Mogħdija tan-navigazzjoni

Paġna tan-navigazzjoni

Regoli u istruzzjonijiet

INTRODUZZJONI

Id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni (DĠ Traduzzjoni) tal-Kummissjoni Ewropea qed jorganizza Juvenes Translatores 2016, konkors tat-traduzzjoni għall-iskejjel fl-Unjoni Ewropea. L-istadji ewlenin tal-konkors huma:

  • it-tħejjijiet;
  • it-test tat-traduzzjoni; u
  • iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni.

Ir-regoli fid-dettall u l-istruzzjonijiet għal kull stadju huma spjegati hawn taħt, fit-taqsimiet 1-8.

IT-TĦEJJIJIET

Dawn jinkludu t-tħabbir tal-konkors, ir-reġistrazzjoni, l-għażla tal-iskejjel, l-applikazzjoni tal-istudenti mill-iskejjel u t-tħejjijiet lokali (ara t-taqsimiet 1-3).

Id-DĠ Traduzzjoni se jħabbar il-konkors fis-sit web apposta tiegħu ta’ Juvenes Translatores (JT): ec.europa.eu/translatores

L-iskejjel li jixtiequ jieħdu sehem iridu jirreġistraw b'mod elettroniku fuq is-sit web bejn l-1 ta’ Settembru u l-20 ta’ Ottubru 2016 (taqsima 1). Ir-reġistrazzjoni tibda u tispiċċa f’12.00 nofsinhar (ħin ta' Brussell) f’dawn id-dati.

Se jsir tlugħ bix-xorti (ara t-taqsima 2) biex jintgħażlu l-iskejjel li jieħdu sehem fil-konkors minn fost dawk li jirreġistraw.

Kull skola magħżula tista' tagħżel bejn żewġ u ħames studenti biex jieħdu sehem fil-konkors u għandhom idaħħlu l-ismijiet u l-pari tal-lingwi tagħhom fil-bażi tad-dejta sa mhux aktar tard mill-It-Tnejn, 21 ta' Novembru 2016 (taqsima 3).

L-iskejjel se jkunu responsabbli għall-organizzazzjoni tal-avveniment lokali. Din tinkludi l-arranġamenti prattiċi kollha, pereżempju l-bini fejn se jseħħ il-konkors, il-persunal u l-infrastruttura tal-IT rilevanti (ara t-taqsima 1.1), kif ukoll l-assigurazzjoni li t-test isir taħt kundizzjonijiet ġusti u ugwali (ara t-taqsimiet 1.3, 4 u 7).

IT-TEST GĦAT-TRADUZZJONI

Dan se jsir fl-24 ta' Novembru 2016. Fil-ġurnata tat-test, id-DĠ Traduzzjoni se jqassam it-testi għat-traduzzjoni lill-iskejjel. It-test se jitmexxa skont l-arranġamenti individwali li jsiru mill-iskejjel. It-traduzzjonijiet għandhom jiġu applowdjati fl-istess ġurnata f'bażi tad-dejta mmaniġġjata mid-DĠ Traduzzjoni (ara t-taqsima 4).

Id-DĠ Traduzzjoni se jevalwa t-traduzzjonijiet u jagħżel traduzzjoni rebbieħa waħda minn kull Stat Membru tal-UE (taqsima 5).

IC-ĊERIMONJA TAL-PREMJAZZJONI

Ir-rebbieħa se jiġu mistiedna għal ċerimonja tal-premjazzjoni fi Brussell fir-rebbiegħa 2017. Id-DĠ Traduzzjoni se jħallas l-ispejjeż għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni tar-rebbieħ, adult wieħed li jkun qed jakkumpanja r-rebbieħ u għalliem wieħed minn kull Stat Membru (ara t-taqsima 6).

L-għalliema responsabbli għandhom jiċċekkjaw is-sit web ta’ JT regolarment biex jiżguraw li ma taqbżilhomx informazzjoni importanti.

