Mur fil-path tan-navigazzjoni, billi taqbeż is-site tools u s-selettur tal-lingwa

Aġenda għal kapaċitajiet u impjiegi ġodda

Din l-inizjattiva hi l-mod kif il-Kummissjoni se tgħin lill-UE tilħaq il-mira tagħha għall-impjiegi għall-2020: 75% tal-popolazzjoni b'età tax-xogħol (20-64 sena) qed jaħdmu.

Imnedija fl-2010, din tagħmel parti mill-istrateġija ġenerali tal-UE – Europe 2020 – li tippromwovi tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv għall-10 snin li ġejjin u lil hinn minnhom.

L-Aġenda tikkontribwixxi wkoll biex jitwettqu l-miri tal-UE biex titnaqqas għal 10% ir-rata ta' dawk li jħallu l-iskola qabel iż-żmien u biex ikun hemm aktar żgħażagħ f'edukazzjoni għolja jew f'edukazzjoni vokazzjonali ekwivalenti (tal-anqas 40%), kif ukoll biex ikun hemm tal-anqas 20 miljun persuna anqas fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali sal-2020.

Kif?

L-Aġenda tippreżenta sett ta' azzjonijiet konkreti li għandhom jgħinu:

  • Iħaffu r-riformi biex jittejbu l-flessibilità u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol ("flessigurtà")
  • Iħejju lill-persuni bil-kapaċitajiet xieraq għall-impjiegi tal-lum u ta' għada
  • Itejbu l-kwalità tal-impjiegi u jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar
  • Itejbu l-kundizzjonijiet għal ħolqien tal-impjiegi

Għaliex?

  • 23 miljun persuna attwalment jinsabu bla xogħol fl-UE kollha – 10% tal-popolazzjoni attiva
  • Għall-ekonomija tagħna biex nikbru u nibqu kompetittivi, jinħtiġilna aktar impjiegi
  • Mill-2012 'il quddiem il-popolazzjoni bl-età tax-xogħol se tibda tonqos. Biex niżguraw is-sostenibilità tas-sistemi tal-benefiċċji soċjali tagħna, jinħtieġ li jkunu impjegati aktar persuni.

Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda

L-inizjattiva "Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda" imnedija fl-2008 stabbilixxiet l-aġenda tal-Kummissjoni għal titjib, antiċipazzjoni u tqabbil aħjar tal-ħilijiet. L-inizjattiva għadha għaddejja u se tkompli fil-ġejjieni.

Minkejja x-xebh fl-ismijiet, l-inizjattiva ewlenija hi usa' u tinkludi l-flessigurtà, il-kwalità u l-kundizzjonijiet tal-impjieg u l-ħolqien tal-impjiegi. L-iżvilupp tal-ħiliet hu wieħed mill-erba' oqsma tal-inizjattiva ewlenija.

    Aqsam

  • Twitter Facebook Ixxerja fuq Google+