Mur fil-path tan-navigazzjoni, billi taqbeż is-site tools u s-selettur tal-lingwa

FAQ - Mard, maternità u paternità

Diġà żort il-paġna tagħna dwar il-mard, il-maternità u l-paternità?

Drittijietek

F'kull pajjiż, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi liema benefiċċji għandhom jingħataw u taħt liema kundizzjonijiet. Ir-regoli ta' koordinazzjoni tal-UE jiżguraw li meta tivvjaġġa fl-Ewropa tiġi trattat taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dawk il-pajjiżi.

Jekk jogħġbok ftakar li int intitolat għall-benefiċċji tal-mard in natura fil-pajjiż fejn tgħix skont il-kundizzjonijiet li japplikaw hemmhekk, irrispettivament minn fejn int assigurat.

Għall-kuntrarju ta' dan, tirċievi benefiċċji fi flus mill-pajjiż fejn int assigurat, irrispettivament minn fejn tgħix u mill-kundizzjonijiet li japplikaw hemmhekk.

>> Għal żjarat temporanji jew kura medika ppjanata żur il-paġni tagħna dwar il-kura tas-saħħa barra minn pajjiżek

L-ispejjeż u l-proċeduri tar-rimborż jiddependu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' kull pajjiż.

Ir-regoli tal-UE jiggarantixxu li tirċievi kura taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-pajjiż fejn tinsab (temporanjament) jew tgħix. Jekk iċ-ċittadini jridu jħallsu, int trid tagħmel l-istess. Jekk il-kura hi bla ħlas, tkun bla ħlas għalik ukoll.

Madankollu ftakar li jekk qed tivvjaġġa barra minn Malta biex speċifikament tirċievi kura tas-saħħa, għandek bżonn awtorizzazzjoni minn qabel mill-istituzzjoni tas-saħħa kompetenti tiegħek.

>> Għal żjarat temporanji jew kura medika ppjanata żur il-paġni tagħna dwar il-kura tas-saħħa barra minn pajjiżek

Il-benefiċċji in natura jipprovdu, iħallsu direttament jew jirrimborżaw l-ispiża tal-kura medika, prodotti relatati, bħall-mediċini, u s-servizzi relatati. Fi kliem ieħor, xi drabi l-benefiċċji in natura huma fil-fatt ipprovduti fi flus kontanti, eż. meta tirċievi pagament li jirrimborża l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa.

Bħala regola ġenerali, dawn il-benefiċċji huma pprovduti mill-pajjiż fejn tgħix jew tinsab daqslikieku int assigurat hemmhekk. Dan jista' jkun ta' vantaġġ jew żvantaġġ għalik meta mqabbel mal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn int assigurat.

Il-proċeduri, l-iskadenzi u l-kundizzjonijiet kollha għad-dritt jiġu deċiżi fil-livell nazzjonali. Għalhekk, ikkuntattja l-istituzzjoni tal-kura tas-saħħa tiegħek biex tkun taf aktar dwar drittijietek. >> Uża d-direttorju tagħna biex issib il-kuntatt ta' istituzzjoni

Il-benefiċċji fi flus huma normalment intiżi biex jieħdu post dħul (paga, salarju) li jiġi sospiż minħabba mard jew maternità/paternità. Il-benefiċċji pprovduti f'sitwazzjoni speċifika, eż. id-dipendenza ta' persuna marida jew b'diżabilità fuq l-għajnuna ta' persuna oħra, jistgħu jitqiesu wkoll bħala benefiċċji fi flus.

L-ammont u t-tul ta' dawn il-benefiċċji jiddependi għal kollox mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn int assigurat. Il-benefiċċji kollha fi flus normalment jitħallsu lilek direttament mill-istituzzjoni kompetenti ta' dan il-pajjiż, għalhekk ikkuntattja lill-istituzzjoni tal-kura tas-saħħa tiegħek biex tkun taf dwar drittijietek. >> Uża d-direttorju tagħna biex issib il-kuntatt ta' istituzzjoni

 

Kura tas-saħħa neċessarja tinkludi kura li tevita li jkollok tirritorna f'pajjiżek qabel iż-żmien taż-żjara temporanja ppjanata barra pajjiżek. Il-fornitur tal-kura medika jiddetermina liema kura hi meħtieġa waqt li jitqies it-tul taż-żjara tiegħek.

X'inhi s-sitwazzjoni tiegħek?

Il-prinċipju ewlieni hu li l-pajjiż fejn int assigurat hu l-pajjiż li jħallas il-pensjoni tiegħek. Jekk tirċievi pensjoni minn iktar minn pajjiż wieħed u wieħed minnhom hu l-pajjiż fejn tgħix, dan il-pajjiż hu responsabbli għall-kopertura tal-kura tas-saħħa tiegħek u tal-membri ta' familtek. Madankollu, int dejjem intitolat għal benefiċċji in natura, eż. kura tas-saħħa u mediċini, fil-pajjiż fejn tiddeċiedi li tgħix.

Għal dan, jeħtieġ tirreġistra mal-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali hemmhekk, irrispettivament minn fejn int assigurat. Trid titlob formola S1 lill-pajjiż li jħallas il-pensjoni tiegħek. Din tużaha biex tirreġistra mal-istituzzjoni tal-kura tas-saħħa fejn tgħix. Tirċievi kura daqslikieku int assigurat hemmhekk u taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż.

