Strumenti ta' appoġġ speċjali
JASPERS: Assistenza Konġunta għall-Appoġġ ta' Proġetti fir-Reġjuni Ewropej
X'inhu JASPERS?
JASPERS huwa partenarjat bejn il-Kummissjoni Ewropea (Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali), il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI
), il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ
) u l-Kreditanstalt für Wiederaufbau (KfW
). Huwa faċilità ta' għajnuna teknika għat-12-il pajjiż tal-UE li ssieħbu fl-UE fl-2004 u fl-2007. Huwa jipprovdi lill-Istati Membri kkonċernati bis-sostenn li jeħtieġu biex jippreparaw proġetti maġġuri ta' kwalità għolja, li jkunu sejrin jiġu kofinanzjati mill-fondi tal-UE.
X'assistenza jipprovdi JASPERS?
JASPERS jipprovdi pariri indipendenti lill-pajjiżi tal-UE kkonċernati biex jippermettilhom jippreparaw aħjar proġetti infrastrutturali maġġuri.
JASPERS jista' jipprovdi għajnuna fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-proġett – mill-identifikazzjoni inizjali ta' proġett għad-deċiżjoni li tingħata għajnuna b’għotja mill-UE. F'xi każijiet, jistgħu jingħataw pariri sal-bidu tal-fażi tal-kostruzzjoni.
Il-pariri tal-JASPERS ikopru:
- il-preparazzjoni tal-proġett (eż. analiżi tal-ispejjeż u benefiċċji, analiżi finanzjarja, kwistjonijiet ambjentali, ippjanar tal-akkwisti)
- reviżjoni tad-dokumentazzjoni (eż. studji tal-fattibbiltà, applikazzjonijiet għal għotjiet eċċ.)
- pariri dwar il-konformità mal-liġijiet tal-UE (ambjentali, kompetizzjoni eċċ.)
Hemm evidenza ċara li tissuġġerixxi li l-proġetti li rċevew l-għajnuna minn JASPERS kienu approvati ferm qabel dawk li ma kellhomx din l-għajnuna.
Liema proġetti jikkwalifikaw għall-assistenza taħt JASPERS?
JASPERS jimmira l-għajnuna tagħha għal proġetti infrastrutturali maġġuri li jiswew aktar minn €50 miljun appoġġjati mill-fondi tal-UE – pereżempju proġetti ta' toroq, ferroviji, ilma, skart, enerġija u trasport urban. Fil-każ tal-pajjiżi ż-żgħar fejn mhux ser ikun hemm ħafna proġetti ta' dan id-daqs, JASPERS jikkonċentra fuq l-akbar proġetti.
Għal aktar informazzjoni, il-benefiċjarji potenzjali għandhom jikkuntattjaw lill-Awtorità Amministrattiva
responsabbli għall-koordinazzjoni tal-Fondi Strutturali tal-UE fil-pajjiż tagħhom.
Kif inhu organizzat JASPERS?
Il-persunal ta’ JASPERS ġej minn ftehim ta' sħubija: il-Kummissjoni tipprovdi l-fondi li jintużaw biex ikun ingaġġat persunal speċjalizzat waqt li t-tliet imseħbin l-oħrajn – il-BEI; il-BERŻ u l-KfW – jikkontribwixxi billi jissekondaw il-persunal direttament.
Il-persunal fis-sede prinċipali ta’ JASPERS huwa bbażat fil-BEI fil-Lussemburgu iżda għandu tliet ċentri reġjonali f'Varsavja, fi Vjenna u f’Bukarest fejn huma bbażati madwar 70% ta' bejn wieħed u ieħor 85 mill-persunal speċjalizzat tiegħu sabiex ikunu qrib il-benefiċjarji u jkunu jistgħu joffru servizz aktar effiċjenti.
- Varsavja tkopri lill-Polonja, lill-Estonja, lil-Latvja u lil-Litwanja
- Vjenna tkopri lir-Repubblika Ċeka, lill-Ungerija, lis-Slovakkja, lis-Slovenja u lil Malta,
- Bukarest tkopri lir-Rumanija u lill-Bulgarija
Fil-Lussemburgu hemm ukoll stazzjonati numru żgħir ta' esperti. Huma jistgħu jaħdmu f'kull pajjiż benefiċjarju kif meħtieġ.