 

IT-TĦEJJIJIET

1. IT-TĦABBIR U R-REĠISTRAZZJONI

Id-DĠ Traduzzjoni se jħabbar il-konkors fis-sit web apposta tiegħu ta’ Juvenes Translatores (ec.europa.eu/translatores):

fl-1 ta' Settembru 2016, f'12.00 nofsinhar, ħin ta' Brussell.

Jekk l-iskola tiegħek tixtieq tieħu sehem, trid timla l-formola ta' reġistrazzjoni onlajn (ara t-taqsima 1.2).

Meta tibgħat il-formola ta' reġistrazzjoni, l-iskola tiegħek tkun qed tikkommetti ruħha għal ċerti kundizzjonijiet (ara taqsima 1.3).

1.1. Liema skejjel jistgħu jieħdu sehem?

L-iskejjel għandhom:

  • ikunu fi Stat Membru;
  • ikunu rikonoxxuti mill-awtoritajiet edukattivi ta' Stat Membru wieħed jew aktar;
  • jagħżlu bejn żewġ u ħames studenti li twieldu fl-1999;
  • ikollhom aċċess għall-internet;
  • ikollhom kompjuter li jista' jiftaħ u jipprintja fajls PDF (it-testi u l-karti għat-traduzzjoni se jintbagħtu f'dan il-format); u
  • ikollhom aċċess għal skener, sabiex jiskennjaw it-traduzzjonijiet bħala fajls PDF biex japplowdjawhom fuq il-bażi tad-dejta tad-DĠ Traduzzjoni. Dan irid isir dakinhar stess tal-konkors.

L-iskola trid tkun skola sekondarja. Il-kompetizzjoni mhijiex miftuħa għal skejjel tat-tagħlim tal-lingwi ta’ filgħaxija jew korsijiet tal-lingwa oħrajn simili li mhumiex obbligatorji.

1.2. Ir-reġistrazzjoni

Qabel ma ssir ir-reġistrazzjoni, l-għalliem responsabbli għandu jikseb l-approvazzjoni tal-kap tal-iskola (tal-prinċipal) biex l-iskola tkun tista' tieħu sehem.

Fir-reġistrazzjoni (formola waħda biss għal kull skola), trid tipprovdi:

  • l-isem u l-indirizz tal-iskola;
  • l-isem ta' persuna waħda ta' kuntatt; u
  • tal-inqas indirizz tal-email wieħed validu.

Peress li dan l-indirizz tal-email se jkun l-uniku mod biex aħna nikkomunikaw miegħek, jekk jogħġbok:

  • iċċekkja l-kaxxa postali tiegħek regolarment; u
  • kun ċert li ma tkunx mimlija.

Tista' tirreġistra bejn l-1 ta' Settembru, 12:00 nofsinhar (ħin ta’ Brussell), u l-20 ta’ Ottubru 2016, 12.00 nofsinhar (ħin ta’ Brussell). Formoli mhux mimlijin kollha jew li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

Kull skola rreġistrata — u aktar tard l-istudenti reġistrati — se jingħataw numru ta' reġistrazzjoni. Jeħtieġ li jkollok dawn in-numri lesti fil-ġurnata tal-konkors.

1.3. X'inhuma l-impenji li tidħol għalihom l-iskola ladarba tirreġistra?

Meta skola tissottometti formola ta' reġistrazzjoni, din tkun qed tintrabat li ssegwi r-regoli u l-istruzzjonijiet għall-konkors u, jekk tintgħażel, li torganizza t-test għat-traduzzjoni fl-iskola.

