Mogħdija tan-navigazzjoni

Kif għandek tħejji ruħek

Ħaddem moħħok – l-isfida tat-traduzzjoni

It-traduzzjoni hi l-lingwa tal-Ewropa
Umberto Eco

It-tradutturi — għall-kuntrarju tal-interpreti — jaħdmu fuq testi miktubin. Dawk li jakkwistaw l-aktar riżultati naturali u b'ħeffa ta' kliem jittraduċu minn lingwa barranija għall-aħjar lingwa li għandhom (fil-biċċa l-kbira lsien pajjiżhom – iżda mhux – il-każijiet kollha). Iżda x'jinvolvi eżattament dan il-kompitu?

 

Twassil ta' messaġġ

Il-mistoqsija li kull traduttur jeħtieġlu jistaqsi lilu nnifsu hi: "Kif nista' nwassal il-messaġġ?" Traduzzjoni tajba għandu jkollha l-istess impatt fuq il-qarrej bħat-test oriġinali.

Jekk it-test oriġinali ġiegħlek titbissem u qajjimlek il-kurżità, daqstant ieħor għandha tagħmel it-traduzzjoni. Dan ifisser li dak li jifhem it-traduttur għandu jmur lil hinn minn kliem individwali, grammatika u struttura. Hu jew hi għandha taħkem il-messaġġ intenzjonat mill-awtur. Tradutturi tajbin iħossu l-kuntest, l-istil u l-isfumaturi tat-tifsiriet.

 

Tipi differenti ta’ tagħrif

It-traduzzjoni ta' test dwar l-elettronika jew il-mediċina, pereżempju, jeħtiġilha kompetenzi tekniċi fil-mestier. Il-ħolqien mill-ġdid ta' logħob bil-kliem, mill-banda l-oħra, jeħtieġlu tagħrif kulturali u apprezzament ta' fatturi stilistiċi.

 

Adattament ta' test għal kuntest ġdid

Kull lingwa għandha l-għeruq tagħha f'kuntest kulturali, soċjali u ġeografiku speċifiku. Għal din ir-raġuni, it-tradutturi kultant ikollhom joħolqu kliem ġdid għal termini li l-ekwivalenti tagħhom ma jeżistux fi lsien pajjiżhom. Barra minn hekk, it-testi li huma speċifiċi ħafna għal kultura partikulari għandhom jiġu adattati biex ikunu aċċessibbli għal nies minn kultura jew żona ġeografika oħra. Din tissejjaħ lokalizzazzjoni.

 

Lingwa ħajja

Il-kliem u l-espressjonijiet jinbidlu b'mod mgħaġġel. Ideat u invenzjonijiet ġodda, flimkien ma' użi ġodda għal termini eżistenti, iġiegħlu lit-tradutturi joħolqu metodi ġodda biex jesprimu dawn il-kunċetti bi lsien pajjiżhom. Dan hu wieħed mill-aspetti ta' sfida – u affaxxinanti – tat-traduzzjoni.

Ftakar li t-tfittxija ta' kelma fid-dizzjunarju hi biss l-ewwel pass. Il-kuntest li fih tintuża kelma jista' jwasslek biex tagħżel kelma totalment differenti.

 

Titħajjar tipprova?

Irridu nagħtuk idea ta' kif tista' taħdem bħala traduttur professjonali. Se nkunu qed nivvalutawk dwar:

  • kemm hu preċiż it-test tiegħek
  • il-ħila li tuża t-termini korretti
  • il-ħila li tikteb b'ħeffa ta' kliem fil-lingwa li għażilt p.e. kemm it-traduzzjoni tiegħek tista' tinqara b'mod ġenerali
  • il-kreattività tas-soluzzjonijiet tiegħek.
 

