Mur fil-path tan-navigazzjoni, billi taqbeż is-site tools u s-selettur tal-lingwa

FAQ - Qgħad

Diġà żort il-paġna tagħna dwar il-qgħad?

Il-kalkolu tal-benefiċċji tiegħek


Kull pajjiż jiddeċiedi min hu intitolat għall-benefiċċji tal-qgħad, kemm għandhom jirċievu u għal kemm żmien. L-UE tiggarantixxi li:

  1. Tkun intitolat għall-benefiċċji tal-qgħad taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-pajjiż li jħallas il-benefiċċji tiegħek. Ġeneralment dan il-pajjiż hu dak fejn ħdimt l-aħħar (sakemm ma tgħix f'pajjiż ieħor).
  2. L-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw il-perjodi ta' assigurazzjoni jew impjieg li għamilt f'pajjiżi oħra, jekk dan ikun neċessarju għad-dritt tal-benefiċċji tiegħek.
  3. Jekk l-ammont tal-benefiċċji tal-qgħad jiddependi mid-dħul professjonali preċedenti tiegħek, jitqies biss id-dħul professjonali li rċevejt fil-pajjiż fejn ħdimt l-aħħar.
  4. Jekk il-membri ta' familtek jgħixu f'pajjiż ieħor tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja jew l-Iżvizzera, u l-ammont tal-benefiċċju tal-qgħad tiegħek jiżdied skont l-għadd tal-membri ta' familtek, dawn jitqiesu bħal daqslikieku kienu jgħixu fil-pajjiż li jħallas il-benefiċċji tiegħek.

It-talbiet tiegħek

Tista' titlob dokument U1 lill-istituzzjonijiet tal-pajjiżi fejn ħdimt. Din il-formola tippermetti lill-istituzzjoni li qed tittratta t-talba tiegħek biex tikkunsidra l-perjodi ta' assigurazzjoni jew impjieg f'pajjiżi oħra. >> Uża d-direttorju tagħna biex issib il-kuntatt ta' istituzzjoni


Jekk ma tissottomettix dan id-dokument lill-istituzzjoni li qed tittratta t-talba tiegħek, din tikseb l-informazzjoni meħtieġa mill-pajjiżi l-oħra b'mod elettroniku.

Jekk taħdem f'pajjiż tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja jew l-Iżvizzera iżda tgħix f'pajjiż ieħor minn dawn u tirritorna hemmhekk tal-anqas darba fil-ġimgħa, int ħaddiem transkonfinali, jew "ħaddiem bejn il-fruntieri", kif definit fl-Artikolu 1(f) tar-Regolament 883/2004.

Dan ifisser li jekk tispiċċa bla xogħol, għandek tirreġistra mas-servizzi tal-impjieg u titlob għall-benefiċċji tal-qgħad fil-pajjiż ta' residenza tiegħek.

L-informazzjoni dwar l-aħħar attività professjonali tiegħek tiġi skambjata elettronikament bejn l-istituzzjonijiet. Tista' titlob ukoll dokument U1 b'din l-informazzjoni lill-istituzzjonijiet tal-pajjiżi fejn ħdimt. Jekk tippreżenta dan id-dokument lis-servizzi tal-impjieg tal-pajjiż ta' residenza tiegħek jaf iħaffef id-deċiżjoni dwar it-talba tiegħek.

Il-liġi Ewropea tassumi li jkollok ċans ikbar li ssib impjieg fil-pajjiż fejn tgħix attwalment. Hu għalhekk li tippermetti lill-ħaddiema bla xogħol bejn il-fruntieri jirritornaw fil-pajjiż ta' residenza tagħhom minflok ma joqogħdu ġejjin u sejrin għand is-servizzi tal-impjieg ta' pajjiż ieħor.

Għalkemm ma ħallast l-ebda kontribuzzjonijiet lill-istituzzjoni tal-pajjiż fejn tgħix matul l-aħħar perjodu ta' impjieg tiegħek, int tirċievi l-benefiċċji daqslikieku kont assigurat hemmhekk.

Jekk l-ammont ta' benefiċċji tal-qgħad jiddependi mid-dħul professjonali preċedenti tiegħek, l-istituzzjoni li tagħti l-benefiċċju tibbaża l-kalkolu tagħha fuq id-dħul li rċevejt attwalment fil-pajjiż fejn ħdimt l-aħħar.