Dawn jinkludu:

  • l-għażla u r-reġistrazzjoni ta' studenti li twieldu fl-1999;
  • faċilitajiet u persunal xierqa għat-test ta' traduzzjoni;
  • l-ipprintjar u d-distribuzzjoni tat-testi korretti tas-sors għat-traduzzjoni u l-folji għat-traduzzjoni;
  • il-permess għall-istudenti magħżulin biex jieħdu sehem fit-test;
  • L-iżgurar li l-istudenti magħżulin u l-ġenituri jew it-tuturi tagħhom huma familjari ma’ dawn ir-regoli u l-istruzzjonijiet u jaqblu magħhom.
  • l-iżgurar li t-test isir f'kundizzjonijiet ġusti u imparzjali; u
  • jekk jirbaħ student mill-iskola tiegħek, il-permess li hu/hi jitlaq/titlaq mill-iskola biex imur/tmur Brussell għaċ-ċerimonja tal-premjazzjoni.

L-iskola għandha taqbel ukoll li, jekk tintgħażel għall-konkors, isimha jidher fis-sit web ta' Juvenes Translatores.

Jekk l-iskola tiegħek ma tonorax dawn l-impenji, tista' tiġi eskluża mill-konkors.

 

2. L-GĦAŻLA TAL-ISKEJJEL

Issir lotterija elettronika biex jiġu magħżula l-iskejjel fost dawk li jibagħtu l-formoli ta' reġistrazzjoni tagħhom fil-ħin.

L-għadd ta’ skejjel magħżula minn kull Stat Membru se jkun daqs l-għadd ta’ siġġijiet li l-Istat Membru għandu fil-Parlament Ewropew, kif ġej:

Stat MembruSkejjel
L-Awstrija18
Il-Belġju21
Il-Bulgarija17
Il-Kroazja11
Ċipru6
Ir-Repubblika Ċeka21
Id-Danimarka13
L-Estonja6
Il-Finlandja13
Franza74
Il-Ġermanja96
Il-Greċja21
L-Ungerija21
L-Irlanda11
L-Italja73
Il-Latvja8
Il-Litwanja11
Il-Lussemburgu6
Malta6
In-Netherlands26
Il-Polonja51
Il-Portugall21
Ir-Rumanija32
Is-Slovenja8
Is-Slovakkja13
Spanja54
L-Iżvezja20
Ir-Renju Unit73
Total751

Għall-finijiet ta' din l-għażla, l-iskejjel se jingħaddu skont il-kwota tal-Istat Membru li jinsabu fih. Pereżempju, l-iskola Spanjola IES Liceo español 'Luis Buñuel' fi Franza se tgħodd mal-kwota ta' Franza.

Il-lista tal-iskejjel magħżula se tiġi ppubblikata fis-sit web ta' JT sa tmiem Ottubru 2016.

 

3. L-GĦAŻLA TAL-ISTUDENTI

F’dawn ir-regoli u istruzzjonijiet, it-termini "student" u "student magħżul” jirreferu għall-istudenti kollha li jiddaħħlu għall-konkors mill-iskejjel magħżula. Kull skola magħżula tista' ddaħħal bejn żewġ u ħames studenti, li jridu:

  • ikunu twieldu fl-1999; u
  • ikunu rreġistrati b’mod regolari fi skola li tissodisfa l-kriterji fit-taqsima 1.1

L-għan tar-regoli dwar is-sena ta' twelid hu biex ikun hemm kundizzjonijiet ugwali għas-sistemi tal-edukazzjoni kollha fl-UE. Jekk jirriżulta li student ma jkunx twieled fl-1999, dan jiġi eskluż.
L-iskola għandha tispeċifika l-par lingwi magħżulin minn kull student, jiġifieri l-lingwi minn liema u f'liema qed jippjanaw li jittraduċu (ara t-taqsima 3.4).

3.1. L-ismijiet tal-istudenti u l-pari tal-lingwi

Jekk l-iskola tiegħek tintgħażel, jeħtieġlek tirreġistra lill-istudenti magħżulin minnek biex jirrappreżentawha mhux aktar tard mill-21 ta' Novembru 2016, f’12:00 nofsinhar. Kull skola tista' tirreġistra bejn żewġ u ħames studenti billi ddaħħal l-ismijiet tal-istudenti u l-pari tal-lingwi magħżulin fil-bażi tad-dejta permezz ta' link mibgħut bl-email mit-tim ta' JT. (Tista' tirreġistra wkoll is-sitt student bħala sostitut f'każ li wieħed mill-istudenti rreġistrati ma jkunx jista' jieħu sehem, p.e. minħabba li jkun marid).

