Mur fil-path tan-navigazzjoni, billi taqbeż is-site tools u s-selettur tal-lingwa

Aħbarijiet rss

Social Agenda jispjega kif jingħelbu l-ostakoli sabiex taħdem f’pajjiż ieħor tal-UE

05/08/2013
Social Agenda jispjega kif jingħelbu l-ostakoli sabiex taħdem f’pajjiż ieħor tal-UE © iStockphoto

Għalkemm ilha kontra l-liġi sa mill-1968, id-diskriminazzjoni kontra ħaddiema tal-UE li jaħdmu f’pajjiż ieħor tal-UE fuq il-bażi tan-nazzjonalità tagħhom għadha mhijiex tiġi indirizzata sewwa fil-prattika.

Iżżomm lura lil ħafna Ewropej milli jaħdmu u jmorru jfittxu xogħol fis-Suq Waħdieni u dan huwa ta’ tħassib b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi, minħabba li dejta turi li l-moviment liberu tal-ħaddiema huwa tajjeb kemm għall-ħaddiema li jiċċaqilqu kif ukoll għall-ħaddiema u għall-impjegaturi fil-pajjiż li jilqagħhom.

F’April 2013, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet modi konkreti ta’ kif jingħelbu dawn l-ostakoli. Social Aġenda, fl-edizzjoni ta’ Awwissu jispjega dan fil-feature speċjali tiegħu.

Social Agenda jiffoka wkoll fuq l-impjiegi u l-aspetti ta’ affarijiet soċjali tal- qafas baġitarju ġdid tal-UE għall-2014-2020 u tal-proċess tas- Semestru Ewropew 2013 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: meta l-politiċi Ewropej jiltaqgħu mal-politiċi nazzjonali!

Kont taf li l- paġna Social Europe fuq Facebook kienet l-aktar popolari fost il-pjattaformi tal-midja soċjali tal-Kummissjoni Ewropea? U fittex ukoll l-applikazzjoni għall- Kard Ewropea għall-Assigurazzjoni tas-Saħħa !

Statistiċi li hemm f’Social Agenda nru 34

  • Ir-rapport strateġiku tal-2013 tal-UE dwar il-koeżjoni jiddokumenta żieda sinifikanti fin-numru ta’ nies appoġġjati fil-qasam tal-impjiegi, minn madwar 10 miljuni fis-sena qabel l-2010 għal xi 15-il miljun minn dak iż-żmien, kif ukoll aċċellerazzjoni sinifikanti ta’ riżultati mill-2010 fil-qasam tal-appoġġ għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs): inħolqu kważi 400 000 impjieg ġdid, li nofshom kienu fl-2010-2011.
  • Mill-2007 sal-aħħar tal-2011, kien hemm 12.5 miljun parteċipant fl-azzjonijiet tal- FSE biex jappoġġjaw l-aċċess għall-impjiegi permezz ta’ taħriġ jew forom oħrajn ta’ assistenza. Żewġ terzi tal-parteċipanti kienu inattivi jew bla xogħol. B’riżultat t’hekk, 2.4 miljun sabu xogħol fi żmien sitt xhur minn meta temmew l-intervent.
  • Fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, il- FSE appoġġja lil madwar 5 miljun żagħżugħ. 5.5 miljun parteċipant kellhom nuqqas ta’ ħiliet. Fil-qasam tal-inklużjoni soċjali, sa issa aktar minn 14.5 miljun riċevitur finali kien kopert u ntlaħqet firxa wiesgħa ta’ gruppi fil-mira.
  • Fil-bidu ta’ Lulju 2013, 43 760 persuna "illajkjat" Social-Europe-Facebook (u fil-bidu ta’ Lulju, il-kont ta' Social Europe Twitter kellu 13 536 persuna li ssegwih).
  • Fit-tielet kwart tal-2012, 3.1% biss tal-forza tax-xogħol tal-UE kienu jgħixu f’pajjiż tal-UE li mhuwiex pajjiżhom. U 15% ma kinux jikkunsidraw li jaħdmu fi Stat Membru ieħor minħabba li ħassew li hemm wisq ostakoli.
  • 0.25% tal-ħaddiema biss jiċċaqalqu bejn l-Istati Membri tal-UE kull sena.
  • Fl-2012, 15.2 miljun ċittadin barrani kienu jaħdmu fl-UE27, u dawn jammontaw għal 7% tal-impjiegi totali. Fost dawn iċ-ċittadini barranin, 6.6 miljun kienu ċittadini ta’ Stat Membru ieħor tal-UE u 8.6 miljun kienu ċittadini ta’ pajjiżi barra mill-UE.

Il-magażin Social Agenda huwa disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiz u bil-Ġermaniż.


…aktar aħbarijiet

    Aqsam

  • Twitter Facebook Ixxerja fuq Google+