Current portal location

Website content

Mistoqsijiet Frekwenti

Other linguistic versions available via language menu

Is-Sħubija Transatlantika għall-Kummerċ u l-Investiment (TTIP) huwa l-isem ta' ftehim kummerċjali li qed jiġi negozjat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti.  In-negozjati għandhom l-għan li jneħħu l-ostakli kummerċjali (tariffi, regolamenti bla bżonn, restrizzjonijiet fuq l-investiment eċċ.) f'firxa wiesgħa ta' setturi ekonomiċi sabiex jiġu ffaċilitati x-xiri u l-bejgħ ta' prodotti u ta' servizzi bejn l-UE u l-Istati Uniti.  L-UE u l-Istati Uniti jridu wkoll jagħmluha iktar faċli għall-kumpaniji tagħhom li jinvestu fl-ekonomija ta' xulxin.

L-idea ta’ ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti mhijiex xi ħaġa ġdida.  Fil-fatt, gvernijiet, negozji u akkademiċi ilhom jiddiskutu dwaru għal żmien twil.  F’dawn l-aħħar snin, l-UE u l-Istati Uniti bdew iħossu li wasal iż-żmien li jsir xi ħaġa dwar din l-idea. 

Qabel ma ddeċidew li jvaraw in-negozjati, fl-2011 l-UE u l-Istati Uniti waqqfu grupp ta’ ħidma ta’ esperti tal-gvern biex jaraw xi ftehim dwar il-kummerċ u l-investiment jista' jiġi żviluppat bejn iż-żewġ potenzi ekonomiċi.  Il-grupp kien ippresedut b’mod konġunt mill-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ u mir-Rappreżentant tal-Istati Uniti għall-Kummerċ. Il-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli dwar l-Impjiegi u t-Tkabbir, hekk kif kien magħruf, analizza fil-fond l-opportunitajiet u d-diffikultajiet potenzjali li jista' jġib miegħu ftehim.  Huwa kkonkluda li ftehim komprensiv li jkopri s-setturi kollha jkun ferm pożittiv, billi jiftaħ il-kummerċ u jagħti s-spinta tant mistennija lit-tkabbir ekonomiku u lill-ħolqien tal-impjiegi, fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.  Hu rrakkomanda t-tnedija tan-negozjati.

Id-deċiżjoni biex jingħata bidu għan-negozjati tirriżulta fil-biċċa l-kbira tagħha mill-kriżi ekonomika kontinwa u mill-waqfien tan-negozjati kummerċjali multilaterali fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ - l-hekk imsejħa Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp.  Barra minn hekk, ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni tal-UE u l-prezzijiet għoljin tal-komoditajiet ifissru li ż-żewġ naħat huma lesti li jiddiskutu l-agrikoltura u li jinnegozjaw dwar il-ftuħ tas-swieq tagħhom.

Ftehim dwar il-kummerċ u l-investiment bejn l-akbar żewġ ekonomiji dinjija jippreżenta l-opportunità li tingħata spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

Bħalma dejjem tagħmel qabel ma tiddeċiedi li tinnegozja ftehim kummerċjali, l-UE wettqet valutazzjoni tal-impatt tal-effetti potenzjali tal-ftehim.  Din il-valutazzjoni eżaminat mhux biss l-impatt ekonomiku potenzjali, iżda anke l-impatti soċjali u ambjentali possibbli.  Hija ħarset lejn x'jista' jiġri b'riżultat tal-livelli differenti ta' liberalizzazzjoni tal-kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti.  F'kull każ, l-eżitu globali kien pożittiv għall-UE; iżda kien jidher biċ-ċar li aktar ma kien hemm liberalizzazzjoni, aktar ir-riżultat globali kien wieħed pożittiv.  

Wieħed mill-istudji li fuqhom kienet imsejsa l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni kien rapport indipendenti miċ-Ċentru tar-Riċerka għall-Politika Ekonomika (Centre for Economic Policy Research - CEPR) ibbażat f'Londra, li kien ikkummissjonat mill-UE.  L-istudju, intitolat “Reducing barriers to Transatlantic Trade" (Jitnaqqsu l-ostakli għall-Kummerċ Transatlantiku), jiddeskrivi b'mod ġenerali l-effetti ekonomiċi ta’ TTIP fuq l-UE u fuq l-Istati Uniti.

