Mogħdija tan-navigazzjoni

Diskriminazzjoni

Tariffi mhux diskriminatorji għad-dħul fil-monasteri Rumeni

Ċittadin Franċiż ilmenta dwar tariffi tad-dħul diskriminatorji għat-turisti li jżuru monasteri Rumeni.

Il-prezz tal-biljett għal min mhux Rumen kien id-doppju tal-prezz għaċ-ċittadini Rumeni. Billi dan imur kontra l-prinċipji tal-UE, iċ-ċentru tas-SOLVIT fir-Rumanija kkonvinċa lill-awtoritajiet tal-knisja li jistabbilixxu tariffa mhux diskriminatorja għad-dħul fil-monasteri.

Każ solvut fi 9 ġimgħat.


Żvediż jista' jikkompeti f’avvenimenti sportivi fl-Awstrija

Żvediż li jgħix fl-Awstrija ma tħalliex jilgħab l-isport favorit tiegħu, il-curling. Ir-regoli tal-Federazzjoni Awstrijaka tal-Curling kienu jistipulaw li l-atleti mhux Awstrijaċi setgħu jieħdu sehem fil-kampjunat Awstrijak biss jekk ikunu ilhom l-aħħar 18-il xahar jgħixu fl-Awstrija.

Barra minn hekk, atleta barrani wieħed biss kien permess f'kull tim.

SOLVIT ġibed l-attenzjoni li dawn ir-regoli kienu diskriminatorji, u kkonvinċa lill-federazzjoni tneħħi l-kwota għall-barranin mir-regolamenti tagħha.

Każ solvut fi 18-ġimgħa.


Daqshekk tariffi żejda għal bastiment Norveġiż f'port tar-Renju Unit

Bastiment Norveġiż li jġorr il-fertilizzant min-Norveġja lejn l-Irlanda ta’ Fuq ġie impost tariffa ogħla minn bastimenti minn pajjiżi tal-UE.

Billi n-Norveġja hija parti miż-Żona Ekonomika Ewropea, il-bastimenti tagħha għandhom jiġu ttrattati daqslikieku huma minn pajjiż tal-UE.

SOLVIT irnexxielu jikkonvinċi lill-awtoritajiet tal-port jibdlu bix-xieraq it-tariffi tagħhom.

Każ solvut fi 12-il ġimgħa.


Non-diskriminazzjoni fil-Bulgarija għall-Bulgari li jaħdmu barra minn pajjiżhom

Koppja Bulgara li kienu jgħixu u jaħdmu barra minn pajjiżhom ma tħallewx jirreġistraw binthom f'kindergarden Bulgaru għax ma kinux koperti mis-sigurtà soċjali Bulgara.

SOLVIT spjega lill-awtoritajiet Bulgari li, skont il-liġi tal-UE, ma setgħux jippenalizzaw liċ-ċittadini tagħhom stess talli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jaħdmu f'pajjiżi oħra tal-UE.

L-awtoritajiet Bulgari rranġaw is-sitwazzjoni u l-familja tħalliet tirreġistra lit-tifla fil-kindergarten.

Każ solvut fi 6 ġimgħat.