Mur fil-path tan-navigazzjoni, billi taqbeż is-site tools u s-selettur tal-lingwa

Kura medika mhux mistennija - Il-Finlandja

Nota:Ir-residenti tal-pajjiżi Nordiċi (id-Danimarka, l-Islanda, in-Norveġja u l-Isvezja) iridu sempliċiment juru karta tal-identità valida biex juru l-eliġibbiltà għall-kura tas-saħħa fil-Finlandja.

Emerġenza, ambulanza, ambulanza tal-ajru

  • Ċempel il-112

Kela (L-Istituzzjoni tal-Assikurazzjoni Socjali tal-Finlandja)
Telefown: +358 20634 0210 (bil-Finlandiż)
Telefown: +358 20634 0220 (bl-Isvediż)

jew ikkuntattja ċentru tas-saħħa muniċipali lokali fir-reġjun fejn qed toqgħod.

Użu tal-Karta Ewropea għall-Assikurazzjoni tas-Saħħa waqt żjara temporanja fil-Finlandja

Il-Finlandja għandha żewġ ilsna uffiċjali: il-Finlandiż u l-Isvediż. Il-biċċa l-kbira tal-persuni, inklużi l-professjonisti mediċi, jitkellmu bl-Ingliż.

Kura u spejjeż

Tobba

  • Il-Karta Ewropea għall-Assikurazzjoni tas-Saħħa tintitolak għall-kura fi kwalunkwe istituzzjoni tal-kura tas-saħħa pubblika. Tista' tikkuntattja liċ-ċentru tas-saħħa muniċipali, fejn il-professjonisti tal-kura tas-saħħa jevalwaw x'tip ta' kura medika għandek bżonn.
  • Ikollok turi Karta għall-Assikurazzjoni tas-Saħħa Ewropea valida u passaport jew xi forma oħra ta' identifikazzjoni biex tieħu l-kura bl-istess prezz bħar-residenti.
  • Iċ-ċentru tas-saħħa jiċċarġjak biss miżata tal-klijent skont skala fissa ta' miżati.
  • Jekk għadek ma għalaqtx it-18, il-kura hija bla ħlas.
  • Tista' wkoll tmur għand tobba u kliniċi privati. F'dan il-każ ikollok tħallas kollox int. Madankollu, tista' tagħmel talba għal rimborż aktar tard, mill-istituzzjoni tal-assikurazzjoni soċjali Kela.

Dentisti

  • Il-Karta Ewropea għall-Assikurazzjoni tas-Saħħa tintitolak għall-kura fi kwalunkwe istituzzjoni tal-kura tas-saħħa pubblika. Ikkuntattja liċ-ċentru muniċipali tas-saħħa jekk teħtieġ kura għal snienek.
  • Ikollok turi Karta għall-Assikurazzjoni tas-Saħħa Ewropea valida u passaport jew xi forma oħra ta' identifikazzjoni biex tieħu l-kura bl-istess prezz bħar-residenti.
  • Iċ-ċentru tas-saħħa jiċċarġjak biss miżata tal-klijent skont skala fissa ta' miżati.
  • Jekk għadek ma għalaqtx it-18, il-kura tas-snien hija bla ħlas.
  • Tista' wkoll tmur għand dentisti u kliniċi privati. F'dan il-każ ikollok tħallas kollox int. Madankollu, tista' tagħmel talba għal rimborż aktar tard, mingħand Kela.

Kura fi sptar

  • Biex tiddaħħal fi sptar ikollok bżonn il-firma ta' tabib.
  • Ikollok turi Karta Ewropea għall-Assikurazzjoni tas-Saħħa valida u passaport jew identifikazzjoni oħra.
  • Teżisti miżata kuljum għall-klijenti li jieħdu l-kura fi sptar bħala inpatients.
  • Jekk għadek ma għalaqtx it-18, m'għandekx għalfejn tħallas il-miżata ta' kuljum għal aktar minn sebat ijiem fl-istess sena kalendarja.
  • Jeżistu miżati għall-klijenti li jieħdu l-kura fi sptar bħala outpatients.
  • Jekk tmur fi sptar privat, ikollok tħallas kollox int. Madankollu, tista' tagħmel talba għal rimborż aktar tard, mingħand Kela.

Riċetti tat-tabib

  • Tista' tmur bir-riċetta tat-tabib f'liema spiżerija trid.
  • Fl-ispiżerija trid tħallas il-prezz kollu tal-mediċina.
  • L-ispiżerija għandha tagħtik irċevuta għan-nefqa kollha tar-riċetta, li mbagħad tkun tista' titlob rimborż għaliha minn Kela.

Ambulanza

  • Il-Karta Ewropea għall-Assikurazzjoni tas-Saħħa tagħtik id-dritt għal kura tal-emerġenza f'ambulanza. Trid turi l-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea lill-ħaddiema tal-ambulanza.
  • Tal-ambulanza jeħdulek miżata ta' klijent (14,25 ewro) għall-kura.

Ambulanza bl-ajru

  • Il-Karta Ewropea għall-Assikurazzjoni tas-Saħħa tagħtik id-dritt għal kura tal-emerġenza f'ambulanza tal-ajru. Trid turi l-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea lill-ħaddiema tal-ambulanza tal-ajru.
  • Il-ħtieġa għal trasport bl-ajru jiġi deċiż meta jintuża n-numru tal-emerġenza 112.

Rimborż

  • L-assikurazzjoni nazzjonali tas-saħħa troddlok lura parti minn:
    • servizzi tal-kura tas-saħħa privati, skont skeda ta' spejjeż stipolati
    • vjaġġar marbut ma' kura u testijiet
    • ċerti mediċini.
  • Ma jsir l-ebda rimborż għall-miżati standard li jiċċarġjaw iċ-ċentri muniċipali tas-saħħa jew l-isptarijiet.
  • Ir-rimborż tista' tagħmel talba għalih mill-istituzzjoni tal-assikurazzjoni soċjali Kela billi tibgħat formola SV 127(e), li tinstab fil-kliniċi privati. Il-formola tista' ssibha wkoll fis-sit web ta' Kela.
  • Imla l-formola u ffirmaha. Għandek bżonn timla informazzjoni li tinkludi l-indirizz permanenti, id-data u d-dettalji tal-bank (isem il-bank u n-numru tal-kont, inkluż Numru Internazzjonali tal-Kont tal-Bank (IBAN) u l-Kodiċi tal-Identifikazzjoni tal-Bank (BIC).
  • Inkludi kopji tad-dokumenti relevanti meta tibgħat il-formola lil Kela. Dawn jinkludu l-irċevuti, il-Karta Ewropea għall-Assikurazzjoni tas-Saħħa u l-passaport jew identifikazzjoni oħra.
  • Kela tqiegħed ir-rimborż direttament fil-kont tal-bank tiegħek.
  • It-talbiet għar-rimborż iridu jintbagħtu fi żmien sitt xhur minn meta ħallast.
  • Ara d-dettalji tar-rrimborż fuq is-sit web ta' Kela.

In-numru tas-servizz għar-rimborż ta' spejjeż mediċi
Telefown: +358 20 692 204 (bil-Finlandiż)
Telefown: +358 20 692 224 (bl-Isvediż u l-Ingliż)

Jekk kellek tħallas għall-kura medika iżda ma rnexxilekx tibgħat talba għar-rimborż waqt li kont fil-Finlandja, ikkuntattja lill-fornitur tal-assikurazzjoni tas-saħħa tiegħek meta tasal lura f'pajjiżek.

    Aqsam

  • Twitter Facebook Ixxerja fuq Google+