaw fl-ispazju ta’ l-ajru Ewropew, dawk il-linji ta’ l-ajru li nstabu li mhumiex siguri,.

Dawn huma elenkati fid-dokument t’hawn taħt. L-ewwel lista tinkludi l-linji ta’ l-ajru kollha pprojbiti milli joperaw fl-Ewropa. It-tieni lista tinkludi dawk il-linji ta’ l-ajru li huma ristretti li joperaw fl-Ewropa taħt kondizzjonijiet speċifiċi.

Dawn il-listi għandhom jiġu aġġornati regolarment u ppubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fejn huma inklużi bħala l-Annessi A u B għar-Regolament tal-Kummissjoni. Qabel jieħu xi azzjoni bbażata fuq l-informazzjoni f’dawn il-listi, wieħed għandu jiżgura li għandu l-aħħar verżjoni.

 

AVVIŻ LEGALI

L-awtoritajiet ta’ l-avjazzjoni ċivili ta’ l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea jistgħu jispezzjonaw biss l-ajruplani tal-linji ta’ l-ajru li joperaw titjiriet lejn u minn ajruporti tal-Komunità; u minħabba n-natura rregolari ta’ dawn l-ispezzjonijiet, mhux possibbli li jiġu kkontrollati l-ajruplani kollha li jinżlu f’kull ajruport tal-Komunità. Għaldaqstant, il-fatt li linja ta’ l-ajru mhix inkluża fil-lista tal-Komunità ma jfissirx awtomatikament li din tilħaq l-istandards tas-sigurtà applikabbli.

Fejn linja ta’ l-ajru li fil-preżent hija inkluża fil-lista tal-Komunità, tqis lilha nfisha bħala konformi ma’ l-elementi tekniċi u mal-ħtiġijiet neċessarji preskritti mill-istandards ta’ sigurtà internazzjonali applikabbli, din tista’ titlob lill-Kummissjoni biex tibda proċedura sabiex titneħħa mil-lista.

Sar kull sforz biex tiġi vverifikata l-identità preċiża tal-linji ta’ l-ajru kollha inklużi fuq il-lista tal-Komunità – speċifikament permezz ta’ l-inklużjoni ta’: il-kodiċi ta’ l-ittri speċifiċi (u uniċi) mogħtija lil kull linja ta’ l-ajru mill-ICAO, l-istat taċ-ċertifikazzjoni u n-numru taċ-ċertifikat ta’ l-operatur ta’ l-ajru (jew tal-liċenzja operattiva). Madankollu, verifika assoluta ma kinitx possibbli fil-każijiet kollha minħabba nuqqas totali ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ ċerti linji ta’ l-ajru li jistgħu jkunu qed joperaw fit-tarf, jew kompletament barra, mis-sistema rikonoxxuta ta’ l-avjazzjoni internazzjonali. Għalhekk ma jistax jiġi eskluż li jista’ jkun hemm xi kumpaniji li qed joperaw b’bona fidi bl-istess isem kummerċjali ta’ xi linja ta’ l-ajru inkluża fil-lista tal-Komunità.