Wara l-21 ta' Novembru, ma tistax tibdel la l-lista tal-istudenti li pproponejt u lanqas l-għażla tal-pari tal-lingwi tagħhom.

L-iskola għandha tinforma lill-ġenitur(i) jew it-tutur(i) ta' kull student dwar il-parteċipazzjoni tagħhom.

3.2. Kif jintgħażlu l-istudenti?

L-iskejjel jistgħu jistabbilixxu l-kriterji tagħhom għall-għażla tal-istudenti parteċipanti, iżda dawn għandhom ikunu ċari, ġusti u mhux diskriminatorji. Jekk id-DĠ Traduzzjoni jikkunsidra li skola użat kriterji inġusti jew diskriminatorji, dan jista' jiddeċiedi li jeskludiha mill-konkors.

3.3. Xi ngħidu dwar il-ħarsien tad-dejta personali?

Id-DĠ Traduzzjoni jiżgura li kwalunkwe dejta personali titħassar skont il-liġi applikabbli.
L-ismijiet tal-iskejjel u l-ismijiet tar-rebbieħa nazzjonali u t-traduzzjonijiet tagħhom se jiġu ppubblikati (ara taqsima 5), u l-midja tista' tirrapporta dwar iż-żjara tar-rebbieħa fi Brussell għaċ-ċerimonja tal-premjazzjoni.
Informazzjoni aktar dettaljata dwar kif id-DĠ Traduzzjoni jissodisfa l-obbligi tiegħu dwar il-protezzjoni tad-dejta personali tinsab fil-formola mxandra għall-pubbliku ta' Juvenes Translatores u fl-istqarrija ta' privatezza. Dawn se jintbagħtu b'email lit-28 rebbieħ permezz tal-għalliema tagħhom biss.

3.4. Il-pari tal-lingwi

Kull student jista' jagħżel li jittraduċi minn kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE lejn lingwa oħra uffiċjali tal-UE. Il-lingwi uffiċjali tal-UE huma:
Il-Bulgaru (BG), il-Kroat (HR), iċ-Ċek (CS), id-Daniż (DA), l-Olandiż (NL), l-Ingliż (EN), l-Estonjan (ET), il-Finlandiż (FI), il-Franċiż (FR), il-Ġermaniż (DE), il-Grieg (EL), l-Ungeriż (HU), l-Irlandiż (GA), it-Taljan (IT), il-Latvjan (LV), il-Litwan (LT), il-Malti (MT), il-Pollakk (PL), il-Portugiż (PT), ir-Rumen (RO), is-Slovakk (SK), is-Sloven (SL), l-Ispanjol ( ES) u l-Iżvediż (SV).
L-għażla ta' kull student għandha tiġi indikata meta tirreġistra l-istudent (ara taqsima 3.1) u ma tistax titbiddel wara l-iskadenza tal-21 ta' Novembru.
Nissuġġerixxu b’mod qawwi li l-istudenti jittraduċu għal-lingwa nattiva tagħhom jew il-lingwa li jħossuhom l-aktar kunfidenti fiha. Madankollu, trid tkun waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE msemmija hawn fuq.

 

IT-TEST GĦAT-TRADUZZJONI

4. KIF JITMEXXA T-TEST

Fil-ġurnata tat-test, (l-24 ta' Novembru), id-DĠ Traduzzjoni se jibgħat it-testi sors lill-iskejjel f'format elettroniku biss (dawn se jintbagħtu bl-email u jistgħu jiġu ddawnlowdjati mis-sit web ta’ JT). Fil-parti ta' fuq, it-testi se jkunu mmarkati bis-sena "2016", u jkollhom ukoll il-kodiċi tal-lingwa sors.

