Mur fil-path tan-navigazzjoni, billi taqbeż is-site tools u s-selettur tal-lingwa

Persuni b'diżabbiltà

L-UE tippromwovi l-inklużjoni attiva u l-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà tal-persuni b’diżabilità, skont il-metodu li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem tal-UE fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ diżabilità. Id-diżabilità hija kwistjoni ta’ drittijiet u mhux suġġett ta’ diskrezzjoni. Dan il-metodu huwa wkoll il-qofol tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità tan-NU (UNCRPD), li l-Komunità Ewropea hija firmatarju tagħha.

L-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020 tal-Kummissjoni Ewropea, adottata fl-2010, tibni fuq l-UNCRPD u tqis l-esperjenza tal-Pjan ta’ Azzjoni tad-Diżabilità (2004-2010).

Fiha azzjonijiet fi tmin oqsma ta’ prijorità li jfittxu li jilħqu l-għanijiet tagħha:

1. Aċċessibbiltà: nagħmlu l-oġġetti u s-servizzi aċċessibbli għal persuni b'diżabilità u nippromwovu s-suq għal apparat ta' appoġġ.

2. Parteċipazzjoni: niżguraw li l-persuni b’diżabilità jgawdu l-benefiċċji kollha taċ-ċittadinanza tal-UE; inneħħu l-ostakli għall-parteċipazzjoni ugwali fil-ħajja pubblika u l-attivitajiet ta’ divertiment; nippromwovu l-għoti ta’ servizzi ta' kwalità bbażati fil-komunità.

3. Ugwaljanza: niġġieldu d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ diżabilità u nippromwovu l-opportunitajiet indaqs.

4. Impjieg: inqajmu l-kuxjenza lejn is-sehem tal-persuni b’diżabilità li jaħdmu fis-suq miftuħ tax-xogħol. Huma jirrappreżentaw persuna minn kull sitta tal-popolazzjoni tal-UE li hi ta’ età eleġibbli għax-xogħol, iżda r-rata ta' impjieg tagħhom hija baxxa meta mqabbla mal-bqija tal-popolazzjoni.

5. Edukazzjoni u Taħriġ: nippromwovu l-edukazzjoni inklussiva u t-tagħlim tul il-ħajja għall-istudenti b'diżabilità. Aċċess ugwali għall-edukazzjoni ta’ kwalità u t-tagħlim tul il-ħajja jippermetti lill-persuni b’diżabilità jipparteċipaw bi sħiħ fis-soċjetà u jtejbu l-kwalità ta’ ħajjithom. Il-Kummissjoni Ewropea nediet bosta inizjattivi edukattivi għall-persuni b’diżabilità. Dawn jinkludu l-Aġenzija Ewropea għall-Iżvilupp fl-Edukazzjoni għan-Nies bi Bżonnijiet Speċjali, kif ukoll grupp ta’ studju speċifiku dwar id-diżabilità u t-tagħlim tul il-ħajja.

6. Protezzjoni soċjali: nippromwovu kundizzjonijiet diċenti tal-għajxien, niġġieldu l-povertà u l-esklużjoni soċjali.

7. Saħħa: nippromwovu aċċess ugwali għas-servizzi tas-saħħa u faċilitajiet relatati.

8. Azzjoni esterna: nippromwovu d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità fil-programmi tat-tkabbir tal-UE u tal-iżvilupp internazzjonali.

Il-Kummissjoni tappoġġja wkoll in-Netwerk Akkademiku tal-esperti Ewropew dwar id-Diżabilità (ANED), li tagħti analiżi tas-sitwazzjonijiet, il-politiki u d-dejta nazzjonali lill-Kummissjoni. ANED jimmaniġġja wkoll l-Għodda Onlajn li tagħti ħarsa ġenerali tal-istrumenti ewlenin fl-Istati Membri u l-UE li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-UNCRPD. Il-ħolqien tal-Għodda hu wieħed mill-azzjonijiet imbassra fil-Lista ta’ Azzjonijiet (20101-2015) li takkumpanja l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità.