Il-Kummissjoni Ewropea

FP7 in Brief illustration from FP7 in Brief brochure Kif tinvolvi ruħek fis-Seba’
Programm Kwadru ta’ l-UE għar-Riċerka

X’inhu l-PK7? Tagħrif bażiku

L-isem sħiħ tal-PK7 huwa “Is-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku”. Huwa se jdum seba’ snin mill-2007 sa l-2013. Il-programm għandu baġit totali ta’ aktar minn € 50 biljun. Dan jirrappreżenta żjieda sostanzjali meta mqabbel mal-Programm Kwadru PK6 preċedenti (żjieda ta’ 41 % fi prezzijiet ta’ l-2004, 63 % fi prezzijiet kurrenti), rifless tal-prijorità għolja tar-riċerka fl-Ewropa.

Tassew, il-PK7 huwa għodda ewlenija biex iwieġeb għall-ħtiġijiet ta’ l-Ewropa f’termini ta’ impjiegi u kompetittività, u biex jinżamm ir-rwol ta’ mexxejja fl-ekonomija globali msejsa fuq l-għarfien.

Dawn il-flus (fil-biċċa l-kbira) ser jintefqu fuq għotjiet għal dawk involuti fir-riċerka madwar l-Ewropa kollha u lil hinn minnha, għal ko-finanzjament tar-riċerka, ta’ l-iżvilupp teknoloġiku u ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni. L-għotjiet jingħataw fuq il-bażi ta’ sejħiet għal proposti u proċess ta’ skrutinju minn esperti fl-istess qasam (peer review), b’kompetizzjoni qawwija.

Sabiex ikunu komplementari ma’ programmi ta’ riċerka nazzjonali, attivitajiet iffinanzjati mill-PK7 irid ikollhom “valur miżjud Ewropew”. Aspett ewlieni tal-valur miżjud Ewropew huwa t-transnazzjonalità ta’ ħafna azzjonijiet: il-proġetti ta’ riċerka jitwettqu minn konsorzji b’parteċipanti minn pajjiżi differenti Ewropej (u oħrajn); boroż ta’ studju fil-PK7 jeħtieġu mobbiltà fuq fruntieri nazzjonali. Tassew, ħafna sfidi tar-riċerka (eż. riċerka dwar il-fużjoni, eċċ.), huma tant komplessi li jistgħu jiġu indirizzati biss fuq livell Ewropew.

Iżda fil-PK7 hemm ukoll azzjoni ġdida għal “timijiet individwali” bla ebda obbligu ta’ koperazzjoni transnazzjonali. F’dan il-każ, il-“valur miżjud Ewropew” qiegħed fiż-żjieda tal-kompetizzjoni bejn xjenzjati fir-riċerka fundamentali tal-“fruntiera” mil-livell nazzjonali għal dak Ewropew.

Il-PK7 huwa s-suċċessur naturali tal-programm preċedenti, il-PK6, u huwa r-riżultat ta’ snin ta’ konsultazzjoni mal-komunità tar-riċerka kemm mis-setturi pubbliċi u privati, ma’ parteċipanti ekonomiċi, u ma’ dawk li jieħdu deċiżjonijiet politiċi fl-Ewropa. Il-PK7 huwa akbar u aktar komprensiv mill-predeċessuri tiegħu. Huwa wkoll aktar flessibbli, bi proċeduri ħafna aktar issimplifikati.

Il-Programmi Kwadru għar-riċerka għandhom żewġ għanijiet strateġiċi ewlenin:

  • li jsaħħu l-bażi xjentifika u teknoloġika ta’ l-industrija Ewropea;
  • u li jinkoraġġixxu l-kompetittività internazzjonali tagħha, filwaqt li jippromwovu r-riċerka li tappoġġja politika ta’ l-UE.
^Fuq

Kif issib triqtek

Programm mifrux fuq 7 snin b’aktar minn € 50 biljun x’jintefqu u li jirrifletti l-aspetti kollha tal-politika tar-riċerka ta’ l-UE, huwa – naturalment – ta’ ċerta komplessità. Persuna ġdida faċli li tintilef fil-ħafna temi, attivitajiet, skemi ta’ finanzjament eċċ. Iżda hawn l-għajnuna!

Fl-Istati Membri kollha ta’ l-UE, fil-pajjiżi assoċjati mal-PK7 u f’bosta pajjiżi oħra, twaqqfu Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali (National Contact Points – “NCPs”) biex jagħtu pariri personalizzati u jgħinu lir-riċerkaturi u lill-organizzazzjonijiet li jkollhom il-ħsieb li jipparteċipaw. Ikkuntattja lill-NCP tiegħek bit-telefon, fax jew e-mail fil-lingwa nazzjonali tiegħek, u spjega s-sitwazzjoni tiegħek u l-ideat tiegħek.

Ix-xogħol tagħhom hu li jgħidulek liema parti tal-PK7 tista’ tinteressak, u jgħinuk bl-applikazzjoni tiegħek. Bl-appoġġ tagħhom, ikun ħafna aktar faċli għalik li timla l-formoli meħtieġa. Inti għandek issib id-dettalji u l-indirizz tal-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali “tiegħek” f’dan is-sit: cordis.europa.eu/fp7/get-support_en.html

Għalfejn tikkollabora?

Il-politika ta’ l-UE dwar l-iżvilupp tar-riċerka għall-ekonomija globali bbażata fuq l-għarfien jiffokaw dejjem aktar fuq ir-riċerka kollaborattiva, kemm fl-Ewropa u kemm ma’ msieħba fir-riċerka esterna. Fil-qalba ta’ din il-politika hemm il-koordinament ta’ timijiet nazzjonali jew Ewropej, ittwaqqif ta’ netwerks ta’ riċerka, u żjieda fil-mobbiltà ta’ riċerkaturi individwali. Il-formazzjoni ta’ timijiet ta’ riċerka minn pajjiżi differenti hija wkoll mod li jagħmel tajjeb għan-natura frammentata tax-xenarju Ewropew tar-riċerka.

Għall-ewwel darba fil-programmi ta’ riċerka ta’ l-UE, il-PK7 issa jista’ jappoġġja wkoll proġetti ta’ riċerka ta’ riċerkaturi/timijiet individwali permezz ta’ programmi, immexxija mill-investigaturi, ta kunsill ġdid, il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ara: http://erc.europa.eu/).

cover of the brochure
(~1.3 MB)
 
Fuq