Mur fil-path tan-navigazzjoni, billi taqbeż is-site tools u s-selettur tal-lingwa

FAQ - Invalidità

Diġà żort il-paġna tagħna dwar il-benefiċċji tal-invalidità?

Il-kalkolu tal-pensjoni tiegħek

F'bosta mill-każijiet, l-ammont tal-pensjoni tiegħek jiddependi mil-livell ta' invalidità rikonoxxuta. Din id-deċiżjoni ssir mill-istituzzjonijiet nazzjonali ta' kull pajjiż fejn kont assigurat, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

Il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-invalidità jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor. Jekk jogħġbok irreferi għas-sitwazzjonijiet deskritti fit-taqsima ewlenija dwar il-benefiċċji tal-invalidità biex issib liema pajjiż/i se jħallas/jħallsu l-pensjoni tal-invalidità tiegħek.

Il-pajjiż fejn titlob il-pensjoni tiegħek jikkunsidra l-pensjonijiet li tieħu mill-pajjiż/i l-ieħor/oħra meta jikkalkula l-ammont dovut. >> Kun af aktar dwar ir-regoli nazzjonali tas-sigurtà soċjali

Eżempju prattiku: Kont assigurat għal 20 sena f'pajjiż A, imbagħad għal ħames snin f'B u mbagħad għal sentejn f'C. Fit-tliet pajjiżi, l-ammont tal-pensjoni tal-invalidità jiddependi mit-tul tal-perjodu ta' assigurazzjoni koperta.

Tieqaf taħdem f'C fejn il-livell tal-invalidità tiegħek ġie evalwat għal 100%. Dan jintitolak għal pensjoni ta' invalidità minn C bbażata fuq sentejn ta' assigurazzjoni. Tieħu wkoll pensjoni tal-invalidità minn B fejn kont assigurat għal 5 snin, iżda hemmhekk il-livell tal-invalidità tiegħek ġie evalwat għal 70%. F'A, fejn kont assigurat għall-biċċa l-kbira tal-karriera professjonali tiegħek, tieħu pensjoni bbażata fuq invalidità ta' 30% biss.

Dan jiddependi mill-fatt li s-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali mhumiex armonizzati, iżda kkoordinati biss mid-dispożizzjonijiet tal-UE, b'hekk kull pajjiż għandu r-regoli tiegħu. >> Kun af aktar dwar ir-regoli nazzjonali tas-sigurtà soċjali

It-talbiet tiegħek

Għandek tagħmel it-talba għall-pensjoni tal-invalidità tiegħek fil-pajjiż fejn tgħix, sakemm qatt ma kont assigurat fih. Inkella, ikkuntattja lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż fejn kont assigurat l-aħħar. >> Uża d-direttorju tagħna biex issib il-kuntatt ta' istituzzjoni

L-istituzzjoni tal-pajjiż fejn titlob pensjoni tal-invalidità tikkunsidra l-perjodi ta' assigurazzjoni jew residenza li għamilt skont il-leġiżlazzjoni ta' kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja jew l-Iżvizzera, jekk dan ikun neċessarju għad-dritt tal-benefiċċju tiegħek.

Se ġġorr barra minn Malta

Meta int intitolat għal pensjoni tal-invalidità, din titħallas irrispettivament minn fejn tgħix jew tinsab fl-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja jew l-Iżvizzera. >> Sib aktar informazzjoni dwar il-benefiċċji tal-mard

Jekk tgħix jew tinsab f'pajjiż wieħed tal-UE (jew l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja jew l-Iżvizzera) iżda l-pensjoni tiegħek titħallas f'pajjiż ieħor, kwalunkwe verifiki amministrattivi u testijiet mediċi meħtieġa normalment għandhom isiru mill-awtoritajiet tal-pajjiż fejn qed tgħix jew tinsab. Madankollu, tista' tintalab tirritorna fil-pajjiż li jħallas il-pensjoni tiegħek għal xi testijiet, jekk saħħtek tippermettilek tagħmel dan.

    Aqsam

  • Twitter Facebook Ixxerja fuq Google+