Hu jissuġġerixxi li l-ekonomija tal-UE tista’ tibbenefika minn EUR 119-il biljun fis-sena – ekwivalenti għall-ammont ta’ EUR 545 addizzjonali għal familja medja fl-UE.  Skont l-istudju, l-ekonomija tal-Istati Uniti tista' tikseb EUR 95 biljun addizzjonali fis-sena jew EUR 655 għal kull familja Amerikana.  Dawn il-benefiċċji mhux se jqumu ħafna flus għax se jkunu jirriżultaw mit-tneħħija ta' tariffi u ta’ regoli u kumplikazzjonijiet burokratiċi bla bżonn li jrendu diffiċli x-xiri u l-bejgħ minn naħa għal oħra tal-Atlantiku. Kulħadd se jibbenefika mit-tkabbir ekonomiku addizzjonali, mistenni li jiġi mat-TTIP.  It-tisħiħ tal-kummerċ huwa mod tajjeb kif jissaħħu l-ekonomiji tagħna billi tinħoloq żieda fid-domanda u fil-provvista mingħajr il-bżonn li jkun hemm żieda fl-infiq pubbliku jew fis-self.  It-TTIP ikun jikkostitwixxi l-orħos pakkett ta’ stimulu immaġinabbli. 

Minkejja li t-tariffi bejn l-UE u l-Istati Uniti huma diġà baxxi (medja ta' 4 %), id-daqs ikkombinat tal-ekonomiji tal-UE u tal-Istati Uniti u l-kummerċ ta' bejniethom ifissru li t-tneħħija tat-tariffi se sservi ta' ġid għall-impjiegi u għat-tkabbir.  Il-qasam fejn dawn in-negozjati jistgħu jagħmlu tfaddil reali għan-negozju, joħolqu l-impjiegi u joffru valur aħjar għall-konsumaturi huwa dak fejn jitneħħew ir-regoli u r-regolamenti bla bżonn – l-hekk imsejħa Ostakli Nontariffarji jew ONT.  L-ONT jirriżultaw minn differenzi fir-regolamenti u fl-istandards.  It-tneħħija tagħhom tista’ tkun ikkumplikata minħabba li, minkejja li kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti għandhom sistemi żviluppati sew għall-iżgurar tas-sikurezza u tal-protezzjoni tal-konsumaturi, dawn spiss jadottaw approċċi differenti biex jilħqu l-istess għan.  L-obbligu li wieħed jikkonforma ma’ żewġ settijiet ta’ regoli separati jista' jieħu l-ħin u jiswa l-flus.

Il-kost biex tiġi indirizzata l-burokrazija bla bżonn jista’ jżid l-ekwivalenti tat-tariffi ta’ 10-20 % mal-prezz tal-prodott, spiża żejda li trid titħallas mill-konsumatur.  Tabilħaqq, studju indipendenti intitolat "Reducing barriers to Transatlantic Trade" (Jitnaqqsu l-Ostakli għall-Kummerċ Transatlantiku) li twettaq miċ-Ċentru tar-Riċerka għall-Politika Ekonomika (CEPR) ibbażat f’Londra, jikkalkula li sa 80 % tal-benefiċċji ekonomiċi tat-TTIP ikunu jirriżultaw mit-tnaqqis tal-kosti imposti mill-burokrazija u mir-regolamenti, u mil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fl-għoti ta' servizzi u fl-offerti tal-gvern.  Eżempji prattiċi ta’ dan ikunu:

  • Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti għandhom standards għolja ta’ sikurezza għall-karozzi.  It-TTIP tista’ jagħmilha possibbli għall-UE u għall-Istati Uniti li jirrikonoxxu l-istandards ta' xulxin sabiex il-karozzi li jkunu ġew ippruvati li jkunu sikuri għall-bejgħ fuq naħa tal-Atlantiku jkunu jistgħu jinbiegħu fuq in-naħa l-oħra mingħajr il-ħtieġa li jiġu sottomessi għal testijiet ulterjuri jew li jiġu adattati biex jissodisfaw speċifikazzjonijiet addizzjonali;
  • Il-ftuħ tal-offerti tal-gvern tal-Istati Uniti għall-kumpaniji Ewropej tal-kostruzzjoni jista’ jfisser li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jikkompetu għal proġetti kbar tal-bini u tat-trasport pubbliku fl-Istati Uniti.