It-test tat-traduzzjoni għandu jsir fl-istess ħin mill-iskejjel parteċipanti kollha bejn l-10.00 am u 12.00 nofsinhar, ħin ta’ Brussell. It-test għandu jsir fil-bini tal-iskejjel.

L-iskejjel għandhom jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jiżguraw li t-test isir f'kundizzjonijiet ġusti u ugwali. L-istudenti għandhom jaħdmu b'mod individwali (mhux ma' ħaddieħor jew f'timijiet) u l-għalliema ma jistgħux jgħinuhom.

L-iskejjel jistgħu jagħtu permess lil studenti oħra biex jieħdu sehem matul it-test b'mod mhux uffiċjali (pereżempju jorganizzaw kompetizzjoni interna fuq l-istess linji jew jużaw it-test biex jivvalutaw l-istudenti ), iżda ma għandhomx jibagħtu t-traduzzjonijiet ta' dawn l-istudenti lid-DĠ Traduzzjoni.

Matul it-test ma jista' jintuża ebda kompjuter jew apparat elettroniku ieħor.

It-traduzzjonjiet għandhom jinkitbu bl-idejn b'pinna sewda fuq il-folji tat-traduzzjoni mogħtija mid-DĠ Traduzzjoni u għandhom ikunu jistgħu jinqraw. Testi li ma jkunux jistgħu jinqraw jew li ma jkunux miktuba fuq il-folji tat-traduzzjoni mogħtija jiġu eliminati. L-istudenti M’GĦANDHOMX jużaw ittri KBAR biss, peress li min jikkoreġi jrid ikun jista’ jiġġudika jekk l-ittri kbar intużawx b’mod korrett jew le.

Wara t-test, fl-istess ġurnata tal-konkors, għandek:

  • tiskenja t-traduzzjonijiet u tissejvjahom f'fajls PDF li jinqraw, ta' kwalità tajba (fajl għal kull traduzzjoni, f'daqs massimu ta' 3 MB — jekk il-fajl ikun ikbar minn hekk, ipprova skenja mingħajr kulur); u
  • tapplowdjahom fil-bażi tad-dejta ta' JT, billi tuża l-link li jkun intbagħat dakinhar tal-kompetizzjoni lill-persuna ta' kuntatt fl-iskola.

Jekk jinqalgħu problemi tekniċi persistenti, it-traduzzjonijiet jistgħu jintbagħtu permezz tal-email jew b'mod alternattiv b'posta rreġistrata lid-DĠ Traduzzjoni fi Brussell:

Juvenes Translatores
European Commission
Directorate-General for Translation
attn: Anna Holmén
G-6 - 06/16
1049 Brussels
Belgium

Jekk, għal raġunijiet li ma jkollox kontroll fuqhom, ma tkunx tista' tibgħat it-traduzzjonijiet kif spjegat hawn fuq, jekk jogħġbok ikkuntattja lit-tim ta' JT għall-istruzzjonijiet.

Sa fejn hu possibbli, id-DĠ Traduzzjoni se jirrispondi mistoqsijiet u jagħti pariri wkoll permezz tal-email.

4.1. Studenti b'diżabilità

L-iskejjel ma jistgħux jiddiskriminaw kontra studenti b'diżabilità. It-tim ta' JT hu konxju li jista' jkun hemm bżonn li jsiru arranġamenti speċjali biex l-istudenti b'diżabilità jkunu jistgħu jieħdu sehem taħt kundizzjonijiet ġusti u ugwali. Jekk issib li l-arranġamenti speċjali neċessarji jmorru kontra r-regoli (p.e. jekk minħabba d-diżabilità l-istudent ma jiktibx daqshekk malajr biex ilesti mal-bqija tal-istudenti, jew jekk kompjuter hu indispensabbli biex l-istudent ikun jista' jieħu sehem), għandek tinforma lit-tim ta' JT u tiddiskrivi d-diżabbiltà u l-arranġamenti proposti, għal approvazzjoni minn qabel.

