Navigation path

Paġna ta’ merħba

L-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti liċ-ċittadini u r-residenti tal-Istati Membri d-dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Ir-regolament (KE) nru 1049/2001 dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti ta' dawn it-tliet istituzzjonijiet jiffissa l-prinċippji ġenerali u l-limiti ta' dan id-dritt ta' aċċess.

Biex jgħin liċ-ċittadini jużaw id-dritt tagħhom, dan ir-regolament jipprevedi li kull waħda mit-tliet istituzzjonijiet tipprovdi aċċess għal reġistru ta' dokumenti f'forma elettronika.

Għalhekk il-Kummissjoni ddeċidiet li l-ewwel toħloq reġistru b'ċerti kategoriji ta' dokumenti, b'mod partikolari dokumenti leġiżlattivi bħal dokumenti COM, C u SEC kif ukoll kategoriji oħra ta' dokumenti bħal aġendi u minuti tal-laqgħat tal-Kummissjoni.

Ir-reġistru fih biss referenzi għal dokumenti mill-1 ta' Jannar 2001. Bil-mod il-mod għandu jinkludi wkoll kategoriji oħra ta' dokumenti.

Dan ir-reġistru jikkompleta l-bażi tad-dejta tal-proċeduri interistituzzjonali PreLex li jippermetti li jsir tiftix fuq il-ħidma tal-istituzzjonijiet fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni komunitarja.

L-għan ta' din l-għodda hu li tinforma liċ-ċittadini dwar l-eżistenza tad-dokumenti l-aktar importanti magħmula mill-Kummissjoni. Madankollu huwa mifhum li d-dritt ta' aċċess mhux limitat biss għad-dokumenti li jinsabu f'dan ir-reġistru. Barra minn hekk, l-aċċess għal din il-lista ta' dokumenti ma tagħmilx ħsara lil kwalunkwe rispons għal rikjesta ta' dokumenti fil-lista. Fil-fatt l-aċċess jista' jiġi rifjutat meta l-iżvelar ta' dokument jista' jaffettwa ħażin interessi pubbliċi jew privati protetti mil-lista ta' eċċezzjonijiet fl-Artikolu 4 tar-Regolament.

Għal kull dokument ir-reġistru jinkludi:

  • l-identifikatur jew in-numru ta' referenza,
  • it-titlu tad-dokument fil-lingwi li hu disponibbli,
  • id-data tad-dokument
  • il-lingwi disponibbli tad-dokument,
  • is-servizz responsabbli għall-abbozzar tad-dokument.