Il-kumpaniji, il-ħaddiema u ċ-ċittadini Ewropej jibbenefikaw ħafna minn suq Amerikan aktar miftuħ.  L-UE għandha bosta kumpaniji kompetittivi ħafna li jipproduċu prodotti u servizzi tal-aħjar kwalità, inklużi ħafna li huma minn ta' quddiem nett fid-dinja kif ukoll ditti rinomati.   Fl-agrikoltura, pereżempju, ir-regolamenti tal-Istati Uniti dwar is-saħħa tal-pjanti jipprojbixxu t-tuffieħ Ewropej, filwaqt li r-regoli tagħhom dwar is-sikurezza tal-ikel irendu l-importazzjoni ta' diversi ġobnijiet Ewropej bħala illegali.  L-eliminazzjoni ta’ tariffi u ta' ostakli oħra għall-kummerċ se tippermetti lill-produtturi Ewropej jbigħu aktar lill-Amerikani:  ħaġa tajba kemm għan-negozji kif ukoll għall-impjiegi.  It-tneħħija tal-ostakli tal-UE għall-prodotti u għall-investiment tal-Istati Uniti tfisser li se jkun hemm għażla akbar u prezzijiet orħos għan-nies hawnhekk fl-Ewropa.  Jidher biċ-ċar li ż-żewġ naħiet se jiggwadanjaw mill-ftuħ ulterjuri tas-swieq tagħhom għall-kummerċ u għall-investiment.  Se tkun sitwazzjoni li fiha se jirbaħ kulħadd.

Anki fis-sitwazzjoni attwali fejn iż-żona tal-euro għadha qed tirkupra mill-kriżi ekonomika, il-kummerċ mal-Ewropa joffri possibbiltajiet enormi għas-sħab tagħna Amerikani.  L-UE hija l-akbar ekonomija fid-dinja:  il-500 miljun ċittadin tagħha għandhom introjtu per capita medju ta’ EUR 25,000.

Dan ifisser ukoll li l-UE hija l-akbar suq fid-dinja.  L-UE hi l-akbar importatur ta’ prodotti manifatturati u ta' servizzi, għandha l-akbar stokk ta' investimenti f'pajjiżi barranin u hija l-akbar ospitant tal-investimenti minn kumpaniji barranin fuq livell dinji. 

L-UE hija l-akbar investitur fl-Istati Uniti (fl-2011), it-tieni l-akbar destinazzjoni għall-esportazzjonijiet Amerikani ta’ prodotti (fl-2012) u hija l-akbar suq Amerikan għall-esportazzjonijiet ta' servizzi (fl-2010).

L-UE hija abbli ħafna fin-negozjar ta' ftehimiet ta’ kummerċ ħieles.  Pereżempju, il-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles kumplessi u komprensivi tal-UE mal-Korea t’Isfel u ma' Singapor ġew iffinalizzati relattivament malajr f'erba’ snin biss.  L-UE qed taħdem bis-sħiħ biex tiftaħ is-swieq permezz ta’ negozjati ma’ pajjiżi oħrajn, bħall-Indja, il-Ġappun, il-Vjetnam u l-Malasja.  Bħala waħda mill-aktar ekonomiji miftuħa fid-dinja, hi tibqa’ tikkommetti ruħha għall-kummerċ ħieles.

Fil-politika kummerċjali, il-Kummissjoni Ewropea tinnegozja f’isem l-UE u s-27 Stat Membru tagħha:  vuċi waħda li tirrappreżenta 500 miljun persuna hija aktar effikaċi milli kieku kull Stat Membru tal-UE jipprova jinnegozja separatament.  It-TTIP mhijiex eċċezzjoni u għalhekk il-Kummissjoni, immexxija mill-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ Karel De Gucht, se tirrappreżenta lill-UE mal-mejda tan-negozjati.  Il-Kummissjoni qed tinnegozja fuq il-bażi ta’ linji gwida miftiehma mill-Kunsill, fejn huma rappreżentati l-gvernijiet tal-Istati Membri kollha tal-UE.  Id-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Kummissjoni qed jieħu t-tmexxija f’idejh.  Hu qed jaħdem mill-qrib ma’ dipartimenti oħra tal-Kummissjoni, speċjalment ma' dawk li jittrattaw l-oqsma li fuqhom qed jiffukaw in-negozjati.  Il-lista tal-mexxejja tan-negozjati tal-UE hija disponibbli għall-pubbliku.

Għall-Istati Uniti, ir-Rappreżentant tal-Istati Uniti għall-Kummerċ (United States Trade Representative - USTR) huwa n-negozjatur prinċipali. 

Matul in-negozjati, il-Kummissjoni Ewropea qed iżżomm lill-Istati Membri fil-Kunsill u lill-Parlament Ewropew infurmati bl-iżviluppi.  Fl-aħħar, ladarba n-negozjaturi jkunu laħqu ftehim, il-Kunsill flimkien mal-Parlament Ewropew, se jinżammu responsabbli mill-eżami u l-approvazzjoni jew iċ-ċaħda tal-ftehim finali.  Min-naħa tal-Istati Uniti, din id-deċiżjoni taqa' f'idejn il-Kungress tal-Istati Uniti.