4.2. Min jieħu ħsieb l-organizzazzjoni prattika tat-test?

L-iskejjel huma responsabbli għall-organizzazzjoni fiżika tat-testijiet fil-bini tagħhom. Dan jinkludi l-arranġamenti prattiċi kollha fil-ġurnata tat-test, jiġifieri:

  • jiżguraw li t-testi mibgħuta mid-DĠ Traduzzjoni jiġu ttrattati kif xieraq, pereżempju mingħajr ma jinħoloq dewmien jew jipperikolaw il-kunfidenzjalità;
  • jiġbru l-istudenti fil-post tat-test;
  • jipprovdu lill-istudenti bit-testi tas-sors u l-folji tat-traduzzjoni xierqa;
  • jaraw li l-istudenti jdaħħlu l-informazzjoni meħtieġa fuq il-folji tat-traduzzjoni: in-numru ta' reġistrazzjoni tal-iskola, il-pajjiż, in-numru tal-istudent fil-bażi tad-dejta, il-par tal-lingwa, l-inizjali tal-istudent (prekawzjoni jekk jitħalltu traduzzjonijiet waqt l-applowdjar) u s-sena tat-twelid;
  • jissorveljaw lill-istudenti waqt it-test; u
  • jiskenjaw u japplowdjaw it-traduzzjonijiet fil-bażi tad-dejta ta' JT, permezz tal-link mibgħut bl-email (fajl PDF wieħed għal kull traduzzjoni).

L-iskejjel għandhom iżommu l-oriġinali għal sitt xhur.

4.3. L-istudenti jistgħu jużaw dizzjunarji jew xi tip ta' għajnuna oħra matul it-test?

Peress li d-dizzjunarji huma għodda tal-professjoni, l-istudenti għandhom permess li jużawhom matul it-test — iżda verżjonijiet stampati biss. Jistgħu jintużaw dizzjunarji monolingwi u bilingwi.

Ma jista' jintuża ebda tip ta' apparat elettroniku (kompjuters, mowbajls, verżjonijiet ta' dizzjunarji elettroniċi jew ta' ġabriet ta' termini, jew għodod oħra elettroniċi għat-traduzzjoni, eċċ).

 

5. L-EVALWAZZJONI TAT-TESTI U L-PUBBLIKAZZJONI

5.1. L-evalwazzjoni

Kull traduzzjoni se tiġi evalwata minn bord ta’ tradutturi u reviżuri professjonisti mid-DĠ Traduzzjoni.

Wara l-evalwazzjoni, ġurija mmexxija mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ Traduzzjoni se tagħżel l-aqwa traduzzjoni minn kull Stat Membru.

Ix-xogħol u d-deċiżjonijiet tal-bord u l-ġurija huma kunfidenzjali. Ma jiġu rrilaxxati ebda marki individwali.

Jistgħu jintbagħtu ittri ta' xogħol tajjeb lil madwar 10 % tal-istudenti, jekk it-traduzzjonijiet ikunu ta' kwalità eċċellenti. L-istudenti kollha jirċievu ċertifikat ta' parteċipazzjoni.

Id-deċiżjonijiet tal-bord u l-ġurija huma finali. It-traduzzjonijiet u l-evalwazzjonijiet tagħhom jistgħu jiġu riprodotti u użati internament mill-istituzzjonijiet Ewropej għal taħriġ futur fuq l-evalwazzjoni tat-traduzzjonijiet.

5.2. Liema kriterji se jintużaw għall-evalwazzjoni?

Il-bord se japplika kriterji simili għal dawk użati fid-DĠ Traduzzjoni biex jiġu evalwati traduzzjonijiet, jiġifieri:

  • il-preċiżjoni;
  • il-ħila ta' kitba korretta (għażla ta' espressjonijiet u grammatika);
  • il-kapaċità ta' kitba mexxejja; u
  • l-kreattività fis-soluzzjonijiet għat-traduzzjoni.

Il-bord jista' jelimina kull traduzzjoni li jemmen li ma tkunx saret f'kundizzjonijiet ġusti u imparzjali.

