Mogħdija tan-navigazzjoni

Dikjarazzjoni ta' Privatezza ta' SOLVIT

X'inhu SOLVIT?

L-għan ta’ SOLVIT hu li jagħti soluzzjonijiet veloċi u informali għal problemi li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini u n-negozji meta jkunu qed jiġu mċaħħda mid-drittijiet tal-UE tagħhom minn awtoritajiet pubbliċi f’pajjiż ieħor tal-UE.

SOLVIT jaġixxi bħala netwerk ta’ ċentri nazzjonali. Hemm ċentru SOLVIT f'kull pajjiż tal-UE kif ukoll l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.

Kull każ SOLVIT jiġi trattat minn 2 ċentri SOLVIT:

  • iċ-ċentru tad-domiċilju – iċ-ċentru tal-pajjiż li għandu l-aktar rabtiet mill-qrib ma' min qed iressaq l-ilment (p.e. fuq il-bażi tan-nazzjonalità, ir-residenza, jew il-pajjiż tal-istabbiliment) u
  • iċ-ċentru ewlieni – iċ-ċentru tal-pajjiż fejn twettaq l-allegat ksur tal-liġi tal-UE.
     

Liema liġijiet jirregolaw il-protezzjoni tad-dejta ta' SOLVIT?

Ara wkoll in-nota legali li tkopri l-websajts tal-Kummissjoni.

Fuq

Liema dejta nipproċessaw meta tissottometti problema lil SOLVIT?

Ismek sħiħ, l-indirizz sħiħ, l-indirizz tal-email, in-numru tat-telefown, iċ-ċittadinanza, u kwalunkwe dejta personali oħra li tinsab fil-korrispondenza tiegħek.

Fejn ikunu disponibbli, id-dokumenti li jappoġġjaw il-każ se jiżdiedu wkoll mal-fajl fil-bażi tad-dejta ta' SOLVIT.

Fuq

Min jista’ jkollu aċċess għad-dejta tiegħek u għal liema għanijiet?

  1. Iż-2 ċentri SOLVIT involuti fil-każ tiegħek – iżda biss għal dak li hu meħtieġ biex iwieġbu l-mistoqsija tiegħek u/jew biex jipprovdulek soluzzjoni.
  2. Il-persunal tal-Kummissjoni Ewropea, biex:
    • jevita li jkun hemm trattament parallel tal-istess problema sottomessa lill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ proċedura oħra
    • joffri konsulenza legali informali jekk mitlub minn xi ċentru SOLVIT involut f’każ
    • jiddeċiedi dwar segwitu possibbli wara l-għeluq tal-każ
    • isolvi kwistjonijiet tekniċi li jaffettwaw l-applikazzjoni ta' SOLVIT
    • ikompli jivvaluta l-każ tiegħek jekk SOLVIT ma jistax jipprovdi soluzzjoni (dejjem jekk taqbel inti).
  3. Servizzi ta' assistenza oħra tal-UE – jekk SOLVIT jittrasferixxi l-każ (dejjem bil-qbil tiegħek) u d-dejta tiegħek lil servizz ieħor, li jkun aktar adatt (Pariri tal-Ewropa Tiegħek jew Ċentru ta' Kuntatt Europe Direct)
Fuq

Tista’ tirrifjuta aċċess għad-dejta tiegħek?

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, biex iwieġeb għall-problema tiegħek, SOLVIT jeħtieġ id-dettalji speċifiċi tal-każ tiegħek, inkluża dejta personali bħalma huma d-dettalji tal-kuntatt.

Tista’ titlob li ċ-ċentru tad-domiċilju li jkun qed jirċievi l-każ tiegħek ma jiżvelax id-dejta tiegħek liċ-ċentru ewlieni responsabbli biex tinstab soluzzjoni (inkluż l-awtorità/l-awtoritajiet rilevanti). Iżda f’ħafna każijiet dan se jipprevjeni liċ-ċentru ewlieni milli jinvestiga l-każ u huma jistgħu jirrifjutaw li jipproċessawh. Jekk jiġri dan, iċ-ċentru tad-domiċilju se jinfurmak.