L-ewwel sensiela ta' negozjati saret f'Lulju b'aktar sensieli jsiru kull ftit ġimgħat.

Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti jridu jevitaw taħdidiet li jieħdu s-snin.  L-idea ġenerali hija li għandu jkun possibbli li jintlaħaq ftehim fi ftit snin, iżda, naturalment, l-iktar ħaġa importanti hija li jinkiseb riżultat tajjeb.

Il-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli imwaqqaf mill-UE u mill-Istati Uniti biex jagħti ħarsa lejn l-effetti potenzjali ta’ ftehim dwar il-kummerċ u l-investiment, ipproduċa rapport li jistipula għadd ta’ rakkomandazzjonijiet.

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jipprovdu lin-negozjaturi b'bażi tajba biex ikunu jistgħu jibdew.

In-negozjati għat-TTIP se jkopru ħafna partijiet tal-ekonomija, inklużi l-manifattura, is-servizzi u l-agrikoltura.  Permezz tat-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ, hi se tagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku, se toħloq l-impjiegi u se tnaqqas il-prezzijiet.  Studju indipendenti li twettaq miċ-Ċentru tar-Riċerka għall-Politika Ekonomika (CEPR) ibbażat f’Londra jissuġġerixxi li l-ekonomija tal-UE tista’ tibbenefika minn EUR 119-il biljun fis-sena - ekwivalenti għal EUR 545 għal familja medja tal-UE - u li għall-Istati Uniti, il-benefiċċju jkun ta' EUR 95 biljun fis-sena. 

L-esportazzjonijiet minn kull parti tal-ekonomija huma mistennija li se jiżdiedu; ħaġa tajba għall-impjiegi.  Ċerti setturi probabbilment se jżidu l-esportazzjonijiet tagħhom aktar minn oħrajn.  L-esportazzjonijiet tal-UE ta’ vetturi bil-mutur lejn l-Istati Uniti, pereżempju, huma mbassra li se jiżdiedu b’149 %.  Din iċ-ċifra parzjalment tirrifletti l-importanza tal-kummerċ bilaterali ta’ parts u ta' komponenti u l-integrazzjoni ulterjuri mistennija taż-żewġ industriji min-naħa u mill-oħra tal-Atlantiku. 

Mhux il-kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti biss huwa mistenni li se jikber:  bħala riżultat taż-żieda fid-domanda għall-materja prima, għall-komponenti u għal inputs oħrajn, l-esportazzjonijiet tal-UE lejn pajjiżi oħra huma mbassra li se jiżdiedu wkoll.   Huwa previst li l-esportazzjonijiet ta’ prodotti tal-metall lejn il-bqija tad-dinja se jiżdiedu bi + 12 %, dawk tal-ikel ipproċessat b'+ 9 %, tas-sustanżi kimiċi b'+ 9 %, ta' prodotti manifatturati oħrajn b'+ 6 % u ta’ tagħmir ieħor tat-trasport b'+ 6 %.  It-TTIP se tkun ftehim kummerċjali adattat għas-seklu 21 - iż-żieda fin-negozju mhux biss se tkun ta’ benefiċċju għall-kumpaniji multinazzjonali, iżda anke għall-impriżi ta’ daqs żgħir u medju, billi jesportaw direttament jew bħala fornituri ta' kumpaniji ikbar.

It-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fil-produttività maħluqa mill-ftehim se jkunu ta’ benefiċċju għall-ħaddiema fl-UE u fl-Istati Uniti, kemm f’termini ta’ pagi ġenerali kif ukoll f'dak li jirrigwarda opportunitajiet ġodda ta’ xogħol, mhux biss għall-ħaddiema bi kwalifiki għoljin iżda anke għal dawk bi ftit kwalifiki.

It-taħdidiet attwali probabbilment se jieħdu ftit snin.  Wara, il-Ftehim irid jiġi approvat min-naħa tal-UE mill-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri kollha tal-UE u min-naħa tal-Amerikani mill-Kungress tal-Istati Uniti.  Nixtiequ naraw kemm jista' jkun tariffi u ostakli oħra għall-kummerċ jitneħħew hekk kif il-Ftehim jiġi approvat u jsir liġi.  Aktar ma dan iseħħ malajr, aktar nibdew ilkoll ingawdu mill-benefiċċji malajr.  Minkejja dan, xi bidliet jistgħu jiddaħħlu gradwalment maż-żmien.