5.3. Tħabbir tar-rebbieħa, u formola ta' rilaxx

Il-lista ta' 28 student rebbieħ se titħabbar fil-bidu ta' Frar 2017.

Id-DĠ Traduzzjoni se jibgħat formola ta' rilaxx lil kull skola tar-rebbieħ, li għandha tiġi stampata, iffirmata u mibgħuta lura lid-DĠ Traduzzjoni fi Brussell sad-data ta' skadenza, flimkien ma' kopja valida tal-ID tal-istudent.

Il-formola tar-rilaxx trid tiġi ffirmata:

  • mill-istudent; u
  • mill-ġenitur(i)/mit-tutur(i) tal-istudent (jekk l-istudent ikollu anqas minn 18-il sena meta ssir iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni)

Meta jimlew din il-formola, l-istudenti u l-ġenitur(i)/t-tutur(i) tagħhom jaqblu li:

  • l-istudent se jitħalla jmur għaċ-ċerimonja tal-premjazzjoni fi Brussell;
  • ir-ritratti u l-filmati taċ-ċerimonja u taż-żjara fi Brussell jistgħu jiġu ppubblikati fis-sit web u fil-paġna ta' Facebook ta' JT, u
  • il-ġenitur jew it-tutur, jew persuna adulta approvata minnhom, se takkumpanja lill-istudent għaċ-ċerimonja fi Brussell (dan mhuwiex obbligatorju jekk l-istudent jilħaq jagħlaq it-18-il sena f’dak iż-żmien).

Stqarrija ta' privatezzapdf(58 kB) Agħżel it-traduzzjonijiet mil-link ta' qabel  annessa mal-formola tar-rilaxx tispeċifika kif id-dejta personali se tinġabar, tiġi pproċessata u użata skont il-leġiżlazzjoni applikabbli.

 

IC-ĊERIMONJA TAL-PREMJAZZJONI

6. IC-ĊERIMONJA TAL-PREMJAZZJONI

Ir-rebbieħa, flimkien ma’ adult wieħed u għalliem wieħed għal kull rebbieħ, se jkun mistieden għal ċerimonja tal-premjazzjoni fi Brussell.

Ir-rebbieħa li jkunu taħt it-18-il sena dakinhar taċ-ċerimonja jridu jkunu akkumpanjati minn ġenitur, tutur jew adult ieħor approvat mill-ġenituri jew mit-tuturi tagħhom, li jassumi r-responsabblità sħiħa għalih/a u tal-istudent matul il-vjaġġ u s-soġġorn tagħhom fi Brussell.

L-istudent, l-għalliem u l-adult li jakkumpanjawh għandhom jipprovdu d-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa.

 

7. L-ISPEJJEŻ

L-iskejjel ikopru l-ispejjeż għall-organizzazzjoni tat-testi fil-bini tagħhom, p.e. l-istampar tat-testi għat-traduzzjoni u l-provvediment tal-faċilitajiet għat-test.

Il-Kummissjoni Ewropea se tħallas għaċ-ċerimonja tal-premjazzjoni u tkopri wkoll l-ispejjeż biex tipprovdi t-testi li għandhom jiġu tradotti kif ukoll il-proċess ta' evalwazzjoni.

Il-Kummissjoni se torganizza u tħallas għall-ivvjaġġar (mill-pajjiż ta' oriġini sal-lukanda fi Brussell, għajr trasferimenti żgħar bħat-taxi lejn u mill-ajruport/stazzjon tat-trejn tal-pajjiż tal-oriġini) u l-akkomodazzjoni għal rebbieħ, għalliem u adult wieħed minn kull Stat Membru.

 

8. L-INTERPRETAZZJONI TAR-REGOLI U L-ISTRUZZJONIJIET

L-interpretazzjoni ta' dawn ir-regoli u l-istruzzjonijiet mid-DĠ Traduzzjoni huma finali.

Teħtieġ aktar tagħrif?