Mogħdija tan-navigazzjoni

Assigurazzjoni tas-saħħa f'pajjiż ieħor

Studenta Awstrijaka ma jkollhiex tħallas il-kont tal-isptar fil-Pajjiżi l-Baxxi

Studenta Awstrijaka kellha bżonn operazzjoni waqt li kienet qed tistudja fil-Pajjiżi l-Baxxi.

Skont ir-regoli tal-UE, kellha d-dritt li tiġi ttrattata bl-istess mod bħan-nies assigurati fil-Pajjiżi l-Baxxi. Dan kien ifisser li l-isptar kellhom jibagħtu l-kont direttament lill-assiguratur tagħha — minflok ma talbuha tħallas il-kont.

SOLVIT stqarr li dan ikun ikkunsidrat bħala diskriminatorju. L-isptar ikkoreġa l-kont u bagħat il-kont lill-entità rilevanti tal-assigurazzjoni fl-Awstrija.

Każ solvut fi 4 ġimgħat.

Aktar dwar: Kura tas-saħħa għal studenti barra minn pajjiżhom


Pazjenta Brittanika ma jkollhiex tħallas għal konsultazzjoni tat-tabib fil-Bulgarija

Ċittadina Brittanika, residenti fil-Bulgarija, intalbet il-flus għal konsultazzjoni tat-tabib fil-Bulgarija — minkejja li ppreżentat id-dokumenti rilevanti.

It-tabib tagħha rrifjuta li jaċċetta l-karti tagħha, u stqarr li ma kien irċieva l-ebda tagħrif jew gwida fir-rigward tat-trattment ta' pazjenti minn pajjiżi oħra tal-UE.

Iżda ċittadini Bulgari ma jintalbux ħlas għal konsultazzjonijiet tat-tabib u l-liġi tal-UE tirrikjedi li ċittadini tal-UE jiġu trattati bl-istess mod bħaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż.

Wara l-intervent ta’ SOLVIT, l-awtoritajiet Bulgari bagħtu ittra lill-pazjent u kkonfermaw drittijietha. It-tabib irtira t-talba għal ħlas dirett mill-pazjent.

Każ solvut fi 8 ġimgħat.

Aktar dwar: L-assigurazzjoni tas-saħħa meta tmur tgħix f'pajjiż barrani


Ġermaniża tista' tagħmel l-eżami mediku fi Spanja

Ġermaniża li tgħix Spanja nċaħdilha r-rimborż għal eżaminazzjonijiet mediċi, għax id-dokumenti tal-assigurazzjoni tas-saħħa tal-Ġermanja ġew irrifjutati mill-awtoritajiet Spanjoli. Wara l-intervent tas-SOLVIT, il-mara ġiet informata bid-dokumenti li kellha bżonn, u rnexxielha tikseb ir-rikonoxximent tad-dokumenti tal-assigurazzjoni tas-saħħa tagħha.

Każ solvut fi 4 ġimgħat.

Aktar dwar: L-assigurazzjoni tas-saħħa meta tmur tgħix barra


Belġjan kiseb permess għal-kirurġija speċjalizzata fi Franza

Ċittadin Belġjan kiseb awtorizzazzjoni mingħand l-assiguratur tas-saħħa tiegħu għal operazzjoni tal-ernja fi klinika speċjalizzata fi Franza.

Iżda l-organizzazzjoni għall-assigurazzjoni tas-saħħa Franċiża qaltlu li din il-kirurġija ma tkunx rimborżata — anki jekk din it-tip ta’ operazzjoni normalment tiġi rimborżata fi Franza. Il-pożizzjoni tal-assiguratur Franċiż tmur kontra l-liġi tal-UE. Meta tiġi awtorizzat mill-assiguratur tas-saħħa f'pajjiżek tirċievi trattament tas-saħħa mhux urġenti f’pajjiż ieħor tal-UE, tkun intitolat li tirċievi trattament taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż.

SOLVIT Franza indikat li din kienet applikazzjoni skorretta tal-liġi tal-UE u kkonvinċa lill-assiguratur tas-saħħa Franċiż biex jirranġa l-qagħda. Imbagħad bagħat tariffa emendata mingħand l-awtoritajiet tas-saħħa Belġjani, u l-Belġjan irċieva rimborż tal-ispejjeż tal-operazzjoni.

Każ solvut fi 8 ġimgħat.

Aktar dwar: Trattament ippjanat fl-UE


SOLVIT għen lil ċittadin Grieg jikseb ir-rimborż tal-ispejjeż tal-isptar fir-Repubblika Ċeka

Ċittadin Grieg kellu jiddaħħal l-isptar meta kien qed jivvjaġġa fir-Repubblika Ċeka. Sena wara rċieva kont mill-isptar ikkonċernat ta' bosta mijiet ta’ euro – avolja kien ippreżenta l-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC). L-isptar qal li la l-isem u lanqas is-sess taċ-ċittadin ma kienu l-istess bħal dawk indikati fuq l-EHIC.

Din id-diskrepanza irriżultat minħabba t-traduzzjoni mill-Grieg għaċ-Ċek. Barra minn hekk, iċ-ċittadin li oriġinarjament kien imsemmi għal alla mitoloġiku Grieg, kien bidel ismu.

SOLVIT ipprovda lill-Ministeru tas-Saħħa fir-Repubblika Ċeka bl-ispjegazzjonijiet u l-evidenzi neċessarji (in-numru tas-sigurtà soċjali u ċ-ċertifikat tat-twelid) li jagħtu prova li d-detentur tal-EHIC u l-persuna li kienet ġiet trattata fl-isptar kienu l-istess persuna. Wara l-intervent ta’ SOLVIT, iċ-ċittadin irċieva r-rimborż sħiħ tal-ispejjeż li kien ħallas.

Każ solvut fi 3 ġimgħat.

Aktar dwar: Kopertura tas-saħħa għal żjarat temporanji