Mur fil-path tan-navigazzjoni, billi taqbeż is-site tools u s-selettur tal-lingwa

L-UE tindirizza d-dimensjoni soċjali tal-kriżi ekonomika

L-UE tindirizza d-dimensjoni soċjali tal-kriżi ekonomika

L-Unjoni Ewropea saħħet l-isforzi tagħha biex tippromwovi x-xogħol u l-inklużjoni soċjali, bħala parti mill-istrateġija tagħha biex tindirizza l-kriżi ekonomika u finanzjarja.

Mobilizzazzjoni tal-fondi tal-UE 

  • F’Novembru 2008 il-Kummissjoni Ewropea ħabbret pakkett ta’ rkupru ta’ €200 biljun. Madwar €170 biljun ser ikunu pprovduti mill-baġits tal-Istati Membri, waqt li l-UE u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) flimkien ser jipprovdu €30 biljun;
  • Il-Kummissjoni pproponiet li tissimplifika l-kriterji għal appoġġ mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE), l-ipprogrammar mill-ġdid tal-infiq u t-titjib ta’ ħlasijiet bil-quddiem sa mill-bidu tal-2009, sabiex l-Istati Membri jkollhom aċċess aktar bikri għal massimu ta’ €1.8 biljun biex isaħħu strateġiji attivi fis-suq tax-xogħol, jiffukaw mill-ġdid l-appoġġ fuq dawk l-aktar vulnerabbli, jżidu l-azzjoni biex jittejbu l-ħiliet u fejn ikun meħtieġ jagħżlu finanzjament sħiħ mill-Komunità għal proġetti matul dan il-perjodu;
  • Il-Kummissjoni ssuġġeriet li jsiru bidliet għall-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF), li ġie mfassal biex jgħin lill-ħaddiema qegħda biex jerġgħu jsibu xogħol. Jekk jiġu aċċettati, il-proposti għandhom jippermettu lill-EGF biex jintervjeni aktar malajr biex jipprovdi flus għat-taħriġ u skemi għas-sejbien ta’ xogħol. Il-baġit annwali disponibbli taħt l-EGF jammonta għal massimu ta’ €500 miljun.
  • L-Unjoni Ewropea stabbiliet faċilità ġdida ta’ mikrofinanzjar li tipprovdi mikrokreditu lil negozji żgħar u lil nies li jkunu tilfu xogħolhom u li jixtiequ jibdew in-negozju żgħir tagħhom.

Promozzjoni tal-impjiegi 

  • Il-portal tal-impjiegi EURES jipprovdi appoġġ għal dawk li qed ifittxu xogħol li jixtiequ jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jaħdmu f’pajjiż Ewropew ieħor;
  • L-inizjattiva “New Skills for New Jobs” hija intiża biex ittejjeb il-mod kif l-Ewropa tanalizza u tbassar il-ħtiġijiet ta’ ħiliet tal-ekonomija fil-futur. Dan jgħin biex jinstabu persuni adattati għax-xogħolijiet b’mod aktar effiċjenti u biex tiġi pprovduta perspettiva dwar ħtiġijiet ta’ taħriġ;
  • L-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi, li hija wieħed mill-pilastri tal-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Impjiegi tal-UE, tkompli tipprovdi qafas għall-Istati Membri biex jieħdu azzjoni kkoordinata biex jippromwovu l-impjiegi fil-kuntest tal-kriżi;
  • Il-Kummissjoni żiedet is-sorveljanza tagħha tas-sitwazzjoni tal-impjiegi u dik soċjali, inkluż bil-pubblikazzjoni ta’ serje ġdida ta’ rapporti ta’ sorveljanza ta’ xull xahar dwar is-sitwazzjoni li qed tinbidel malajr.
  • Il-Kummissjoni Ewropea adottat ‘impenn kondiviż għall-impjiegi’, li jressaq prijoritajiet u azzjonijiet ewlenin sabiex jiġu ppreservati x-xogħlijiet u jiġu megħjunin dawk li jkunu qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet filwaqt li twitti t-triq għall-irkupru.

Kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali 

  • Il-Kummissjoni kienet f’kuntatt mill-qrib ma’ rappreżentanti ta’ min iħaddem u trejdjunjins biex tiddiskuti l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, inkluż summit bejn tliet partijiet fid-19 ta’ Marzu 2009;
  • Rapport dwar Relazzjonijiet Industrijali ppubblikat mill-Kummissjoni fi Frar 2009 indika li djalogu kostruttiv bejn min iħaddem u t-trejdjunjins jista’ jgħin lill-UE biex tiffaċċja l-kriżi.

Kooperazzjoni ma’ msieħba internazzjonali 

  • L-UE kellha rwol ewlieni fis-Summit tal-G20 f’Londra fit-2 ta’ April 2009, fejn intlaħaq ftehim dwar azzjoni internazzjonali biex tiġi stimulata l-ekonomija u titjieb ir-regolazzjoni fis-settur finanzjarju;
  • Il-Kummissarju Vladimir Spidla ddiskuta d-dimensjoni soċjali tal-kriżi mal-kollegi tiegħu mill-pajjiżi l-oħra tal-G8 fil-laqgħa tal-Ministri tax-Xogħol tal-G8 fit-30 ta’ Marzu 2009.
  • Summit tal-Impjiegi: 7 ta’ Mejju, 2009 – tisħiħ tal-isforzi biex ikun promoss kemm ix-xogħol kif ukoll l-inklużjoni soċjali fid-dawl tal-kriżi ekonomika u finanzjarja. 

    Aqsam

  • Twitter Facebook Ixxerja fuq Google+