Bħala ħaddiem transkonfinali, l-unika pajjiż li jista' jagħtik il-benefiċċji tal-qgħad hu l-pajjiż ta' residenza tiegħek. Għalhekk għandek tirreġistra mas-servizzi tal-impjieg hemmhekk. Jekk tixtieq issib xogħol fil-pajjiż fejn ħdimt l-aħħar ukoll, tista' — bħala pass supplimentari — tirreġistra mas-servizzi tal-impjieg hemmhekk.

Imbagħad ikollok tikkonforma mal-proċeduri ta' kontroll u mal-obbligi taż-żewġ pajjiżi. Madankollu, peress li l-benefiċċji dejjem jitħallsu mill-pajjiż fejn tgħix, l-obbligi u l-attivitajiet tat-tfittix ta' xogħol hemmhekk għandhom prijorità.

Jekk tgħix f'pajjiż differenti tal-UE minn dak fejn taħdem, iżda tirritorna inqas minn darba fil-ġimgħa (jiġifieri m'intix ħaddiem bejn il-fruntieri), għandek żewġ għażliet: tista' tirreġistra mas-servizzi tal-impjieg u titlob il-benefiċċji tal-qgħad fil-pajjiż fejn ħdimt l-aħħar jew tista' tirritorna f'pajjiżek u tfittex xogħol u tirċievi l-benefiċċji tal-qgħad hemmhekk.

Fiż-żewġ każijiet, il-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad tiegħek hu bbażat fuq id-dħul professjonali li rċevejt matul l-aħħar attività fil-pajjiż fejn ħdimt.

Għandek ukoll il-possibbiltà li l-ewwel tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol u titlob il-benefiċċji fejn ħdimt l-aħħar imbagħad tirritorna fil-pajjiż ta' residenza tiegħek billi "tesporta" l-benefiċċji tal-qgħad tiegħek (ara iktar l-isfel).

Il-pajjiż ta' residenza tiegħek hu l-post fejn tgħix normalment. Fi kliem ieħor, fejn jinsab iċ-"ċentru tal-interess" tiegħek.

Teżisti lista ta' kriterji biex tgħin lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jevalwaw liema pajjiż għandu jitqies bħala l-post ta' residenza tiegħek. Il-kriterji jinkludu: kemm domt fuq it-territorju tal-pajjiżi kkonċernati; l-istatus u r-rabtiet ta' familtek; is-sitwazzjoni tal-akkomodazzjoni tiegħek u kemm hi permanenti; il-post fejn għandek attivitajiet professjonali jew bla lukru; il-karatterisitiċi tal-attività professjonali tiegħek; fejn tgħix għal raġunijiet ta' taxxa; fil-każ ta' studenti, is-sors tad-dħul tagħhom.

Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni dwar liema pajjiż għandu jitqies bħala l-post ta' residenza tiegħek issir mill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u mhux minnek.

Qed tfittex xogħol barra minn Malta

Jekk tixtieq issib xogħol f'pajjiż differenti minn dak li jħallas il-benefiċċji tal-qgħad tiegħek, tista' tittrasferixxi, jew "tesporta", dawn il-benefiċċji għal perjodu limitat ta' żmien (Ara l-kundizzjonijiet iktar l-isfel). >> Uża d-direttorju tagħna biex issib il-kuntatt ta' istituzzjoni

Taħt ċerti kundizzjonijiet (ara iktar l-isfel), tista' tirċievi l-benefiċċji tal-qgħad tiegħek għal perjodu ta' tliet xhur mid-data meta ma tibqax disponibbli għas-servizzi tal-impjieg tal-pajjiż li jħallas il-benefiċċji tiegħek. Is-servizzi jew l-istituzzjonijiet kompetenti ta' dak il-pajjiż jistgħu jtawlu dan il-perjodu sa massimu ta' sitt xhur.

Biex tiżgura li ma titlef l-ebda benefiċċji tal-qgħad, għandek tapplika għal estensjoni qabel ma jgħaddu l-ewwel 3 xhur. L-awtoritajiet nazzjonali mhumiex obbligati li jagħtu estensjoni. Jiddeċiedu abbażi ta' evalwazzjoni taċ-ċirkostanzi tiegħek.

