Biex tiżdied it-trasparenza, qed jiddaħħal numru ta' tibdil f'dan ir-Reġistru, notevolment billi tittejjeb id-disponibbiltà u l-affidabbiltà tad-dejta. Hu mistenni li dan il-proċess għandu jitlesta sal-31 ta’ Diċembru 2016. Sadattant, l-informazzjoni ppubblikata dwar gruppi ta' esperti individwali u/jew dwar membri ta' gruppi ta' esperti tista' ma tinstabx, ma tkunx preċiża jew ma tkunx sħiħa.

Dan ir-Reġistru ġie stabbilit mill-Kummissjoni biex tiġi żgurata t-trasparenza dwar il-gruppi ta’ esperti li jassistu lill-Kummissjoni:

  • fil-preparazzjoni ta' proposti leġiżlattivi u ta' inizjattivi ta' politika
  • fil-preparazzjoni ta' atti delegati
  • fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, tal-programmi u tal-politiki eżistenti tal-UE, inklużi l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE u l-partijiet ikkonċernati f'dan ir-rigward;
  • fejn neċessarju, il-preparazzjoni bikrija ta’ atti ta’ implimentazzjoni, qabel is-sottomissjoni lill-kumitat b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Ir-Reġistru jelenka kemm il-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni kif ukoll ta' entitajiet simili, p.e. entitajiet konsultattivi stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni u mhux mill-Kummissjoni, li għandu rwol simili jew identiku għal dak tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni u huma amministrati u mmaniġġjati finanzjarjament mill-Kummissjoni.

Għal kull grupp ta’ esperti, ir-Reġistru jipprovdi informazzjoni prezzjuża kemm dwar id-dipartiment tal-Kummissjoni li jmexxi l-grupp, kif ukoll dwar il-membri, il-missjoni u l-kompiti tiegħu. Ir-Reġistru jinkludi wkoll dokumenti rilevanti li huma prodotti u diskussi mill-gruppi.