Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG)

© Shutterstock / sirtravelalot

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) hu strument speċjali tal-UE biex jesprimi s-solidarjetà tal-UE mal-ħaddiema Ewropej jew ma’ dawk li jaħdmu għal rashom li ġew issensjati minħabba r-ristrutturar, u biex jgħinhom isibu impjiegi ġodda.

Il-FEG jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ekonomija Ewropea aktar dinamika u kompetittiva billi jtejjeb il-ħiliet u l-impjegabbiltà tal-persuni ssensjati, biex jgħinhom isibu xogħol aħjar.

Il-FEG jgħin lil dawk li qed ifittxu impjieg b’ħiliet baxxi u żvantaġġati biex jindirizzaw sfidi ġodda fis-suq tax-xogħol.

Bħala regola ġenerali, il-FEG jista’ jiġi attivat meta kumpanija waħda (inklużi l-fornituri u l-produtturi downstream tagħha) tkeċċi aktar minn 200 ħaddiem, minn SMEs f’diversi setturi fl-istess reġjun jew f’settur partikolari f’reġjun ġar wieħed jew aktar.

Il-FEG għandu baġit annwali ta’ €210 miljun għall-2021-2027. Dan jista’ jiffinanzja minn 60% sa 85% tal-ispiża ta’ proġetti mfasslin biex jgħinu lill-ħaddiema li jingħataw is-sensja jsibu impjieg ieħor jew jistabbilixxu n-negozji tagħhom stess.

L-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali jimplimentaw u jimmaniġġjaw il-każijiet tal-FEG. Kull proġett idum għaddej għal sentejn.

X'appoġġ jista' jipprovdi l-FEG?

Il-FEG iżid mas-servizzi eżistenti ta’ assistenza fis-suq tax-xogħol billi jipprovdi miżuri personalizzati għall-persuni qiegħda.

Il-FEG jista’ jikkofinanzja miżuri bħal

  • għajnuna biex jinsab impjieg
  • parir dwar il-karrieri
  • edukazzjoni, taħriġ u taħriġ mill-ġdid
  • mentoring u kkowċjar
  • intraprenditorija u ħolqien ta' negozju

Jista’ jipprovdi wkoll allowances għat-taħriġ jew għas-sussistenza jew appoġġ simili, inklużi allowances għall-carers, allowances għall-mobbiltà u r-rilokazzjoni, u inċentivi għar-reklutaġġ tal-impjegaturi.

Il-FEG ma jikkofinanzjax miżuri ta' protezzjoni soċjali bħall-pensjonijiet jew il-benefiċċji tal-qgħad.

Min jista' jibbenefika?

Ħaddiema individwali li ma jkunx hemm xogħol għalihom jistgħu jibbenefikaw mill-proġetti tal-FEG. Dan jinkludi ħaddiema li jaħdmu għal rashom, ħaddiema temporanji u ħaddiema b’terminu fiss.

Il-FEG ma jipprovdix appoġġ biex jgħin lill-kumpaniji jibqgħu fin-negozju, jimmodernizzaw jew jirristrutturaw.

Ir-Regolament tal-FEG għall-2021-2027

Ir-regoli dwar il-kriterji ta’ intervent, il-benefiċjarji eliġibbli, u l-miżuri huma stabbiliti fir-regolament tal-FEG. L-aspetti ewlenin huma:

  • Dawk li jitilfu xogħolhom minħabba l-kriżi tal-coronavirus, id-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni, it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, jew bidliet oħrajn, huma eliġibbli għall-appoġġ; irrispettivament minn x’ikkawża l-ispostament tal-impjiegi.
  • Ir-rekwiżit formali hu li minimu ta’ 200 ħaddiem tilfu l-impjieg tagħhom f’perjodu ta’ referenza speċifiku.
  • Ir-rata ta’ kofinanzjament tista’ titla’ minn 60% sa 85%.
  • Kull każ idum għaddej għal sentejn.

Kif ivarja l-FEG mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment tal-UE?

Il-Fondi Strutturali u ta' Investiment tal-UE, b'mod partikulari l-Fond Soċjali Ewropew Plus, jieħdu perspettiva strateġika, fit-tul ta' żmien biex jantiċipaw u jimmaniġġjaw l-impatt soċjali tat-tibdil industrijali permezz ta' attivitajiet bħat-tagħlim tul il-ħajja.

Il-FEG jipprovdi lill-ħaddiema b'appoġġ individwali ta' darba għal limitu taż-żmien.

Ixxerja din il-paġna