B’mod ġenerali, kulħadd fl-UE għandu jibbenefika mit-TTIP – b’ammont ta' madwar EUR 545 għal familja medja tal-UE.  Dan il-qligħ se jkun fil-forma ta’ prodotti u servizzi orħos.  Il-prezzijiet se jorħsu minħabba li t-tariffi tal-importazzjoni fuq prodotti mill-Istati Uniti se jiġu aboliti u se jitneħħew regoli mhux neċessarji li jimponu kosti fuq ix-xiri u l-bejgħ bejn l-UE u l-Istati Uniti.  Iżda se nibbenefikaw ukoll mill-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti li jaċċettaw l-istandards tekniċi ta’ xulxin f’ħafna oqsma, u għalhekk, minflok ma jkollhom jipproduċu prodotti b'żewġ settijiet separati ta’ speċifikazzjonijiet, il-manifatturi se jkunu jistgħu jsegwu sett wieħed biss ta’ regoli kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Uniti.  Dan it-tnaqqis fil-“burokrazija żejda” se jnaqqas il-kosti u, konsegwentement, il-prezzijiet.

M’aħniex se ninnegozjaw il-livelli eżistenti ta’ protezzjoni għal raġunijiet ta’ ftehim.  Il-livell għoli ta’ protezzjoni tagħna hawnhekk fl-Ewropa mhuwiex negozjabbli.  Iżda ejjew ma ninsewx li l-Istati Uniti wkoll jieħdu l-protezzjoni taċ-ċittadini tagħhom b’serjetà kbira.  Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti huma impenjati għal livelli għolja ta’ protezzjoni għaċ-ċittadini tagħna, iżda nipproċedu b’modi differenti.  L-UE xi drabi tiddependi iktar fuq ir-Regolamenti, l-Istati Uniti aktar fuq il-litigazzjoni.  Iż-żewġ approċċi jistgħu jkunu effettivi, iżda l-ebda wieħed mhu perfett.  Hemm lok biex nitgħallmu minn xulxin. 

Din mhix tellieqa ‘l isfel.  Li r-regolamenti tagħna jsiru aktar kompatibbli ma jfissirx li jmorru lejn l-iżgħar d-denominatur komuni, iżda minflok naraw fejn niżvijaw bla bżonn.  Mhu se jkun hemm l-ebda kompromess fuq is-sikurezza, il-protezzjoni tal-konsumatur jew l-ambjent.  Iżda se jkun hemm ir-rieda li neżaminaw b’mod prammatiku jekk nistgħux nagħmlu l-affarijiet aħjar u b’mod aktar koordinat.  Ovvjament, kull naħa se żżomm id-dritt li tirregola kwistjonijiet ambjentali, ta' sikurezza u ta' saħħa fil-livell li kull naħa tqis li jkun xieraq.

Le, mhux ser tiġi mġiegħla tagħmel dan.  Il-liġijiet bażiċi, bħal dawk marbuta mal-OĠM jew li qegħdin hemm biex jipproteġu l-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, jew l-interess tal-ambjent u tal-konsumatur mhux se jkunu parti min-negozjati.

Skont ir-regoli tal-UE, l-OĠM li ġew approvati għall-użu bħala ikel, għall-għalf tal-annimali jew bħala għelejjel għaż-żriegħ diġà jistgħu jinbiegħu fl-UE.  L-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni huma vvalutati mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u mbagħad jintbagħtu lill-Istati Membri tal-UE għall-opinjoni tagħhom.  S'issa ġew awtorizzati 52 OĠM.  Il-valutazzjoni tas-sigurtà li twettaq l-EFSA qabel ma jitpoġġa fis-suq kwalunkwe OĠM u l-proċedura ta' ġestjoni tar-riskju mhux se jiġu affettwati min-negozjati.

L-UE u l-Istati Uniti diġà jiskambjaw informazzjoni dwar politika, regolamenti u kwistjonijiet tekniċi fir-rigward tal-OĠM.  Kooperazzjoni ta' dan it-tip tgħin sabiex timminimizza l-effett fuq il-kummerċ tas-sistemi rispettivi tagħna għall-approvazzjoni tal-OĠM.  Aħna nqisu t-TTIP bħala opportunità sabiex nappoġġjaw din il-kooperazzjoni.

