Mur fil-path tan-navigazzjoni, billi taqbeż is-site tools u s-selettur tal-lingwa

Aħbarijiet rss

Aġenda Soċjali – l-intraprendituri neqsin tal-UE

19/06/2014 Aġenda Soċjali – l-intraprendituri neqsin tal-UE

Il-Ħarġa 37 tal-Aġenda Soċjali tiffoka fuq il-Fond Soċjali Ewropew il-ġdid u fuq il-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni 2014 2020.

Permezz tal-Fond Soċjali Ewropew, se jiġu investiti aktar minn €80 biljun fin-nies tal-Ewropa matul is-7 snin li ġejjin. Dawk li jaħdmu għal rashom, il-ħaddiema temporanji u l-ħaddiema b’kuntratt fiss issa jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni 2014-2020 meta jitilfu xogħolhom minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji kkawżati mill-globalizzazzjoni.

Barra minn hekk, tenfasizza li l-gvernijiet għandhom jagħmluha aktar faċli biex il-persuni li mhumiex irrappreżentati biżżejjed u dawk żvantaġġati – l-intraprendituri neqsin tal-UE – joħolqu negozji.

Din tispjega kif il-Kummissjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp issieħbu ma’ xulxin biex jiġbru d-dejta mxerrda f’ġabra ta’ dejta waħda, jorganizzaw seminars dwar il-bini tal-kapaċità u jissuġġerixxu rakkomandazzjonijiet.

Din il-ħarġu tinkludi wkoll is-suġġetti li ġejjin:

  • kif tipparteċipa fil-konsultazzjoni pubblika online dwar l-istrateġija ta’ tkabbir u impjiegi 2010-2020 tal-UE, li se tiġi riveduta f’nofs it-terminu.
  • kif tista’ ttejjeb il-kwalità tal-iskemi ta’ taħriġ.
  • kif tbassar u timmaniġġja aħjar ir-ristrutturar (kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat).

Statistiċi li hemm fl-Aġenda Soċjali 37

■ Biex sempliċiment terġa’ lura għal-livelli ta’ impjiegi ta’ qabel il-kriżi, l-UE trid toħloq 4 miljun post tax-xogħol.

■ Fl-2013, kien hemm 216.4 miljun persuna impjegata fl-UE, inklużi 43.7 miljun ħaddiem part-time li minnhom 9.9 miljun (23 % tal-ħaddiema part-time) kienu jaħdmu f’impjieg mhux adegwat għall-ħiliet tagħhom. Kien hemm ukoll 26.2 miljun persuna bla xogħol u 137.2 miljun persuna li kienu ekonomikament inattivi.

■ fis-7 snin li ġejjin, 4 miljun persuna għandhom jibbenefikaw minn assistenza materjali mhux finanzjarja (ikel, ħwejjeġ, żraben, sapun, xampù…) permezz tal-Fond tal-UE għal Għajnuna Ewropea għal Dawk l-Aktar fil-Bżonn.

■ Il-portal tal-aġenzija ta’ impjiegi online pan-Ewropea EURES għamel qabża kbira minn 175 000 persuna li qed ifittxu x-xogħol irreġistrati fl-2007 għal 1 000 000 fl-2013, iżda dan madankollu jinkludi biss madwar 30 % tal-pożizzjonijiet vakanti nazzjonali.

■ Bħalissa, madwar 700 000 persuna kull sena qed tiċċaqlaq minn pajjiż tal-UE għal ieħor u madwar 2.9 miljun ċittadin tal-UE idealment jixtiequ jagħmlu dan.

Mill-2012 s’issa fl-UE saru aktar minn 16 000 operazzjoni ta’ ristrutturar, b’telf nett ta’ impjiegi ta’ aktar minn 2 miljuni. Il-Kummissjoni Ewropea ressqet linji gwida biex ir-ristrutturar jiġi mbassar u mmaniġġjat aħjar.

■ Ir-rati tal-qgħad inġenerali u dawk tal-qgħad fost iż-żgħażagħ b’mod partikolari ilhom ivarjaw fil-pajjiżi tal-UE mill-2008. Hemm diverġenza akbar fiż-żona tal-euro, meta mqabbla mal-UE kollha kemm hi.

■ Ir-rapport annwali dwar il-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-2012 juri li nofs il-ħaddiema li pparteċipaw fil-41 każ tal-FEG koperti fir-rapport kienu sabu impjieg ġdid jew kienu qed jaħdmu għal rashom sal-aħħar tal-perjodu ta’ għajnuna tal-FEG, filwaqt li ħafna oħrajn kienu qegħdin jitgħallmu jew jitħarrġu biex iżidu l-possibilità tagħhom li jsibu impjieg fil-futur.

Skema ta’ taħriġ waħda minn tlieta ma tissodisfax l-istandards fl-UE fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew il-kontenut tat-tagħlim. 45 % ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ tal-Ewrobarometru (April‑Mejju 2013) dwar l-esperjenza tal-apprendisti fl-UE pparteċipaw fi skema ta’ taħriġ waħda jew aktar. 27 % biss minn dawk li wieġbu ġew offruti kuntratt ta’ impjieg fl-aħħar tal-iskema ta’ taħriġ tagħhom, filwaqt li 23 % ngħataw il-possibbiltà li jġeddu l-iskema tagħhom.