Jekk ma tirċevix pensjoni mill-pajjiż fejn tgħix, il-pajjiż li jħallas il-pensjoni tiegħek jirrimborża lill-pajjiż fejn tgħix għas-servizzi pprovduti lilek u lill-membri ta' familtek. Din il-proċedura ta' rimborż issir bejn l-istituzzjonijiet.

Il-pajjiż li jħallas il-pensjoni tiegħek hu responsabbli wkoll biex joħroġ il-Kard Ewropea għall-Assigurazzjoni fuq is-Saħħa (EHIC). Il-benefiċċji tal-mard fi flus huma pprovduti mill-pajjiż fejn int assigurat. >> Żur il-paġni tagħna ddedikati għall-EHIC

Bħala ħaddiem bejn il-fruntieri għandek aċċess għall-kura tas-saħħa fiż-żewġ pajjiżi fejn tgħix u fejn taħdem. F'ħafna każijiet, hu iktar prattiku għalik li tirċievi l-kura tas-saħħa fil-pajjiż fejn taħdem u fejn tqatta' l-biċċa l-kbira ta' ħinek.

Il-membri ta' familtek igawdu mill-istess drittijiet tiegħek: fl-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Greċja, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja.

Mill-1 ta' Mejju 2014, l-istess drittijiet se jkunu garantiti: fl-Estonja, Spanja, l-Italja, il-Litwanja, l-Ungerija u l-Olanda.

Għandek l-istess dritt li tirċievi l-kura tas-saħħa fiż-żewġ pajjiżi anke wara li tirtira jekk kemm il-pajjiż fejn kont taħdem kif ukoll il-pajjiż responsabbli għall-kopertura tas-sigurtà soċjali tiegħek bħala pensjonant huma fost dawn: il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Awstrija u l-Portugall.

Għal aktar mistoqsijiet ikkuntattja l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali tiegħek. Għal għażliet oħra ara t-taqsima tagħna tal-mistoqsijiet frekwenti dwar il-benefiċċji tal-mard jew >> uża d-direttorju biex issib il-kuntatt ta' istituzzjoni nazzjonali

Jekk tmur barra minn pajjiżek għal żmien temporanju biex tistudja, għandek tiżgura li tapplika għall-Kard Ewropea għall-Assigurazzjoni fuq iis-Saħħa (EHIC) mal-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tiegħek qabel ma titlaq. >> Żur il-paġni tagħna ddedikati għall-EHIC

Meta tkun "issekondat" minn min iħaddmek, jew minnek stess jekk taħdem għal rasek, biex taħdem f'pajjiż ieħor tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja jew l-Iżvizzera, tibqa' kopert mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini tiegħek.

Peress li l-issekondar hu dejjem limitat fiż-żmien (massimu ta' 24 xahar) tista' tuża l-Kard Ewropea għall-Assigurazzjoni fuq is-Saħħa matul iż-żjara tiegħek. Il-formola A1 tippermettilek turi li int assigurat f'pajjiżek għal raġunijiet oħra. >> Żur il-paġni tagħna ddedikati għall-EHIC

It-talbiet tiegħek

L-iskemi tal-kura tas-saħħa huma differenti minn pajjiż għall-ieħor. Jekk tiddeċiedi li ġġorr barra minn Malta, għandek tikkuntattja lill-istituzzjoni lokali tal-kura tas-saħħa biex issir taf dwar il-proċeduri u l-iskadenzi.

Jekk taħdem barra minn Malta, int u l-membri ta' familtek huma koperti mil-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali ta' dak il-pajjiż bl-istess mod bħaċ-ċittadini t'hemmhekk (japplikaw regoli speċjali għall-ħaddiema ssekondati u għall-baħħara).

Jekk ma taħdimx iżda ġarrejt għal raġunijiet oħra, għandek titlob Kard Ewropea għall-Assigurazzjoni fuq is-Saħħa mill-pajjiż fejn int assigurat għaż-żjarat temporanji jew formola S1 biex tirreġistra mal-iskema lokali tal-kura tas-saħħa.

Jekk għandek dubju dwar liema pajjiż hu responsabbli għall-kopertura tas-sigurtà soċjali tiegħek, ikkuntattja l-istituzzjonijiet lokali tiegħek >> Uża d-direttorju tagħna biex issib il-kuntatt ta' istituzzjoni nazzjonali

Kull meta ċerti kundizzjonijiet ikunu jridu jiġu sodisfatti qabel ma tkun intitolat għall-benefiċċji, l-istituzzjoni li teżamina t-talba tiegħek għandha tqis il-perjodi ta' assigurazzjoni, ir-residenza jew l-impjieg li għamilt taħt il-leġiżlazzjoni ta' pajjiżi oħra. Din hi garanzija li ma titlifx il-kopertura tal-assigurazzjoni kontra l-mard tiegħek meta tbiddel l-impjieg u tmur f'pajjiż ieħor.

Ngħidu aħna, f'xi pajjiżi, ma tistax tkun intitolat għall-benefiċċji tal-mard qabel ma tkun ħallast l-assigurazzjoni għal sitt xhur. Ir-regoli tal-UE jiżguraw li tkun intitolat għall-benefiċċji tal-mard mill-bidu tal-perjodu ta' assigurazzjoni hemmhekk jekk kont kopert qabel għal 6 xhur jew iktar f'pajjiż ieħor tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja jew l-Iżvizzera.

    Aqsam

  • Twitter Facebook Ixxerja fuq Google+