Le, dan mhux se jiġri.  Waqt in-negozjati mhux se tiġi kompromessa s-saħħa tal-konsumaturi tagħna għal qligħ kummerċjali.  Il-liġijiet ħarxa tal-UE, bħal dawk marbuta mal-ormoni, jew dawk li qegħdin hemm biex jipproteġu l-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, jew l-interess tal-ambjent u tal-konsumatur mhux se jkunu parti min-negozjati.

Le, dan mhux se jiġri. 

L-ewwel nett, is-swali taċ-ċinema u l-istazzjonijiet tat-televiżjoni tagħna diġà juru ħafna films Amerikani.  L-Ewropa mhijiex magħluqa għall-films Amerikani.

It-tieni nett, l-industrija vibranti Ewropea tal-films mhix se tinqatel minn fluss qawwi ta' films u serji televiżivi ġodda Amerikani. L-UE għandha regoli biex tipproteġi d-diversità kulturali tal-Ewropa, bħar-rikkezza li tiġi mill-bosta lingwi mitkellma fil-kontinent tagħna.  L-UE u l-Istati Membri għandhom liġijiet biex jissalvagwardjaw u jippromwovu d-diversità kulturali, pereżempju fil-produzzjoni tal-films u fil-programmi tat-televiżjoni – l-hekk imsejjaħ settur awdjoviżiv.  L-UE mhijiex se tikkomprometti dan id-dritt u l-kapaċità li tipproteġi l-patrimonju kulturali Ewropew.

Fil-linji gwida tan-negozjati, l-Istati Membri għamluha ċara lill-Kummissjoni li s-settur awdjoviżiv mhuwiex parti min-negozjati li għandhom x'jaqsmu mas-servizzi u mad-dritt ta' stabbiliment.

Le. It-TTIP mhux se tannulla, tħassar jew temenda l-liġijiet u r-regolamenti tal-UE b'mod awtomatiku.  Kwalunkwe bidliet li jsiru fil-liġijiet, fir-regoli jew fir-regolamenti tal-UE sabiex jiġi lliberalizzat il-kummerċ iridu jiġu approvati mill-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.

Ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti se jkollu effetti konsekwenzjali fuq l-ekonomija dinjija.  Pereżempju, iż-żieda fil-kummerċ bejn iż-żewġ ġganti ekonomiċi se tgħolli id-domanda għall-materja prima, għall-komponenti u għal inputs oħrajn prodotti minn pajjiżi oħra.  Dan huwa mistenni li jżid ammont ulterjuri ta’ EUR 100 biljun fl-ekonomija dinjija apparti l-kummerċ addizzjonali bejn l-UE u l-Istati Uniti.  Aktar ma l-ftehim milħuq bejn l-UE u l-Istati Uniti jkun estensiv, aktar ikunu kbar il-benefiċċji għall-bqija tad-dinja.

L-armonizzazzjoni tal-istandards tekniċi tal-UE u tal-Istati Uniti aktarx tista’ tipprovdi l-bażi għal standards globali:  id-daqs tas-suq transatlantiku tant huwa kbir li, kieku kellu sett uniku ta’ regoli, ikun fl-interess tal-pajjiżi l-oħra li jadottawhom ukoll.  B’dan il-mod, huma jkollhom jipproduċu biss prodotti għal sett wieħed ta’ speċifikazzjonijiet, u dan jagħmel il-kummerċ madwar id-dinja aktar faċli u irħas.

Le. L-ACTA – il-"Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda kontra l-Falsifikazzjoni" – kien maħsub biex itemm il-kummerċ ta’ oġġetti falsifikati.  Huwa ovvju li l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew – li vvota kontra l-ACTA – se tiġi rrispettata b’mod sħiħ.  Mhu se jkun hemm l-ebda ACTA li jirnexxielu jidħol b'mod ieħor.

It-TTIP se tkun ftehim usa’ ħafna li jkopri bosta setturi ekonomiċi.  Il-kwistjonijiet ta' Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali (Intellectual Property Rights - IPR) – bħar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u l-marki kummerċjali – se jkunu biss element wieħed ta’ dan.  Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti diġà għandhom regoli effiċjenti għall-protezzjoni tas-sistemi tal-IPR, anke jekk dawn kultant jieħdu approċċ differenti biex jiksbuha.  Ma għandna l-ebda intenzjoni li narmonizzaw il-liġijiet tal-UE u tal-Istati Uniti dwar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali.  Peress li tippermettielna nħarsu lejn għadd limitat ta’ kwistjonijiet importanti tal-IPR li huma ta’ interess kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Uniti, it-TTIP tista' tagħmel il-kummerċ bejnietna aktar faċli mingħajr ma ddgħajjef dawn ir-regoli. 