  1. Trid tippreżenta ruħek għand is-servizzi tal-impjieg tal-pajjiż li jħallas il-benefiċċji tiegħek tal-anqas erba' ġimgħat wara li tispiċċa bla xogħol. Jista' jkun hemm eċċezzjonijiet.
  2. Trid tapplika għad-dokument U2 għand is-servizz tal-impjieg tiegħek. Dan id-dokument jippermettilek tirreġistra mas-servizzi tal-impjieg barra minn pajjiżek.
  3. Fi żmien sebat ijiem wara li titlaq, trid tirreġistra mas-servizzi tal-impjieg tal-pajjiż fejn biħsiebek issib xogħol. Imbagħad trid tikkonforma mal-obbligi u l-proċeduri ta' kontroll organizzati mis-servizzi tal-impjieg hemmhekk.
  4. Jekk ma ssibx xogħol, trid tirritorna f'pajjiżek qabel ma jiskadi l-perjodu speċifikat fuq il-formola U2 tiegħek. Jekk tirritorna iktar tard, mingħajr il-permess espliċitu tas-servizzi tal-impjieg tal-pajjiż li jħallas il-benefiċċji tiegħek, titlef il-bqija tad-drittijiet kollha.

Jekk tirritorna fil-pajjiż li jħallas il-benefiċċji tal-qgħad tiegħek qabel l-iskadenza tal-perjodu speċifikat mis-servizz tal-impjieg fil-formola U2, tista' tibqa' tirċievi l-benefiċċji tal-qgħad intitolat għalihom. Jekk tirritorna wara li jkun skada l-perjodu speċifikat, tista' titlef id-dritt tiegħek għal dawn il-benefiċċji.

Jekk tirritorna fil-pajjiż li jħallas il-benefiċċji tal-qgħad tiegħek qabel l-iskadenza tal-perjodu speċifikat mis-servizz tal-impjieg fil-formola U2, tista' tibqa' tirċievi l-benefiċċji tal-qgħad intitolat għalihom.

Tista' tiddeċiedi wkoll li tmur f'pajjiż differenti biex tfittex xogħol hemmhekk u tibqa' tirċievi l-benefiċċji tal-qgħad tiegħek sakemm il-perjodu tiegħek barra minn pajjiżek ma jaqbiżx iktar minn 3 xhur (li jistgħu jiġġeddu għal 6 xhur mill-istituzzjoni tiegħek).

Iva, tista' tagħmel dan fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi iżda:

  • l-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Liechtenstein, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u r-Renju Unit għadhom japplikaw restrizzjonijiet fuq iċ-ċittadini Bulgari u Rumeni u
  • l-Awstrija, il-Ġermanja, Malta, l-Iżvizzera u r-Renju Unit japplikaw ukoll xi restrizzjonijiet fuq iċ-Ċeki, l-Estoni, il-Latvjani, il-Litwani, l-Ungeriżi, il-Pollakki, is-Slovakki u s-Sloveni.

Dawn ir-restrizzjonijiet kollha għandhom jitneħħew:

  • sat-30 ta' April 2010 għaċ-ċittadini Ċeki, Latvjani, Litwani, Ungeriżi, Pollakki, Slovakki u Sloveni -sal-31 ta' Mejju 2011 mill-Iżvizzera.
  • sal-31 ta' Diċembru 2013 għaċ-ċittadini Bulgari u Rumeni -sal-31 ta' Mejju 2016 mill-Iżvizzera.

Benefiċċji oħra

Jekk tirritorna f'pajjiżek (il-pajjiż ta' residenza) wara li tkun ħdimt f'pajjiż ieħor, u dan il-pajjiż iħallas il-benefiċċji tal-qgħad tiegħek, dan ikun responsabbli wkoll għad-drittijiet tiegħek l-oħra relatati mas-sigurtà soċjali. Anke jekk kont assigurat f'pajjiż ieħor tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja jew l-Iżvizzera matul l-aħħar perjodu ta' impjieg tiegħek, il-pajjiż li jħallas il-benefiċċji tal-qgħad tiegħek isir kompetenti.

Jekk tirċieivi l-benefiċċji tal-qgħad mill-pajjiż fejn spiċċajt bla xogħol, l-assigurazzjoni fuq is-saħħa tiegħek tibqa' taħdem fil-pajjiżi l-oħra tal-UE. Int u familtek tkunu intitolati għall-kura – iżda jkollok turi l-Kard Ewropea tal-Assigurazzjoni fuq is-Saħħa (EHIC). Jekk għad m'għandekx waħda, tista' tapplika għaliha mill-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek. >> Żur il-paġni tagħna ddedikati għall-EHIC

    Aqsam

  • Twitter Facebook Ixxerja fuq Google+