Fuq

Kemm iddum maħżuna d-dejta?

  • Għal18-il xahar minn meta jingħalaq il-każ tiegħek – se tkun viżibbli fl-applikazzjoni SOLVIT, iżda suġġetta għar-restrizzjonijiet tal-aċċess spjegati taħt "min jista’ jkollu aċċess għad-dejta tiegħek u għal liema għanijiet?" u "tista’ tirrifjuta aċċess għad-dejta tiegħek?"
  • Għal 18-il xahar wara dak – id-dejta se tiġi bblukkata (ma tkunx aċċessibbli). Jista’ jkun hemm aċċess għaliha biss jekk issir talba ġustifikata, għal għanijiet speċifiċi (p.e., evidenza ta’ skambju).
  • 3 snin wara li jingħalaq il-każ tiegħek – id-dejta personali kollha tiegħek se tiġi mħassra awtomatikament.
Fuq

Miżuri ta’ sigurtà biex jipprevjenu aċċess mhux awtorizzat

Hemm livelli differenti ta’ aċċess għal applikazzjoni SOLVIT u kull wieħed igawdi minn sigurtà permezz ta' ID tal-utent, password u kodiċi diġitali addizzjonali simili għal dak użat fl-użu tas-servizzi bankarji onlajn.

Il-komunikazzjoni esterna mal-bażi tad-dejta hija wkoll protetta minn https, protokoll apposta u sigur tal-internet.

L-aċċess għad-dejta personali fl-applikazzjoni jingħata biss lill-partijiet imsemmija fit-taqsima "min jista’ jkollu aċċess għad-dejta tiegħek u għal liema għanijiet?"

Fuq

L-aċċess għad-dejta tiegħek

Inti m’hu se jkollok l-ebda aċċess dirett għad-dejta tiegħek fil-bażi tad-dejta ta’ SOLVIT. Jekk tixtieq tkun taf liema mid-dejta tiegħek qed tiġi jew ġiet ipproċessata, jew tixtieq li tali dejta tiġi mmodifikata jew imħassra, jekk jogħġbok ikkuntattjana.

Tista' wkoll issaqsi liċ-ċentru ta' domiċilju fil-każ tiegħek għal rekord sħiħ tad-dejta kollha tiegħek u titlob li jħassru jew jikkoreġu dejta mhux korretta. Huma se jagħmlu dan kemm jista’ jkun malajr – u mhux aktar tard minn 30 jum wara li jirċievu t-talba tiegħek.

Fuq

Il-kaxxa postali ta’ SOLVIT

Tista’ tibgħatilna kull mistoqsija li għandek dwar SOLVIT. Id-dipartiment tal-Kummissjoni li jmexxi SOLVIT se jipproċessa d-dejta tiegħek biss sa fejn ikun meħtieġ biex jirrispondik.

Biex ikun jista' jwieġeb, dan id-dipartiment jista’ jkollu jibgħat il-messaġġ tiegħek lil dipartiment ieħor tal-Kummissjoni. Jekk ikun meħtieġ dan, inti tkun mgħarraf b’dan permezz ta’ email.

Mhux se ngħaddu l-mistoqsija tiegħek lil xi ħadd minn barra l-Kummissjoni. Jekk biex nittrattaw il-mistoqsija tiegħek bl-aħjar mod ikollna nikkuntattjaw parti terza, navżawk biex tagħmel dan int stess.

Aħna naħżnu l-mistoqsija tiegħek u dejta relatata biss sakemm hu meħtieġ biex nirreaġixxu u (possibilment) insegwu l-każ wara l-ewwel risposta.

Fuq

Informazzjoni ta' kuntatt tal-kontrollur tad-dejta

SOLVIT Team Leader
Internal Market and Services Directorate General
Unit B.1
European Commission
B - 1049 Bruxelles / Brussel
(Belgium)

E-mail: solvit@ec.europa.eu.

Tużax dan l-indirizz tal-email biex tissottometti problemi lil SOLVIT - minflok uża l-formola tal-ilmenti onlajn tagħna.