Mur fil-path tan-navigazzjoni, billi taqbeż is-site tools u s-selettur tal-lingwa

Aħbarijiet rss

“Li nikbru fl-età mhix xi diżgrazzja”, jikkummenta Mario Galea M.P. waqt it-tnedija tas-Sena Ewropea f’Malta

16/04/2012 “Li nikbru fl-età mhix xi diżgrazzja”, jikkummenta Mario Galea M.P. waqt it-tnedija tas-Sena Ewropea f’Malta

Is-Sena Ewropea għat-Tixjieħ Attiv u għas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet ġiet imnedija uffiċjalment f’Malta fit-13 ta’ April waqt attività li saret ġewwa ż-Żejtun bil-parteċipazzjoni ta’ Charmaine Gauci, il-president tal-Kumitat Nazzjonali għas-Sena Ewropea 2012; Mario Galea, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u għall-Kura tal-Komunità, u Martin Bugelli, Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.

L-attività ġiet organizzata mill-Kumitat għat-Tixjieħ Attiv u għas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet fiċ-ċentru tal-komunità Juventutis Domus u d-diskors ewlieni ngħata minn Mario Galea. Huwa saħaq fuq l-importanza li nibdlu l-isterjotipi dwar l-anzjani u dwar it-tixjieħ. “Li nikbru fl-età mhix xi diżgrazzja”, qal, filwaqt illi fakkar li t-tikmix fuq wiċċ ċittadin anzjan ifisser l-istorja ta’ bniedem, l-istorja ta’ familja, ta’ raħal u ta’ nazzjon. It-tikmix, kompla Galea, jirrappreżenta l-għarfien li jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Fid-diskors tiegħu, Galea enfasizza l-fatt li l-anzjani għamlu qabża kbira ’l quddiem u li huma parti ħajja tal-komunità, jużaw it-teknoloġija u jaqraw l-aħbarjiet mill-internet bħal kull ċittadin żagħżugħ ieħor. “Li tkun pensjonant ma jfissirx tiġi eżiljat mis-soċjetà.”

L-attività inkludiet bosta preżentazzjonijiet qosra minn esperti fuq il-benefiċċji ta’ anzjani impjegati, il-volontarjat, is-solidarjetà interġenerazzjonali u t-tixjieħ b’saħħtu, li huma wħud mis-suġġetti prinċipali tas-Sena Ewropea 2012.

L-Ambaxxaturi Nazzjonali Maltin għas-Sena Ewropea pparteċipaw ukoll fiċ-ċerimonja, qasmu l-impressjonijiet u l-esperjenzi tagħhom mal-udjenza waqt sejre ta’ intervisti diretti mal-ġurnalista televiżiva popolari Antonia Micallef.

Il-Banda Interġenerazzjonali Tradizzjonali Maltija akkumpanjat l-attività festiva, fejn kien hemm ukoll żona bl-istands li jipprovdu informazzjoni utli għaċ-ċittadini anzjani fuq suġġetti bħalma huma l-impjieg, is-saħħa u l-volontarjat.

Ġie muri vidjow għall-ewwel darba waqt iċ-ċerimonja tat-tnedija ġewwa ż-Żejtun dwar is-Sena Ewropea. Dan il-vidjow ġie prodott mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta. Id-dokumentarju qasir fih l-esperjenzi tal-Ambaxxaturi Nazzjonali, li uħud minnhom huma persuni famużi bħall-kittieb tal-kotba għat-tfal Trevor Zahra.

Ir-ritratti tal-attività huma disponibbli hawnhekk.