Xi eżempji minn konkorsi preċedenti

Biex ngħinuk tħejji ruħek, dawn huma xi eżempji minn konkorsi preċedenti:

 

Rimi

It-test Franċiż għall-2011pdf(10 kB) kellu sfida tassew iebsa – it-traduzzjoni ta' rima. Hawnhekk qed jingħataw xi soluzzjonijiet tajbin b'ilsna differenti:

 

It-test Ingliż għall-2008pdf(9 kB) jirreferi għal żewġ djaletti tal-Ingliż, il-Cockney u l-Geordie. Kif nistgħu nittraduċu dawn l-ismijiet b'lingwi oħrajn? Għandna nistennew mingħand il-qarrejja li ma jifhmux l-Ingliż li jkunu jafu x'inhuma?

Għandna 3 għażliet hawnhekk:

  • Jekk naħsbu li "l-Cockney u l-Geordie" huma tabilħaqq magħrufin fost il-qarrejja Maltin, nistgħu nħalluhom kif inhuma.
  • Nistgħu wkoll inżidu spjegazzjoni qasira: "Il-Cockney u l-Geordie – huma djaletti mitkellmin f'Londra u l-Grigal tal-Ingilterra".
  • L-alternattiva l-oħra hi, li nibdlu "l-Cockney u l-Geordie" b'2 djaletti fil-lingwa tagħna (p.e. bil-Ġermaniż "Bayrisch und Sächsisch").

Eżempju simili jinsab fit-test Spanjol għall-2013pdf(79 kB), fejn tintuża l-kelma "manchegos". Jekk nom ekwivalenti ma jeżistix fil-lingwa tat-traduttur, l-espressjoni jkollha tissostittwixxi ruħha bi spjegazzjoni – hawnhekk, "in-nies minn La Mancha".

Madankollu, it-traduzzjoni dejjem tinvolvi r-riskju li ma nifhmux il-qofol tagħha billi moħħna jkun wisq fid-dettalji. Tista' tagħmel sforz enormi biex toħloq rima jew twassal espressjoni idjomatika – iżda jeħtieġlek tikkunsidra wkoll x'jaħdem l-aħjar fil-kuntest. Pereżempju, x'inhu r-reġistru xieraq? Hu adatt li jintuża s-slang, jew il-lingwaġġ arkajku, jew il-ġargon? Li jintlaħaq il-bilanċ xieraq jeħtieġlu tassew ħila.

Matul is-snin ntgħażlu bħala r-rebbieħa t-traduzzjonijiet li juru l-ħeffa tal-kliem fit-test kollu – għalhekk hu importanti li wieħed iżomm f'moħħu li l-istil ikun ibbilanċjat.

 

Preselezzjoni tal-istudenti

 

Billi 5 studenti biss minn kull skola jistgħu jieħdu sehem fil-konkors, l-iskejjel jistgħu jagħżlu li jagħmlu t-testijiet ta' preselezzjoni tagħhom. Oħrajn, mill-banda l-oħra, jagħżlu student wieħed għal kull lingwa barranija mgħallma fl-iskola.

Xi suġġerimenti utli

L-istudenti li jittraduċu bi lsien pajjiżhom jew bl-aktar lingwa li jagħfu dejjem se jkollhom vantaġġ kbir fuq dawk li jipprovaw jittraduċu għal lingwa barranija. Biex verament tikteb tajjeb bil-lingwa mira tiegħek, jeħtieġlek ħiliet li għandha persuna b'għarfien sħiħ f'dik il-lingwa.

Kitba tajba hi mill-aktar importanti – għalhekk jista' jkun utli li l-għalliema tal-lingwa mira jaħdmu flimkien mal-għalliema tal-lingwa barranija biex jippreparaw lill-istudenti għall-konkors.

Tinsewx li l-istudenti tal-Latin u/jew tal-Grieg klassiku jistgħu juru l-ħiliet tagħhom fit-traduzzjoni bil-lingwi moderni!

Biex ikollok idea tas-suġġetti li jistgħu joħorġu u biex tqabbel verżjonijiet ta' lingwi differenti tal-istess test, ħares lejn xi wħud mill-istqarrijiet għall-istampa tal-UE.