Il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri tal-UE u l-Parlament Ewropew kollha jemmnu li s-Soluzzjoni għat-Tilwim bejn l-Istat u l-Investituri (Investor to State Dispute Settlement - ISDS) hija għodda importanti għall-protezzjoni tal-investituri tal-UE barra minn pajjiżhom.

Il-fatt li pajjiż għandu sistema legali b’saħħitha mhux dejjem jiggarantixxi li l-investituri barranin se jkunu protetti b’mod xieraq. Gvern jista’ jesproprja investitur (pereżempju permezz tan-nazzjonalizzazzjoni) jew jgħaddi liġijiet li jagħmlu l-investiment tiegħu bla valur, pereżempju billi f’daqqa waħda jipprojbixxi prodott magħmul f’fabbrika li hi proprjetà ta’ investitur barrani mingħajr ma jitħallas kumpens filwaqt li ma jiġux ipprojbiti l-prodotti magħmula minn kumpaniji domestiċi. Jekk l-investituri ma jitħallewx jidħlu fil-qrati lokali jew il-qrati lokali ma jkunux kapaċi jittrattaw talba b’mod effikaċi, allura ma jkollhomx fejn iressqu talba għal kumpens. F’ċirkustanzi bħal dawn, dispożizzjoni ta' ISDS fi ftehim tal-investiment tipprovdi sigurtà għall-investituri għaliex tiggarantilhom forum li fih titressaq talba għal kumpens.

Għalkemm l-UE u l-Istati Uniti huma ekonomiji żviluppati, l-investituri xorta jistgħu jiltaqgħu ma’ problemi li jaffettwaw l-investimenti tagħhom u li s-sistemi tal-qrati domestiċi tagħhom mhux dejjem ikunu kapaċi jittrattaw b’mod effikaċi. Għalhekk nemmnu li hemm valur miżjud ċar fl-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet fit-TTIP li jipproteġu lill-investituri. U, peress li ġġib flimkien iż-żewġ ekonomiji ewlenin fid-dinja, it-TTIP se tistabbilixxi standards għall-futur.

L-inklużjoni ta' miżuri għall-protezzjoni tal-investituri ma twaqqafx lill-gvernijiet milli jgħaddu liġijiet, u lanqas ma twassal għal tħassir ta' liġijiet. L-aktar l-aktar, tista’ twassal għal kumpens. L-Istati Membri tal-UE ilhom is-snin jaħdmu fuq regolamentazzjonijietu għalkemm għandhom madwar 1,400 ftehim bħal dan diġà fis-seħħ. Dawn il-ftehimiet ma waqqfuhomx milli jallinjaw irwieħhom mal-acquis sħiħ tal-UE matul in-negozjati għall-adeżjoni tagħhom mal-UE. Fi kwalunkwe każ, l-UE qed taħdem biex tipprovdi saħansitra aktar ċarezza biex tiżgura li azzjoni regolatorja ġenwina ma tkunx tista' tiġi kkontestata b'suċċess.

Il-Kummissjoni Ewropea tagħraf li s-sistema tista’ tittejjeb u kienet attiva ħafna fl-iżvilupp tar-regoli l-ġodda tan-Nazzjonijiet Uniti għat-trasparenza għall-ISDS. Fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali li qiegħda tinnegozja, l-UE qed timmira li jkollha regoli aħjar, pereżempju dwar il-kontroll governattiv tal-arbitri, dwar kodiċi ta' kondotta għall-arbitri, eċċ.

Le, xejn affattu.  Il-fatt li l-UE u l-Istati Uniti ddeċidew li jniedu negozjat bilaterali ma jfissirx li ma għadhomx impenjati b'approċċ multilaterali li jinvolvi kemm jista’ jkun pajjiżi.  Tabilħaqq, ħdimna ħafna biex niksbu ftehim fil-laqgħa tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) li saret f’Bali fejn 159 pajjiż ftiehmu dwar miżuri li se jġibu benefiċċji enormi lill-ekonomija dinjija u speċjalment fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.  Iktar minn hekk, il-ftehim f'Bali jirrappreżenta spinta għad-WTO u s-sistema multilaterali u se jgħin biex in-negozjati multilaterali b'rabta mal-kummerċ tad-WTO - l-hekk imsejħa ċ-Ċiklu ta' Doha - jerġgħu jibdew mexjin.  Bl-istess mod, it-TTIP tista’ wkoll tħeġġeġ lill-oħrajn biex jerġgħu jqajmu n-negozjati mad-WTO.  Barra minn hekk, jekk l-UE u l-Istati Uniti huma kapaċi jarmonizzaw ħafna mir-regolamenti u l-istandards tagħhom, dan jista’ jaġixxi bħala bażi għall-ħolqien ta’ regoli globali, bl-iffrankar tal-ispejjeż u bil-benefiċċji ekonomiċi kollha li jġib miegħu.

