Mogħdija tan-navigazzjoni

Vetturi u liċenzji tas-sewqan

SOLVIT jgħin l-importazzjoni bit-trejlers fil-Bulgarija

Ċittadin Olandiż majitħalliex jimporta trejler fil-Bulgarija.

Billi t-trejlers eħfef minn 750 kg m'hemmx bżonn li jirreġistraw fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-importatur ma kellux dokument ta’ reġistrazzjoni – għaldaqstant, l-awtoritajiet Bulgari rrifjutaw li jirreġistraw it-trejler.

SOLVIT għen lill-importatur jgħaddi mit-test tal-konformità tal-vetturi fil-Bulgarija, u b'hekk seta' jirreġistra t-trejler.

Każ solvut fi 13-il ġimgħa.

Aktar dwar: Registrazzjoni tal-vetturi


Permess għal karozza Estonjana fil-Finlandja

Ċittadin Estonjan li kien ilu sentejn u nofs jgħix u jaħdem fil-Finlandja kera karozza minn kumpanija Estonjana għall-użu personali fil-Finlandja.

Id-dogana Finlandiża ssekwestrat il-karozza Estonjana, u qalet li skont il-liġi Finlandiża tat-tassazzjoni, il-karozza setgħet tiġi rrilaxxata biss wara l-ħlas ta’ ċerti taxxi ta’ reġistrazzjoni tal-vettura, anki jekk parti kbira minnhom kienet diġà tħallset fl-Estonja.

Wara l-intervent tal-uffiċċju tas-SOLVIT fil-Finlandja, ġie stabbilit li t-taxxa Finlandiża tar-reġistrazzjoni tal-vetturi setgħet tkun xkiel għal-libertà tal-forniment transfruntier tas-servizzi għall-kumpaniji tal-kiri fl-UE.

L-awtoritajiet tat-taxxa Finlandiża rrivedew il-każ u applikaw rata tat-taxxa xierqa.

Każ solvut fi 10 ġimgħat.

Aktar dwar: Registrazzjoni tal-vetturi


Sewwieq tat-trakkijiet Spanjol jirnexxilu jibdel id-dokumenti Belġjani għal Spanjoli

Spanjol li kien jgħix fil-Belġju xtaq jaħdem fi Spanja bħala trasportatur professjonali. Biex jagħmel dan, kellu bżonn jibdel iċ-ċertifikat ta’ kompetenza professjonali u l-liċenzja tas-sewqan tiegħu, li kienu nħarġu mill-Belġju.

Iżda ltaqa' ma’ bosta diffikultajiet u qatta’ iktar minn 8 xhur jipprova jirregolarizza d-dokumenti kollha.

Dan kien qed inaqqas iċ-ċans li jsib impjieg.

Wara l-intervent tas' SOLVIT, irċieva d-dokumenti meħtieġa.

Każ solvut fi ġimagħtejn.

Aktar dwar: Liċenzji tas-sewqan


Sewwieq tat-trakkijiet Belġjan irċieva liċenzja tas-sewqan bla restrizzjoni fi Spanja

Meta sewwieq tat-trakkijiet Belġjan li jgħix fi Spanja biddel il-liċenzja tas-sewqan Belġjana tiegħu għal waħda Spanjola. Kien mistagħġeb għax bil-liċenzja l-ġdida, għall-ewwel sena, ma setax jagħmel vjaġġi ta' aktar minn 50km.

Bis-saħħa tal-intervent SOLVIT, l-awtoritajiet Spanjoli ntebħu li kienu għamlu żball u neħħew ir-restrizzjoni mil-liċenzja tiegħu.

Każ solvut fi 8 ġimgħat.

Aktar dwar: Liċenzji tas-sewqan