Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Fond għal Għajnuna Ewropea għal Dawk l-Aktar fil-Bżonn (FEAD)

© Shutterstock / addkm

Il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) jappoġġja l-azzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE biex jipprovdu assistenza bħala ikel u/jew materjali bażiċi lil dawk l-aktar fil-bżonn.

Dan jinkludi ikel, ħwejjeġ u oġġetti essenzjali oħrajn għal użu personali, eż. żraben, sapun u xampun.

L-assistenza materjali jeħtiġilha timxi id f'id mal-miżuri tal-inklużjoni soċjali, bħall-iggwidar u l-appoġġ biex in-nies jingħataw għajnuna ħalli joħorġu mill-faqar.

L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jappoġġjaw ukoll l-assistenza mhux materjali lil dawk l-aktar fil-bżonn, biex jgħinuhom jintegraw aħjar fis-soċjetà.

L-appoġġ tal-FEAD se jgħin lin-nies jagħmlu l-ewwel pass tagħhom 'il barra mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali.

Il-FEAD se jgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn billi jindirizza l-aktar ħtiġijiet bażiċi tagħhom, din għalihom hi kundizzjoni minn qabel biex ikunu jistgħu jakkwistaw impjieg jew isegwu kors ta' taħriġ bħal dawk appoġġjati mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE).

Ħarsa ġenerali grafika tal-programm FEAD u l-fatti u ċ-ċifri ewlenin tiegħu (bl-Ingliż)

L-indirizzar tal-impatt soċjali tal-kriżi tal-coronavirus

F’Mejju 2020, il-Kummissjoni pproponiet aktar emendi fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u r-Regolament tal-FEAD, b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19 u għal ħtiġijiet li qed jiżdiedu. Dawn l-emendi jagħmlu disponibbli għas-snin 2020, 2021 u 2022 riżorsi addizzjonali għall-FEAD, bħala parti miż-żieda fir-riżorsi għall-politika ta’ koeżjoni taħt il-baġit tal-UE 2014-2020 .

F’April 2020, il-Kummissjoni kienet diġà ħadet l-inizjattiva li temenda l-FEAD bħala  parti  mill-pakkett CRII+ l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus. Dan il-pakkett introduċa aktar flessibbiltà u likwidità għall-Istati Membri.

Kif jaħdem il-FEAD?

Il-Kummissjoni tapprova l-programmi nazzjonali għall-2014-2020, li abbażi tagħhom l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu d-deċiżjonijiet individwali li jwasslu għall-għoti tal-assistenza permezz ta' organizzazzjonijiet sħab (ta' spiss mhux governattivi). Approċċ simili hu diġà użat għall-fondi ta’ koeżjoni.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jagħżlu x'tip ta' assistenza (ikel jew assistenza materjali bażika, jew it-tnejn flimkien) li jixtiequ jipprovdu, skont is-sitwazzjoni tagħhom, u kif għandhom jiġu akkwistati u distribwiti l-oġġetti.

L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jew jixtru l-ikel u l-oġġetti huma stess u jfornuhom lill-organizzazzjonijiet sħab, jew jiffinanzjaw lill-organizzazzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jixtruhom huma stess. L-organizzazzjonijiet sħab li jixtru l-ikel jew l-oġġetti huma stess jistgħu jew iqassmuhom b'mod dirett, jew jitolbu organizzazzjonijiet sħab oħrajn biex jgħinuhom.

L-organizzazzjonijiet sħab huma entitajiet pubbliċi jew organizzazzjonijiet mhux governattivi li huma magħżulin mill-awtoritajiet nazzjonali abbażi ta' kriterji oġġettivi u trasparenti definiti fil-livell nazzjonali.

Taqsira tal-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali tinsab fl-iskedi tal-pajjiżi tal-FEAD

Kemm flus huma disponibbli?

F'termini reali, aktar minn €3.8 biljun huma assenjati għall-FEAD għall-perjodu 2014-2020.

Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE għandhom jikkontribwixxu tal-anqas 15% f'kofinanzjament nazzjonali għall-programm nazzjonali tagħhom.

X'inhi l-bażi legali?

Ir-Regolament tal-FEAD kien adottat fl-2014. Hu kien emendat fl-2018 b’diversi simplifikazzjonijiet – verżjoni konsolidata hi disponibbli online. L-atti ta’ implimentazzjoni u delegati kienu adottati sa tmiem l-2016.

F’April 2020, daħlu fis-seħħ emendi ġodda li introduċew miżuri speċifiċi biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19.

Fi Frar 2021, ir-Regolament tal-FEAD ġie emendat biex jiġi żgurat li l-Fond jista’ jissaħħaħ bi trasferimenti finanzjarji minn REACT-EU b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19.

Komunità FEAD

Il-Komunità FEAD hu network ta’ sħubija miftuħa għal persuni li jipprovdu assistenza lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Ewropa, stabbilit fl-2016. Dan jinkludi:

  • l-Awtoritajiet nazzjonali tal-Immaniġġjar tal-FEAD,
  • l-organizzazzjonijiet li jwasslu jew li huma interessati fl-attivitajiet finanzjati mill-FEAD,
  • l-NGOs fil-livell tal-UE u
  • l-istituzzjonijiet tal-UE.

Hu spazju għall-iskambju ta’ prattika tajba u għal inkuraġġiment ta’ ideat ġodda.

Skopri aktar dwar il-komunità u l-attivitajiet tagħha.

Monitoraġġ u valutazzjoni tal-FEAD

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jaqsmu r-responsabbiltà li jevalwaw il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn. L-Awtoritajiet tal-Immaniġġjar jwettqu evalwazzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri, filwaqt li l-Kummissjoni tagħmel dan fil-livell tal-UE.

L-evalwazzjonijiet jiddependu fuq data konsistenti, komparabbli u ta’ kwalità tajba miġbura mill-awtoritajiet nazzjonali. Id-data tintuża wkoll biex jiġi mmonitorjat jekk il-programmi humiex fit-triq it-tajba kif ippjanat. Il-gwida tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tappoġġja lill-Awtoritajiet tal-Immaniġġjar fil-kompiti tagħhom.

Il-Kummissjoni tirrapporta l-kisbiet fil-livell tal-UE lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’rapporti ta’ sinteżi annwali:

Studji ta’ każijiet tal-FEAD

Dawn il-katalgi jipprovdu stampa tal-inizjattivi ffinanzjati mill-FEAD fl-UE iżda jenfasizzaw ukoll kif jistgħu potenzjalment jikkomplementaw programmi oħrajn iffinanzjati mill-UE bħall-Fond Soċjali Ewropew:

Ixxerja din il-paġna