Sabiex in-negozjati kummerċjali jaħdmu u jirnexxu, jeħtieġ li jkun hemm ċertu livell ta’ kunfidenzjalità, inkella jiġri bħal meta wieħed juri l-karti tiegħu lill-kompetituri tiegħu waqt logħba tal-karti.

Madankollu, waqt in-negozjati, il-Kummissjoni Ewropea se tkompli tikkomunika mal-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ, mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u mar-rappreżentanti l-oħra tas-soċjetà ċivili.

Il-Kummissjoni Ewropea se żżomm lill-Istati Membri – fil-Kunsill – u lill-Parlament Ewropew infurmati bl-iżviluppi.  Fi tmiem in-negozjati, dawn iż-żewġ istituzzjonijiet – il-Kunsill li jinkludi r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri u l-Parlament Ewropew li huwa elett b’mod dirett – japprovaw jew jiċħdu l-Ftehim.

Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni Ewropea sabet li x'aktarx l-impatt ambjentali globali tat-TTIP mal-Istati Uniti se jkun wieħed żgħir.  Anki jekk ikun hemm ħafna liberalizzazzjoni, din bassret biss żieda limitata ħafna fl-emissjonijiet globali tas-CO2.  Hija ssuġġeriet ukoll li l-effetti sekondarji negattivi possibbli ta' TTIP - bħal żieda fl-iskart, tnaqqis fil-bijodiversità, u aktar użu tar-riżorsi naturali - fil-parti l-kbira tagħhom għandhom jiġu kkumpensati mill-benefiċċji ta' aktar kummerċ fil-prodotti u s-servizzi ambjentali.

Issa li bdew in-negozjati, il-Kummissjoni Ewropea se tniedi valutazzjoni tal-impatt għas-sostenibbiltà tal-kummerċ (VIS tal-Kummerċ).  Il-VIS tal-Kummerċ se jħares b'mod partikulari lejn l-impatti potenzjali tat-TTIP fuq l-ambjent u s-soċjetà.  Din se ssir minn kuntrattur indipendenti u se tinkludi proċess ta' konsultazzjoni rappreżentattiv li jinvolvi lill-partijiet interessati u lis-soċjetà ċivili kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Uniti.  Il-proċess se jipprovdi opportunitajiet ġenwini għal konsultazzjoni, ġbir ta' informazzjoni, u disseminazzjoni tar-riżultati.

Le. L-UE u l-Istati Uniti ilhom li rrikonoxxew li aħna t-tnejn nirregolaw il-privatezza tad-dejta b’mod differenti.  Madankollu, n-negozjati TTIP mhumiex qegħdin hemm biex dawn id-differenzi jiġu indirizzati.  Aħna diġà żviluppajna modi adekwati għall-immaniġġjar ta' flussi transatlantiċi tad-dejta - pereżempju, bil-Ftehim Safe Harbour.  Barra minn hekk, bħalissa qegħdin f’taħditiet mal-Istati Uniti dwar l-aċċess għal dejta mill-awtoritajiet tal-infurzar.  L-għan hu li jinkiseb “Ftehim Ġeneriku" dwar il-protezzjoni tad-dejta biex issaħħaħ l-isforzi konġunti tagħna għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati serji.  Dawn it-taħditiet mhumiex se jkunu affettwati permezz tat-TTIP. 

Le, l-armonizzazzjoni mhix fuq l-aġenda.  Kemm l-UE u l-Istati Uniti għandhom ħafna standards u regolamenti.  Fejn dawn ivarjaw dawn jistgħu jimponu aktar spejjeż fuq min jimmanifattura, pereżempju billi jkollhom joperaw linji ta’ produzzjoni separati.  Fl-aħħar mill-aħħar, dawn l-ispejjeż jiġu mgħoddija lill-konsumatur.

It-TTIP mhix qiegħda hemm biex tipprova tikkonvinċi lil xulxin li nbiddlu s-sistemi rispettivi tagħna, iżda pjuttost biex insibu mezz biex is-sistemi tagħna jaħdmu aktar faċilment.  Vetturi, strumenti mediċi u prodotti farmaċewtiċi huma tliet oqsma fejn b'mod partikolari hemm lok għal konverġenza regolatorja.